Din hija il-Liturgija ta' Hadd Hadd il-Palm ( 2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Id-daħla solenni, wkoll trijonfali, tal-Mulej Ġesù
f’Ġerusalemm, hija episodju profond, stramb, li jqanqal bosta
mistoqsijiet. Episodju li,
psikoloġikament, huwa qawwi ħafna. Hu episodju
li wieħed hu ttentat jifhmu superfiċjalment: Kristu jilħaq l-ogħla punt
tal-popolarità tiegħu għax il-poplu wera l-qima u l-fidi li kellu fiH bħala
profeta kbir u allura dak li kellu jiġri wara ma kien xejn ħlief xogħol
il-mexxejja u dawk ta’ madwarhom, bil-poplu maqtugħ barra mit-traġedja. Imma din hi tifsir minn barra, tal-apparenza
Ħadd il-Palm huwa wkoll Misteru għax hu Kelma ta’ Alla,
barra li huwa fatt storiku. Hija Kelma
ta’ Alla li qed tiġi tfittixna llum, biex tara, jew aħjar, nindunaw aħna, fejn
ninsabu quddiem il-Persuna stupenda ta’ Ġesù ta’ Nazaret, il-Kristu ta’
Alla. Għax tista’ tgħid li kulma għamel
Kristu kien misterjuż, diffiċli biex jinftiehem minn dawk ta’ madwaru, minn
dawk li akkost ta’ kollox xtaqu li jibqgħu jafdaw fih. Kienu jitħawdu minn ħafna mill-ġesti u l-opri
tiegħu. Kien biss wara l-Pentekoste li moħħhom infetaħ u ndunaw kemm kienu
“barranin” għall-imgħallem tagħhom, ’il bogħod minnU. Fuq kollox kienet tħawwadhom il-profezija
tiegħu li, tikber kemm tikber il-fama tiegħu, Hu kien ġie għal siegħa waħda:
għall-falliment totali tal-mewt fuq il-forka bħala kriminal li twassal għal att
totalment ’il barra minn moħħ il-bniedem: il-Qawmien tiegħu minn bejn l-imwiet,
mix-Xegħol, minn fejn ħadd ma kien għadu ġie lura.
Għalhekk huwa ta’ ġid għalina li quddiem dan l-avveniment
naraw kif laqat lil diversi gruppi ta’ nies involuti direttament, imma wkoll xi
jrid jgħid lilna llum. Għalina, li nafu
l-Istorja kif spiċċat, id-da]la ta’ Kristu f’Ġerusalemm tidher bħala ġrajja ta’
ftit importanza, ngħiduha kif inhi: nar li qabad, sar ħuġġieġa, imma fil-fatt
kien nar tat-tiben li ntefa’ malajr.
Imma din hi ġrajja li titfa’ dawl qawwi fuq il-verità dwar min kien
Ġesù, x’ġie jagħmel fid-dinja, għaliex ħadd ma fehmU.
L-ewwel li jolqotna huwa l-grupp ta’ madwaru, id-dixxipli
tiegħu, nies il-biċċa l-kbira komuni, imma anke xi wħud minn klassi ogħla
bħall-Fariżej. Dwar is-Sejħa li
ġibdithom lejh, ilkoll kellhom x’jirrakkontaw.
Kull min jinġibed lejn Kristu, jinġibed għax ikun ġibdu l-Missier, u
allura kull wieħed iġorr ġrajja misterjuża, bħal dik ta’ Natanael taħt is-siġra
tat-tin, jew it-tnejn li marru jfittxu fejn joqgħod, jew is-sajjieda li telqu
kollox, saħansitra lil missierhom jgħajjat warajhom min ġod-dgħajsa, jew Żakkew
il-pubblikan li Kristu rah mistoħbi fuq is-siġra, jew Mattew li ħalla ġidu hemm
fuq il-mejda tat-taxxi mal-ġenb tat-triq u telaq għal warajH, jew anke l-ieħor
li lanqas biss difen lil missieru.
Imma din is-sejħa minn Alla malajr inbidlet skont
in-natura tal-bniedem li dejjem hu egoista u jżomm lilu nnifsu fiċ-ċentru
tal-univers. Pietru, l-iktar wieħed
artikolat minnhom, kien jaf ipoġġiha tajjeb il-mistoqsija li kienet moħbija
f’’moħħ kulħadd: “Tajjeb! Aħna ħallejna kulma kellna u ġejna
warajk. Issa x’se jmissna?” (Mt.19, 27). Tnejn minn sħabu sa ġabu lil ommhom biex turi
lil Ġesù x’riedu uliedha mingħandu: li jkollhom poter fis-saltna politika li
ħasbu li kien se jwaqqaf. Riedu jkunu
setagħna fil-Gvern il-ġdid, b’xi ministeru li jrendi!
Allura d-dixxipli, riedu b’qablhom kollha li Ġesù
jirnexxi, li jkun il-Messija li Iżrael dejjem ħolom bih. Kienu raw wisq għeġubijiet mingħandU, u issa
kienu ċerti li kien wasal iż-żmien li Hu jipproklama it-twaqqif mill-ġdid tas-Saltna
ta’ David. Huma kienu l-ewwel li se
jgawdu minn din ir-rivoluzzjoni kollha.
U meta raw il-folol fid-Daħla tiegħu f’Ġerusalemm, huma sikru
b’emozzjonijiet patrijottiċi, imma wkoll għax kienu parti hekk intima
mill-ġrajja li kienu ħabbru l-profeti.
Grupp ieħor, l-aktar imdaqqas, kien il-poplu komuni, il-kotra li dawret lil Ġesù. Kien ilhom jisimgħu u jaraw għeġubijiet
mir-Rabbi ta’ Nazaret u moħħhom malajr tar lejn il-profezija tal-Messija . X’waħda din!
Xi grazzja messithom! Il-ġrajja
li ħabbru l-profeti u li kull missier kien jirrakkonta lil uliedu filgħaxija
madwar il-fuklar għas-sħana, ġenerazzjoni wara ġenerazzjoni, kienet se sseħħ fi
żmienhom! Dan kien veru ħafna aktar
milli ħasbu. Tant kien sar figura mportanti, Ġesù, li malli d-dixxipli marru
jġibulu felu biex jirkbu, u xi nies li rawhom naturalment ħasbu li kienu se
jisirquh, ħadd ma qallhom xejn malli semmgħulhom li kien Ġesù ta’ Nazaret li
kellu bżonnu.
Il-kotra dejjem taġixxi bħal merħla: fejn jiġru l-ftit
ta’ quddiem, il-ħafna ta’ wara jerħulha wkoll.
Wieħed tefa’ l-mantar fl-art, u ħafna oħrajn għamlu bħalu. Tifel tela’ jixxabbat ma’ siġra jaqta’
l-fergħa tal-palm, u oħrajn għamlu bħalu wkoll.
Friegħi taż-żebbuġ bdew jidhru f’daqqa waħda ’l hawn u ’l hemm. L-entużjażmu kien kbir u t-tensjoni mliet
l-arja u bdiet tinstema’ l-għajta perikoluża: “Hosanna! Imbierek min ġej
f’isem il-Mulej! Imbierka s-Saltna li
ġejja ta’ David missierna. Hosanna
fl-ogħla tas-smewwiet!” (Mk. 11,
9-10). Ma tridx wisq biex folla nies
tisker mhux bl-inbid.
L-eżiġeti tal-Bibbja jgħidu li Ġesù ma kienx iħobb min
isejjaħlu “Bin David” għax dan kien titlu b’implikazzjoni politika. Kien jippreferi ħafna iktar min isejjaħlU
“Bin il-bniedem”. Iżda l-poplu kien qed
jara ħaġa waħda fiH: il-Mibgħut
tal-Mulej fl-aħħar kien wasal biex ikisser il-ħakma barranija u jibni l-imperu tal-ħolm
li dejjem kellu Iżrael: territorju
mix-xmara tal-Ewfrat (fl-Iraq tal-lum), sal-Baħar l-Aħmar tal-Eġittu. Din kienet il-mentalità tal-ħafna li qanqlu
lil Ġerusalemm bl-istorbju li għamlu.
Kien hemm il-mexxejja tal-popli. Dawn inħasdu b’din il-ġrajja u lil Ġesù
qalulu: “Mgħallem, ċanfarhom
lid-dixxipli tiegħek!” (Lq. 19,
39). Dawn kienu dawk li dejjem ħasbu
ħażin f’Ġesù, u meta rawh iwettaq sinjali ta’ Alla, huma qalu li kien qed juża
s-setgħa tax-xjaten. Dejjem merewH. Dejjem kien isibhom ma’ wiċċU biex jistaqsuH
mistoqsijiet mimlija nasbiet. Kellhom
żewġ suspetti kbar dwaru: l-ewwel li kien qed jikkomplotta xi azzjoni politika li
ddaħħal lill-pajjiż fi gwerra mal-leġjuni ta’ Ruma, u Ġerusalemm u t-Tempju
kienu jerġgħu jgħaddu mill-kalamità tal-Babiloniżi li kienu ħarqu u qerdu
kollox. U t-tieni li dan il-bniedem kien
qed jipprova jħott il-Liġi ta’ Mosè għax mhux darba u tnejn kien qal li hu aqwa
mis-Sibt u mit-tradizzjoni reliġjuża kollha tagħhom. Dwar l-ewwel suspett, dan kien bla bażi. Ġesù qatt ma lissen kelma b’implikazzjoni
politika. Dwar tat-tieni, bil-mod kif
kienu jaħsbuha huma, kellhom ftit raġun għax Kristu kien jeħodha kontra s-sens
legalista falz li fih kien waqa’ l-ġens Lhudi.
Kien ċar li l-Patt ma’ Mosè kien falla u issa kien wasal biex jitnieda
Patt Ġdid, Patt Dejjiemi, Patt li dejjem kien f’moħħ il-Missier minn qabel ma
twaqqfet id-dinja.
Dawn il-mexxejja, meħuda mill-klassi tas-Sadduċej,
megħjunin mill-Fariżej, li normalment ma kinux jiftehmu bejniethom, flimkien
mal-iskribi, kienu l-iktar għedewwa perikolużi li kellu Ġesù. Kien ilhom jikkonfoffaw kif se jeqirduh, u
wara din id-dimostrazzjoni kollha, qamu fuq tagħhom u bdew l-aħħar tħejjijiet.
Kien hemm ukoll, naturalment, il-ħakkiema Rumani. Dawn kienu joqogħdu għall-ġenb kemm jistgħu
għax kienu jafu li t-toroq dojoq ta’ Ġerusalemm kienu nħawi fejn kien diffiċli
tiddefendi lilek innifsek. Huma ma kinux
iħabblu rashom li l-poplu kien jobogħdhom.
Il-qawwa ta’ Ruma kienet fl-aqwa tagħha u normalment kienet aċċettata
f’ħafna pajjiżi bħala forza favur il-kwiet, iċ-ċiviltà u l-ordni. Kienu ħakkiema li daħlu liġijiet tajba
kullimkien u kull fejn ħakmu bdiet issaltan il-“Pax Romana”, il-“Paċi Rumana”. Kien fil-Lhudija u t-territorji li kellhom
x’jaqsmu magħha, bħall-Galilija, li Ruma dejjem kellha l-inkwiet.
Sakemm Ġesù kien biss rabbi reliġjuż, Hu ma kienx
jinteressahom. Sakemm ma kienx jaqla’
l-inkwiet, kienu jiġu jaqgħu u jqumu mill-intriċċi reliġjużi... anzi aħjar għax
jekk il-poplu kien jinfired kien ikun iktar faċli taħkmu. L-istorbju ta’ Ħadd il-Palm poġġihom fuq
l-alert, żgur, iżda dwar Ġesù ma kellhom l-ebda opinjoni. Sempliċement ma kienx ta’ mportanza
għalihom. Dik il-ġimgħa l-gvernatur
Pilatu kien se jiġi mdaħħal f’basla mingħajr l-għażla tiegħu żgur.
Quddiem dan kollu, l-iktar wieħed waħdu kien żgur Dak li
kien fiċ-ċentru ta’ kollox. Riekeb fuq
felu ta’ ħmar, kontradizzjoni sħiħa għal dak it-trijonfaliżmu ta’ madwaru,
Kristu kien xbiha tas-solitudni li l-bniedem jaqa’ fiha meta ħadd mhu
jifhmu. Hu kien sejjer għal Glorja li
ħadd ma kien jaf x’inhi, u kien jaf li kellu jgħaddi minn Magħmudija li ħadd u
ħadd ma kien qed jissoponi.
Missieru kien bagħtu biex isseħħ l-Iskrittura li hi
mimlija b’figura li kien jħabbruh minn qabel: il-Ħaruf tal-Għid fl-Eġittu,
il-bodbod mgħobbi bi dnubiet il-poplu li jitilquh kull sena fix-xagħri biex
imut bil-ġuħ bid-dnubiet imutu miegħu, il-Purtiera tat-Tempju li tifred
il-poplu mill-Preżenza ta’ Alla li kellha tiċċarat fi tnejn ma’ mewtu biex issa
l-bniedem ikun jista’ jidħol għand Alla, l-annimali kollha maqtula
fil-liturġiji tas-sagrifiċċji, il-profeziji ta’ Isaija dwar il-Qaddej ta’ JHWH
li kellu jbati biex bil-ġrieħi tiegħu infiequ lkoll mill-Żmewt ta’ Dejjem li hi
d-destin tal-midneb. Dawn, u tant
profeziji oħra kienu qed jimbuttaw
lill-Kelma nfisha magħmula bniedem lejn
l-immolazzjoni fuq il-Kalvarju.
Kristu kien jaf li kulħadd kien qed jipprova jinqeda biH
biex ikun aħjar hawn f’din id-dinja. Hu
biss kien qed iħares dritt lejn fejn jgħammar Missieru. Hu biss kien il-barrani fuq wiċċ din
l-art. It-tensjoni tal-Mewt riesqa
kienet tagħfas madwarU u taqtagħlu nifsu.
Kemm drabi pruvaw joqbduH qabel biex jeħilsu minnu. Kien iħares lejhom, isikkithom u jgħaddi minn
ġo nofshom. Imma issa le. Issa kien jaf li s-siegħa waslet. Kulħadd ferħan biH, imma Hu kien jaf x’hemm
f’kull bniedem, u għalhekk kien waħdu, waħdu għal kollox f’nofs iċ-ċapċip u
l-Hosanna.
Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:
Qari I
Ma ħbejtx
wiċċi mit-tagħjir.
Iż 50:4-7
Qari mill-Ktieb
tal-Profeta Iżaija
Sidi l-Mulej tani lsien ta’ wieħed jitgħallem,
biex nagħraf ngħin lill-għajjien b’xi kelma.
Ta’ kull filgħodu jqajjimli lil widinti,
biex nisma’ bħal wieħed jitgħallem.
Sidi l-Mulej fetaħli
widinti,
u jiena ma webbistx rasi,
ma rġajtx lura.
Tajt dahri lil dawk li kienu jsawtuni,
ħaddejja lil dawk li kien jnittfuli lħiti;
ma ħbejtx wiċċi mit-tagħjir u l-bżieq.
Sidi l-Mulej jgħinni,
għalhekk ma nitħawwadx;
għalhekk għamilt wiċċi bħaż-żnied:
jien naf li ma jkollix mniex nistħi.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
Salm 21(22):8-9,17-18a,19-20,23-24
R/. (2a): Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?
Dawk kollha li jarawni jidħku bija,
jgħajbuni, iħarrku rashom u jgħidu:
“F’idejn il-Mulej intelaq; ħa jeħilsu hu!
Ħa jsalvah hu, la bih jitgħaxxaq!”. R/.
Qabda klieb daru għalija;
ġemgħa nies ħżiena rassewni.
Taqqbuli jdejja u riġlejja;
nista’ ngħodd għadmi kollu. R/.
Ħwejġi jaqsmu bejniethom,
jaqtgħu x-xorti għal-libsa tiegħi.
Mulej, la titbegħidx minni;
qawwa tiegħi, fittex għinni! R/.
Inxandar ismek lil ħuti;
infaħħrek f’nofs
il-ġemgħa.
Faħħru l-Mulej, intom li
tibżgħu minnu;
sebbħuh ilkoll, nisel
Ġakobb!
Ibżgħu minnu lkoll,
ulied Iżrael! R/.
Qari II
Kristu ċekken lilu nnifsu; għalhekk
Alla għollieh.
Fil 2:6-11
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin
Ġesù Kristu, li għad li kellu n-natura ta’ Alla,
ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla,
iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir,
sar jixbah lill-bnedmin, u deher minn barra bħala bniedem;
ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt,
anzi sal-mewt tas-salib.
Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet
u żejnu bl-isem li hu
fuq kull isem,
biex fl-isem ta’ Ġesù
– fis-sema, fl-art u
f’qiegħ l-art –
il-ħlejjaq kollha jinżlu
għarkupptejhom,
u kull ilsien jistqarr:
“Ġesù Kristu hu
l-Mulej”,
għall-glorja ta’ Alla l-Missier.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Fil 2:8-9
Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Minħabba fina Kristu obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib.
Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet,
u żejnu bl-isem li hu
fuq kull isem.
R/. Glorja u tifħir
lilek, Kristu!
Evanġelju
Mk 14:1–15:47
Il-Passjoni ta’ Sidna
Ġesù Kristu skont San Mark
I
K Kien għad baqa’ jumejn għall-Għid u għall-Ażżmi, u
l-qassisin il-kbar u l-kittieba bdew ifittxu kif jaqbdu lil Ġesù bil-qerq ta’
moħħhom u jagħtuh il-mewt. Għax bdew jgħidu:
S “Mhux fil-festa, li ma tqumx xi rewwixta fil-poplu”.
K Ġesù kien qiegħed jiekol għand Xmun il-lebbruż
f’Betanja. Daħlet mara, b’vażett tal-alabastru biż-żejt ifuħ ta’ nard pur,
jiswa ħafna, kissret għonq il-vażett, u ferrgħet iż-żejt fuq ras Ġesù. U kien
hemm xi wħud li bdew jitmasħnu bejniethom u jgħidu:
S “Dal-ħala kollu ta’ fwieħa għalfejn? Dil-fwieħa setgħet
iġġib aktar minn tliet mitt dinar u jingħataw lill-foqra”.
K U bdew jeħduha magħha. Imma Ġesù qal:
Ġ “Ħalluha; għala qegħdin iddejquha? Ħaġa tajba għamlet
miegħi. Il-foqra ssibuhom dejjem magħkom, u tistgħu tgħinuhom kull meta tridu.
Imma lili mhux dejjem se ssibuni magħkom. Hi għamlet li setgħet; dilkitli ġismi
bil-fwieħa għad-difna minn qabel. Tassew ngħidilkom li, kull fejn jixxandar
l-Evanġelju fid-dinja kollha, li għamlet din jingħad ukoll, b’tifkira tagħha”.
K Imbagħad Ġuda l-Iskarjota, wieħed mit-Tnax, mar għand
il-qassisin il-kbar biex jagħtihom lil Ġesù f’idejhom. Għal din l-aħbar ferħu
ħafna, u wegħduh li jagħtuh xi flus. U hu beda jfittex il-waqt tajjeb biex
jagħtihom lil Ġesù f’idejhom. Fl-ewwel jum tal-Ażżmi, meta kienu jissagrifikaw
il-ħaruf tal-Għid, id-dixxipli tiegħu qalulu:
S “Fejn tridna mmorru nħejju biex tiekol l-ikla
tal-Għid?”.
K Imbagħad hu bagħat tnejn mid-dixxipli tiegħu u
qalilhom:
Ġ “Morru l-belt, u tiltaqgħu ma’ raġel iġorr ġarra ilma.
Morru warajh, u għidu lil sid id-dar ta’ fejn tarawh dieħel: ‘Qallek
l-Imgħallem: Fejn hi l-kamra tiegħi li fiha nista’ niekol l-ikla tal-Għid
mad-dixxipli tiegħi?’. U hu jurikom kamra kbira fuq, mgħammra u lesta. Ħejjulna
hemmhekk”.
K U d-dixxipli marru u daħlu fil-belt u sabu kollox kif
kien qalilhom hu; u ħejjew l-ikla tal-Għid.
Għall-ħin ta’ filgħaxija Ġesù ġie mat-Tnax. U kif kienu
fuq il-mejda jieklu qal:
Ġ “Tassew ngħidilkom li wieħed minnkom se jittradini,
wieħed li qiegħed jiekol miegħi”.
K Huma bdew isewdu qalbhom, u wieħed wara l-ieħor
staqsewh:
S
“Jaqaw jien?”.
K
Qalilhom:
Ġ
“Wieħed mit-Tnax, li qiegħed ibill il-ħobż fi platt wieħed miegħi. Għax Bin
il-bniedem imur, kif hemm miktub fuqu; imma ħażin għalih dak il-bniedem li
permezz tiegħu Bin il-bniedem ikun mogħti f’idejn l-għedewwa! Kien ikun aħjar
għalih dak il-bniedem li kieku ma twieled xejn!”.
K
Huma u jieklu, ħa l-ħobż f’idejh, qal il-barka, qasmu, newwilhulhom u qal:
Ġ
“Ħudu, dan hu ġismi”.
K
Imbagħad ħa l-kalċi f’idejh, radd il-ħajr, u newwilhulhom, u lkoll xorbu minnu.
U qalilhom:
Ġ
“Dan huwa demmi, id-demm tal-patt, li jixxerred għal ħafna. Tassew ngħidilkom
li ma nixrobx iżjed mill-frott tad-dielja sa dakinhar li nixrob inbid ġdid
fis-Saltna ta’ Alla”.
K
Imbagħad kantaw is-salmi u ħarġu lejn l-Għolja taż-Żebbuġ. U Ġesù qalilhom:
Ġ
“Ilkoll se titħawdu, għax hu miktub: ‘Nidrob ir-ragħaj, u n-nagħaġ jitferrxu’. Imma wara
li nqum mill-mewt, immur il-Galilija qabilkom”.
K Qallu Pietru:
S “Ukoll jekk jitfixkel kulħadd, jiena ma nitfixkilx”.
K Qallu Ġesù:
Ġ “Tassew ngħidlek li llum, dal-lejl stess, qabel ma
s-serduk ikun idden darbtejn, int tkun ġa ċħadtni tliet darbiet”.
K Iżda Pietru tenna bil-qawwa kollha:
S “Le, ma niċħdekx, anqas jekk ikolli mmut miegħek!”.
K U l-oħrajn ukoll, kollha qalu l-istess. Waslu f’qasam
jismu Ġetsemani, u qal lid-dixxipli tiegħu:
Ġ “Oqogħdu bilqiegħda hawn sakemm nitlob”.
K U ħa miegħu lil Pietru u lil Ġakbu u lil Ġwanni, u bdew
jaħkmuh il-biża’ u d-dwejjaq. Qalilhom:
Ġ “Inħossni mnikket għall-mewt; ibqgħu hawn u ishru”.
K Mexa kemmxejn ’il quddiem, inxteħet fl-art, u talab li,
jekk jista’ jkun titwarrab minnu dik is-siegħa. U qal:
Ġ “Abbà, Missier, kollox jista’ jkun għalik; biegħed
minni dan il-kalċi! Iżda mhux li rrid jien, imma li trid int”.
K Ġie ħdejhom u sabhom reqdin, u qal lil Pietru:
Ġ “Xmun, rieqed? Ma flaħtx tishar siegħa waħda! Ishru u
itolbu biex ma tidħlux fit-tiġrib. L-ispirtu, iva, irid; imma l-ġisem
dgħajjef”.
K U raġa’ mar u tenna l-istess talba. Mill-ġdid ġie u
għal darb’oħra sabhom reqdin għax għajnejhom kienu tqal bin-ngħas; u ma għarfux
x’jaqbu jgħidulu. Ġie għat-tielet darba u qalilhom:
Ġ “Torqdu issa u tistrieħu? Biżżejjed. Is-siegħa waslet;
araw li Bin il-bniedem se jkun mogħti f’idejn il-midinbin. Qumu! Ejjew immorru!
Ara, dak li se jittradini hu fil-qrib!”.
K Minnufih, kif kien għadu jitkellem, wasal Ġuda, wieħed
mit-Tnax, b’ġemgħa nies miegħu, armati bis-sjuf u l-bsaten, mibgħuta
mill-qassisin il-kbar u mill-kittieba u x-xjuħ. Issa dak li kien se jittradih
kien tahom sinjal minn qabel u qalilhom:
S “Dak li nbusu huwa hu; aqbduh u morru bih mgħasses
tajjeb”.
K Malli mbagħad wasal, baqa’ sejjer fuqu u qallu:
S
“Rabbi”.
K
U biesu. Huma meddew idejhom fuqu u qabduh. Imma wieħed minn dawk ta’ madwaru
silet is-sejf, ta daqqa bih lill-qaddej tal-qassis il-kbir u qatagħlu widintu.
Ġesù dar fuqhom u qalilhom:
Ġ
“Qiskom ħriġtu għal xi ħalliel, armati bis-sjuf u l-bsaten biex taqbdu lili!
Jien kuljum kont inkun fostkom fit-tempju ngħallem u ma żammejtunix. Imma dan
kollu ġara biex isseħħ l-Iskrittura”.
K
Imbagħad id-dixxipli tiegħu kollha telquh u ħarbu. Wieħed żagħżugħ mar warajh
imgeżwer b’liżar biss fuq xejn, u qabduh; imma hu telqilhom il-liżar f’idejhom
u ħarab għeri. Ħadu lil Ġesù għand il-qassis il-kbir, u nġabru l-qassisin
il-kbar kollha u x-xjuħ u l-kittieba. Pietru kien baqa’ miexi warajh
mill-bogħod sa ġol-palazz tal-qassis il-kbir, u qagħad bilqiegħda mal-qaddejja
ħdejn in-nar għas-sħana. Il-qassisin il-kbar u s-Sinedriju kollu bdew ifittxu
xhieda kontra Ġesù biex jagħtuh il-mewt, u ma sabux. Tassew li kien hemm ħafna
li xehdu bil-qerq kontra tiegħu, imma x-xhieda tagħhom ma kinitx taqbel.
Imbagħad qamu xi wħud jagħtu xhieda qarrieqa kontra tiegħu u qalu:
S
“Aħna smajnieh jgħid: ‘Jiena nħott dan it-tempju mibni bl-idejn, u fi tlitt
ijiem nibni ieħor li ma jkunx mibni bl-idejn!’”.
K
Imma x-xhieda tagħhom anqas f’dan ma kienet taqbel.
Imbagħad
il-qassis il-kbir qam f’nofs il-ġemgħa u staqsa lil Ġesù:
S
“Xejn ma twieġeb? X’inhuma jixhdu dawn kontra tiegħek?”.
K
Iżda hu baqa’ sieket u ma wieġeb xejn. Mill-ġdid il-qassis il-kbir staqsieh u
qallu:
S
“Int il-Messija, Bin l-Imbierek?”.
K
Ġesù wieġbu:
Ġ
“Jien hu, u intom għad taraw lil Bin il-bniedem bilqiegħda n-naħa tal-lemin
tal-Qawwa u ġej fuq is-sħab tas-sema”.
K
Imbagħad il-qassis il-kbir ċarrat l-ilbies ta’ fuqu u qal:
S
“Xi ħtieġa għandna iżjed ta’ xhieda? Id-dagħwa smajtuha! X’jidhrilkom?”.
K
U kollha qatgħuhielu li kien ħaqqu l-mewt. Imbagħad xi wħud bdew jobżqulu fuqu,
jgħattulu wiċċu, jagħtuh bil-ponn u jgħidulu:
S
“Aqta’ min!”.
K
U l-qaddejja bdew jagħtuh bil-ħarta. Waqt li Pietru kien isfel ’il ġewwa
mid-daħla tal-palazz, ġiet waħda qaddejja tal-qassis il-kbir. Kif rat lil
Pietru qiegħed għas-sħana, waħħlet għajnejha fuqu u qaltlu:
S
“Int ukoll kont ma’ Ġesù ta’ Nazaret”.
K Imma hu ċaħad u qal:
S “Ma nafx, m’iniex nifhem x’inti tgħid”.
K U ħareġ ’il barra fid-daħla tal-palazz. U s-serduk
idden. Il-qaddejja ratu, u reġgħet bdiet tgħid lil dawk li kienu hemm:
S
“Dan wieħed minnhom”.
K
U mill-ġdid ċaħad. Wara ftit dawk li kienu ħdejh reġgħu qalu lil Pietru:
S
“Tassew, int wieħed minnhom; għax int ukoll mill-Galilija”.
K
Imbagħad qabad jisħet lilu nnifsu u jaħlef:
S “Jiena ma nafux lil dan il-bniedem li qegħdin issemmu”.
K
Minnufih is-serduk idden għat-tieni darba. Pietru ftakar fil-kelma li kien
qallu Ġesù: “Qabel ma s-serduk jidden darbtejn, inti tiċħadni tliet darbiet”. U
nfexx jibki.
II
K
Filgħodu kmieni l-qassisin il-kbar iltaqgħu malajr max-xjuħ u mal-kittieba u
mas-Sinedriju kollu biex jiftiehmu bejniethom.
Imbagħad
rabtu lil Ġesù, ħaduh u tawh f’idejn Pilatu. Pilatu staqsieh:
S
“Inti s-sultan tal-Lhud?”.
K
U hu wieġeb u qallu:
Ġ
“Int qiegħed tgħidu”.
K
Il-qassisin il-kbar bdew jaqilgħu ħafna akkużi kontra tiegħu.
Iżda
Pilatu raġa’ staqsieh:
S
“Ma twieġeb xejn? Ara kemm akkużi qegħdin iġibu kontra tiegħek!”.
K
Imma Ġesù ma wieġeb xejn iżjed, hekk li Pilatu baqa’ mistagħġeb. F’nhar ta’
festa kien jitilqilhom wieħed ħabsi, lil dak li kienu jitolbu huma. Issa
fil-ħabs kien hemm wieħed jismu Barabba, arrestat flimkien max-xewwiexa li
fir-rewwixta kienu qatlu lil xi ħadd. In-nies telgħu u bdew jitolbuh jagħmel
kif kien jagħmlilhom dejjem. Qabad Pilatu u qalilhom:
S
“Tridux nitilqilkom is-sultan tal-Lhud?”.
K
Għax hu għaraf tajjeb li l-qassisin il-kbar kienu tawh lil Ġesù f’idejh
minħabba l-għira. Iżda l-qassisin il-kbar bdew ixewxu n-nies li aħjar
jitilqilhom lil Barabba. Pilatu raġa’ staqsiehom u qalilhom:
S
“U x’nagħmel imbagħad b’dak li intom issejħulu s-sultan tal-Lhud?”.
K
Iżda huma nfexxew jgħajtu mill-ġdid:
S
“Sallbu!”.
K
Qalilhom Pilatu:
S
“Imma x’għamel ħażin?”.
K
Huma aktar bdew jgħajtu:
S
“Sallbu!”.
K
Pilatu mbagħad, biex jogħġob lin-nies, telqilhom lil Barabba, u lil Ġesù, wara
li tah is-swat, tahulhom biex isallbuh. Is-suldati ħaduh magħhom ġewwa
fil-palazz, jiġifieri l-Pretorju, u sejħu r-riġment kollu. Libbsuh ilbies aħmar
skur, u qegħdulu fuq rasu kuruna minsuġa mix-xewk. U bdew isellmulu:
S
“Is-sliem għalik, sultan tal-Lhud!”.
K
U qabdu jagħtuh b’qasba fuq rasu, jobżqulu fuqu, u jilwu rkupptejhom quddiemu
biex jagħtuh qima. Imbagħad, wara li għaddewh biż-żuffjett, neżżgħulu l-ilbies
aħmar u xeddewlu ħwejġu.
U ħaduh ’il barra biex isallbuh. Kien għaddej wieħed,
Xmun minn Ċireni, missier Xandru u Rufu, ġej lura mir-raba’, u ġagħluh
jerfagħlu s-salib. U wassluh f’post jismu Golgota, li jfisser post
il-Qorriegħa. U tawh jixrob inbid imħallat bil-mirra, imma hu ma riedx jieħu
minnu. Imbagħad sallbuh, u qassmu ħwejġu bejniethom billi tellgħuhom bix-xorti
ħalli kull wieħed jieħu li jmissu. Kienet it-tielet siegħa xħin sallbuh.
Il-kitba li turi l-ħtija tal-kundanna tiegħu kienet tgħid hekk: “Is-sultan
tal-Lhud”. Miegħu sallbu wkoll żewġ ħallelin, wieħed fuq il-lemin u l-ieħor fuq
ix-xellug. Dawk li kienu għaddejjin bdew jgħajruh, iċaqilqu rashom u jgħidu:
S “Għajb għalik, int li tħott it-tempju u tfittex terġa’
tibnih fi tlitt ijiem! Inżel minn fuq is-salib u salva lilek innifsek!”.
K Hekk ukoll il-qassisin il-kbar bdew jiddieħku bih
bejniethom u mal-kittieba u jgħidu:
S “Salva oħrajn, lilu nnifsu ma jistax isalva! Ħa jinżel
issa l-Messija, is-sultan ta’ Iżrael, minn fuq is-salib biex aħna naraw u
nemmnu!”.
K U dawk li kienu msallbin miegħu bdew imaqdruh huma
wkoll. Xħin saret is-sitt siegħa waqgħet dalma kbira fuq il-pajjiż kollu
sad-disa’ siegħa. U fid-disa’ siegħa Ġesù għajjat b’leħen qawwi:
Ġ “Eloì, Eloì, lemà sabaqtàni!”.
K li jfisser:
Ġ “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni!”.
K Xi wħud minn dawk li kienu hemm, kif semgħuh, qalu:
S
“Ara, qiegħed isejjaħ lil Elija!”.
K
U mar wieħed jiġri jxappap sponża bl-inbid qares, waħħalha f’tarf ta’ qasba u
tah jixrob filwaqt li qal:
S
“Stennew, ħa naraw jiġix Elija jniżżlu!”.
K
Imma Ġesù għajjat għajta kbira u radd ruħu.
Hawnhekk
kulħadd jinżel għarkupptejh u jinżamm is-skiet għal ftit ħin.
K
U l-purtiera tas-santwarju ċċarrtet fi tnejn minn fuq s’isfel.
Iċ-ċenturjun
li kien wieqaf biswitu, meta rah jgħajjat u jmut hekk, qal:
S “Dan il-bniedem kien tassew Bin Alla!”.
III
K Kien hemm ukoll xi nisa jħarsu mill-bogħod, fosthom
Marija ta’ Magdala, Marija omm Ġakbu ż-żgħir u Ġosè, u Salomi; dawn, meta Ġesù
kien fil-Galilija, kienu jmorru miegħu u jaqduh. U kien hemm ukoll bosta oħrajn
li kienu telgħu Ġerusalemm miegħu.
Kien ġa sar filgħaxija, u billi kien Jum it-Tħejjija,
jiġifieri lejlet is-Sibt, Ġużeppi minn Arimatija, membru magħruf tal-Kunsill,
li hu wkoll kien jistenna s-Saltna ta’ Alla, għamel il-ħila, daħal quddiem
Pilatu u talbu l-ġisem ta’ Ġesù. Pilatu stagħġeb li kien ġa miet; bagħat
għaċ-ċenturjun u staqsieh jekk kienx ilu li miet. Meta mbagħad sar jaf mingħand
iċ-ċenturjun, ta l-ġisem ta’ Ġesù lil Ġużeppi, u dan xtara liżar tal-għażel,
niżżel lil Ġesù mis-salib, keffnu fil-liżar u qiegħdu f’qabar imħaffer
fil-blat; imbagħad gerbeb ġebla fid-daħla tal-qabar. Marija ta’ Magdala u
Marija omm Ġosè qagħdu jaraw fejn tqiegħed.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/.
Tifħir lilek, Kristu.
|