Din hija il-Liturgija tal-Hames Hadd tar-Randan ( 2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Ninsabu għaddejjin minn żmien li għad
jinkiteb fl-Istorja bħal żmien ta’ mportanza kbira. Qed nirreferi għall-pandemija li għal ħafna
hi ta’ skomodità u telfien ta’ ċerti libertajiet, u ta’ sens ta’ theddid, imma
għal ħafna oħrajn hi esperjenza ta’ kalamità għax minġel il-qerried ħakem li xi
ħadd qrib tagħhom, qarib jew ħabib.
Mill-ġdid ninsabu b’kollox magħluq, inkluż il-knejjes tagħna, u għal
darb’oħra l-Ġimgħa Mqaddsa se ngħixuha fuq livel individwalista, jien u
l-iskrijn tat-T.V. S’issa għadna ma
tantx qed nifhmu s-sens ta’ dan kollu; għadna ma tantx qed nifhmu xi jrid jgħid
Alla li f’dan il-punt tal-Istorja ppermetta din l-imxija li Hu biss jaf meta se
tgħejja u tħallina bi kwietna.
Tista’ tgħinna nifhmu l-Istorja, il-Kelma
tal-Ħames Ħadd tar-Randan. Għax jekk
tiskot il-Liturġija bil-ġemgħa preżenti, imma l-Kelma tibqa’ dejjem tidwi. Il-Knisja qegħda tpoġġi quddiemna
il-Mogħdija... ekku “Mogħdija”... jidher Alla dejjem f’ “Mogħdija”, dejjem
f’moviment, bħalma l-Għid hu “Mogħdija” mid-dlam għad-Dawl, mill-Mewt
għall-Ħajja... ekku, se nitkellmu ħafna fuq “Mogħdija” minn Patt Qadim għal dak
Ġdid. Jista’ jkun li anke lilna Alla
jrid jaħtafna u jġorrna miegħU..., għax aħna m’aħniex kapaċi nitħarrku minn
jeddna, lanqas il-Knisja... huwa HU li jġorrna minn Patt qadim għal ieħor
Ġdid! Alla jinqeda b’avvenimenti storiċi
li jdaħħlu lill-bniedem fi kriżi, fi kriżi serja fejn jinduna li għandu bżonn
jgħaddi għal Dawl ġdid, għal Ħelsien ġdid, għal Rabta miegħU ġdida. Ara kif Alla dejjem jaħdem billi jwettaq
“Għid”, “Mogħdija” minn qagħda mdallma ta’ telqa u Mewt għal sitwazzjoni li
fiha l-bniedem jiżfen u jkanta għanja ġdida u jfaħħar lil Alla għax l-ilma
tiegħu ikun bidilulu f’Inbid Ġdid tal-Festa!
L-Ewwel Qari li hu minn Ġeremija hu qari
mportanti mmens u hu l-qofol spiritwali tal-ktieb ta’ dan il-Profeta. Kemm tħabat Ġeremija biex jikkonvinċi lil
Iżrael iħares il-Liġi ta’ Alla, il-Liġi tal-Qdusija, il-Liġi tal-Ħajja! Kien jibqa’ mbellah kif Iżrael kien iduq
il-Mewt, għax min hu barra mill-ubbidjenza għal-Liġi hu mejjet, u xorta ma
jibdilx triqtu. Induna, u dan kien xokk
kbir għalih, li l-Patt il-Qadim kien falla.
Kien falla għal kollox.
Għaliex? Għax dan il-Patt kien imsejjes
fuq il-kapaċità tal-bniedem li jobdi l-Liġi, imma din il-kapaċità l-bniedem ma
kellux. Quddiem il-Liġi, quddiem
l-Għaxar Kelmiet tal-Ħajja, l-ebda bniedem mhu ġust, tgħid l-Iskrittura. Iżrael ma kienx jemmen li hu ma kienx kapaċi
jwettaq il-Liġi li tah Alla, u anke aħna hekk naħsbu, u dan hu serju
mmens.
Mela għaliex Alla tana l-Liġi bil-preċetti
tagħha. Biex nindunaw kemm aħna dgħajfa;
kemm aħna ’l bogħod mill-Ħajja vera, mill-Qdusija. Alla jrid li aħna ngħarfu lilna nfusna... li
aħna lkoll, kollha kemm aħna, ibda mill-Papa ’l isfel, ilkoll midinbin. Għalhekk tana l-Għaxar Kmandamenti. X’jgħidulna dawn? Li ħadd mhu kapaċi jsalva lilu nnifsu. Li għandna bżonn triq oħra lejn
is-Salvazzjoni. Ġeremija raha din
il-Mogħdija, din il-bidla mil-Liġi għas-Salvazzjoni li jiksibhielna “ĦADDIEĦOR”
u mogħtija mill-Missier bi Grazzja, b’rigal mhux mistħoqq, gratis. Iżrael kien qed jiġi mħejji biex jistenna
l-Messija, is-Salvatur veru, li kellu jieħu l-post tal-Liġi bħala l-għajn
tas-Salvazzjoni.
Iżrael ma setax jifhmu dan, u anke aħna, wara
elfejn sena ta’ Kristjaneżmu, insibuha ferm bi tqila nifhmu l-Aħbar it-Tajba li
jxandar l-Evanġelju. Hu skont in-natura
umana li iktar ngħixu l-Ġudajiżmu, u anke l-Islam, milli l-Kristjaneżmu. L-ewwel tnejn huma “reliġjonijiet”, u bħala
tali huma ffokati fuq liġijiet, bil-bniedem fiċ-ċentru. Jekk int kapaċi, tgħaddi, jekk le,
barra! Dan jinftiehem għax hu skont
in-natura tad-dinja. Kristu tqabad
kontra dan kollu, Ħajtu kollha, sa fuq is-Salib, meta wieħed mill-kriminali
msallbin miegħU talbu: “Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-Saltna
tiegħek.” (Lq. 23, 42). Lil dan il-bniedem min salvah,
l-ubbidjenza lejn il-Liġi jew il-Fidi fi bniedem maġenbu li kien qed imut bħalu,
fallut, bla futur, mgħajjar u, donnu, abbandunat minn Alla?
Din il-qabża hemm bżonn nagħmluha aħna
wkoll! Għax għandna bżonn niskopru, u
dan b’rigal ta’ Alla, li Ġesù Kristu ma ġiex biex iwaqqaf “reliġjon” oħra, għax
bih intemm żmien ir-reliġjonijiet imwaqqfa minn xi bniedem “kbir”’ Issa kien wasal il-milja taż-żmien meta Alla
nnifsu ġie jfittex lill-bniedem u jsir għalih Evanġelju, Kerigma, Bxara
Tajba! Ir-reliġjonijiet kollha huma
faċli biex tifhimhom, għax huma “naturali”, kif għidna, msejsin fuq rigal
għat-tajjeb u kastig għall-ħażin.
Fil-Kristjaneżmu, dan jeżisti wkoll, imma jmur ferm, ferm iktar lil
hemm... u Allaħares ma kienx hekk!
Kristu hu Aħbar Tajba għax obda Hu l-Kmandamenti f’isimna u flokna, għax
aħna mifnija minn natura mħassra; Kristu
obda lill-Missier sa fuq is-Salib u lilna jlibbisna bil-merti tal-ubbidjenza tiegħu,
aħna li nirtogħdu quddiem is-Salib meta jidher quddiemna u t-tbatija naħarbu
minnha fid-dnub. Kristu kien il-Waħdieni
li rebaħ il-Mewt u qasamha għalina biex aħna ma mmutux imma ngħixu għal dejjem,
aħna li għixna ħajjitna kollha suġġetti għall-biża’ tal-Mewt.
Ġeremija se jgħidilna xi ħaġa
meraviljuża. Alla, bi Kristu u bil-Qawwa
tal-Ispirtu s-Santu, iwegħdna xi ħaġa li l-Ġudajiżmu u r-reliġjonijiet kollha
ma kellhomx il-ħila jwettqu fil-bniedem.
Hu jgħid: “Inqiegħed il-liġi tiegħi fosthom u niktibha f’qalbhom.” (Ġer. 31, 33). Din hi frażi profonda. Għad jasal żmien li nobdu l-Liġi mhux għax
nibżgħu minn Alla, jew għax Alla ma jgħinniex fl-affarijiet tad-dinja li huma
tassew l-affarijiet għal qalbna, jew għax immorru l-infern. Dan kollu hu l-ispirtu legalista u moralista
li fih trabbejna u ma ħalliniex niskopru
l-ġmiel tal-Aħbar it-Tajba li hemm fi Kristu għalina. Min għandu dan l-ispirtu uman, ta’ bniedem
dgħajjef, qatt ma jasal biex jobdi l-Liġi, biex jgħixha. Fallew il-Fariżej u fallejna aħna wkoll.
L-Imħabba kollox. Alla se jikteb il-mod ta’ kif iridna ngħixu,
f’qalbna. Il-qalb hi kelma li tfisser
Imħabba. Kristu hu Mħabba. Ħalaqna ħielsa għax l-Imħabba vera li Alla
biss għandu, ma tisforza lil ħadd. U
aħna dawwarna din l-Imħabba f’Liġi li jekk ma tobdihiex hemm kastigi ħorox
immens jistennewk. Kollox bil-maqlub. Mhux ta’ b’xejn li fil-punent, fejn
il-Kristjaneżmu m’għadhomx jifhmuh u qed jaħsbuh “reliġjon” oħra, ħafna jridu
jiċħdu l-Magħmudija tagħhom, u ma jridux min isemmilhom lil Kristu! Xi traġedja!
Kristu hu Aħbar Tajba li bdilniH f’Liġi iebsa u tqila.
Ġeremija jgħid ukoll li Alla qal: “Jien naħfrilhom ħżunithom, u ħtijiethom
aktar ma niftakarhomx.” (Ġer. 31,
34). Alla jagħmel dan fi
Kristu! Alla jaħfer għax Hu bagħat lil
Ibnu biex jitgħabba bid-dnubiet tad-dinja kollha, tal-imgħoddi u ta’ li
ġej, u jerda’ fih innifsu, bħalma karta
xuga terda l-ilma, l-għemejjel moqżieża ta’ kull bniedem. Hu sar dnub biex aħna nsiru ġusti, bit-triq
lejn Ħajja ta’ Dejjem fil-glorja miftuħa quddiemna.
Aħbar Tajba hu Kristu u xejn inqas. U mhux biss!
Min jemmen dan, jiġi Kristu Ħaj jgħammar fih bl-Ispirtu s-Santu
tiegħu... jinagħta natura ġdida, dik divina!
Qatt emmintha din int?
Bil-Magħmudija fi Kristu rebbieħ fuq il-Mewt, aħna nsiru bħalu, nixbħuh,
għax Hu jgħix fina. Il-Magħmudija hi
l-ikbar rigal li qatt irċivejna, imma trid tikber fina. Trid timmatura. Trid minn lewża ssir siġra enormi tal-ballut
li l-ebda riħ ma jqaċċata. Dan kollu hu
possibbli għax Kristu miet għalina.
Fuq kollox, dik il-Liġi li qatt ma stajna
nobdu bin-natura li rċivejna minn missierna u ommna, issa, bin-natura ġdida li
tinagħtalna, jekk nemmnu f’dak li wettaq għalina l-Iben ta’ Alla fil-Ġimgħa
tal-Għid, issa nkunu nistgħu ngħixuha u nobduha fil-milja tagħha. Aħna nsira reklami ta’ Kristu, xhieda
għall-Qawwa li għandu li jbiddel in-nies.
Dak li ma stajniex nagħmlu qabel, issa hu possibbli għax inagħtajna
Spirtu ġdid. U dan mhux bis-saħħa
tagħna, lanqas għax aħna aħjar minn xi ħadd, imma bi Grazzja pura.
Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:
QARI I
Nagħmel patt ġdid, u l-ħtijiet ma niftakarhomx iżjed.
Ġer 31:31-34
Qari mill-Ktieb
tal-Profeta Ġeremija
Araw, għad jiġi żmien,
oraklu tal-Mulej,
meta jien nagħmel patt ġdid ma’ dar Iżrael u dar Ġuda;
mhux bħall-patt li għamilt ma’ missirijiethom
fiż-żmien meta qbadthom minn idejhom
biex ħriġthom mill-art tal-Eġittu, il-patt tiegħi li huma kisru,
għalkemm jien kont l-għarus tagħhom,
oraklu tal-Mulej.
Imma dan ikun il-patt
li għad nagħmel ma’ dar Iżrael
wara dawk il-jiem,
oraklu tal-Mulej.
Inqiegħed il-liġi tiegħi fosthom u niktibha f’qalbhom;
u jiena nkun Alla tagħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħi.
Ma jgħallmux iżjed lil xulxin,
u ħadd ma jgħid lil ħuh: “Agħraf il-Mulej”,
għaliex ilkoll kemm huma jkunu jafuni, miż-żgħir sal-kbir,
oraklu tal-Mulej.
Għax jien naħfrilhom ħżunithom,
u ħtijiethom ma niftakarhomx aktar.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM RESPONSORJALI
Salm 50(51):3-4,12-13,14-15
R/. (12a): Oħloq fija
qalb safja, o Alla.
Ikollok ħniena minni,
o Alla, fi tjubitek;
fil-kobor tal-ħniena tiegħek ħassar ħtijieti.
Aħsilni kollni mill-ħtija tiegħi;
naddafni mid-dnub tiegħi. R/.
Oħloq fija qalb safja,
o Alla,
u spirtu qawwi ġedded fija.
La twarrabnix minn quddiemek,
tneħħix minni l-ispirtu qaddis tiegħek. R/.
Roddli l-hena
tas-salvazzjoni tiegħek,
u bi spirtu qalbieni wettaqni.
Lill-midinbin ngħallem triqatek,
u l-ħatjin lejk jerġgħu lura. R/.
QARI II
Kristu sar awtur tas-salvazzjoni ta’ dejjem.
Lhud 5:7-9
Qari mill-Ittra
lil-Lhud
Meta kien jgħix fuq
din l-art, Kristu offra talb u suppliki b’leħen għoli u bid-dmugħ lil dak li
seta’ jsalvah mill-mewt. U kien mismugħ minħabba fil-qima tiegħu lejn Alla.
Għad li kien Iben, tgħallem minn dak li bata xi tfisser l-ubbidjenza. U, billi
laħaq il-perfezzjoni, sar awtur tas-salvazzjoni ta’ dejjem għal kull min jisma’
minnu.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 12:26
Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Jekk xi ħadd irid jaqdini, hu għandu jimxi warajja;
u fejn inkun jien, hemm ukoll ikun il-qaddej tiegħi.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!
EVANĠELJU
Jekk il-ħabba tal-qamħ, li taqa’ fl-art, tmut hi tagħmel ħafna frott.
Ġw 12:20-33
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, fost dawk li telgħu biex iqimu lil Alla
fil-festa kien hemm xi Griegi. Dawn marru għand Filippu li kien minn Betsajda
tal-Galilija, u talbuh: “Sinjur, nixtiequ naraw lil Ġesù”.
Filippu mar jgħid lil Indrì, u mbagħad Indrì u Filippu marru
jgħidu lil Ġesù. U Ġesù weġibhom: “Waslet is-siegħa li fiha Bin il-bniedem ikun
igglorifikat. Tassew tassew ngħidilkom, jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art
u tmut, hi tibqa’ weħidha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott. Min iħobb lil
ħajtu jitlifha; imma min jobgħod lil ħajtu f’din id-dinja jħarisha għall-ħajja
ta’ dejjem. Jekk xi ħadd irid jaqdini, hu għandu jimxi warajja, u fejn inkun
jien, hemm ukoll ikun il-qaddej tiegħi. Min jaqdi lili, il-Missier jagħtih
ġieħ. Issa qiegħed inħoss ruħi mħawda. U x’naqbad ngħid? Missier, eħlisni minn
din is-siegħa? Imma jien għalhekk ġejt: għal din is-siegħa. Missier, agħti
glorja lil ismek”. Dak il-ħin instama’ leħen mis-sema: “Jien diġà
gglorifikajtu, u nerġa’ nigglorifikah”.
In-nies li kienu hemm semgħuh, u qalu li kien qiegħed iriegħed.
Oħrajn qalu: “Kellmu xi anġlu”. Ġesù wieġeb: “Dan il-leħen ma ġiex għalija,
imma għalikom. Il-ġudizzju ta’ din id-dinja qiegħed isir issa. Issa se jitkeċċa
l-Prinċep ta’ din id-dinja. U meta nintrefa’ ’l fuq mill-art, jiena niġbed
il-bnedmin kollha lejja”. Hu qal dan biex jurihom b’liema mewt kien sejjer
imut.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.
|