Din hija il-Liturgija ta'L-Ghid il-Kbir tal-Mulej Taghna Sidna Gesu' Kristu ( 2021)Il-Bxara l-Kbira: Il-Mewt giet mirbuha Hallelujah! bi hsibijiet min Joe Rapa.
Żernaq Jum li bħalu qatt ma kien qabel, Jum li jisboq
il-jiem kollha. Meta deher id-dawl
għall-ewwel darba kien Jum kbir.
Mid-dlam tnissel id-dawl.
Imma mhux l-ikbar Jum. Meta
fl-ewwel bniedem daħal nifs Alla kien Jum kbir.
Imma mhux l-ikbar Jum.
Meta l-Fidi twieldet fuq din l-art u Abraham refa’ f’idejh tarbija li ma
setax jieħu minn martu sterili, kien Jum kbir.
Imma mhux l-ikbar Jum. Meta bil-lejl l-Anġlu tal-Mewt qabeż id-djar li
kienu mċappsin bid-Demm tal-Ħaruf, u meta l-Iżraelin, b’għajnejn imberrqa raw
għemejjel tal-għaġeb: il-baħar jinfetaħ għalihom u jinagħlaq fuq l-għedewwa...
dawn kienu Jiem kbar. Imma mhux l-ikbar.
L-Ikbar Jum tal-Ħolqien kien meta Mara, b’nifisha maqtugħ
u b’moħħha donnu mgerrfex, daħlet fil-kamra fejn kien hemm sħabha u għall-ewwel
darba nstemgħet l-Aħbar: “Il-Mulej qam mill-Mewt! Hallelujah!!” L-Ikbar Jum kien meta għall-ewwel darba
bniedem ġie lura miċ-ċimiterju u bdiet tinfirex fost il-bnedmin il-Ħajja ta’
Dejjem. L-Ikbar Jum kien meta l-ikbar
għadu tal-bniedem, dak li dejjem rebaħlu, dak li dejjem beżżgħu, il-Mewt, ġiet
maqsuma, u l-bniedem issa jista’ jemmen li hu ħaj għal dejjem. Dan kien Ħolqien Ġdid, ikbar mill-Ħolqien
tal-bidu. Alla qajjem lill-Imħabba
msallba fuq Salib mill-bnedmin, biex l-istess bnedmin li qatluha jirċievu
l-Grazzja kbira ta’ Ħajja bla tmiem.
Il-bnedmin kollha ġew salvati, imma kemm ħafna huma dawk, jaħasra, li
din l-Aħbar ma jemmnuhiex. Għandhom
raġun għax hi xi ħaġa li tmur lil hemm minn moħħ il-bniedem. Hija l-“Big Bang” vera... bħal meta wieħed
jitfa’ kantun ġol-baħar kwiet u ċ-ċirku tal-mewġiet, ir-“ripples” jibqgħu jinfirxu, jinfirxu fi ċrieki dejjem ikbar sakemm
jilħqu t-trufijiet tal-art u lil ġenerazzjoni waħda wara l-oħra.
Aħna privileġġjati, aħna hienja li ġiet imxandra lilna
din l-Aħbar minn Knisja li għożżitha u beżgħet għaliha għal elfejn sena
sħaħ. Kemm Insara kienu fidili għal dik
l-Aħbar tal-Mara billi ċarċru demmhom kollu!
U elfejn sena wara, għadhom imutu, sal-lum stess, għax jemmnu li dak
in-nhar, f’dak il-Jum, fiż-żerniq tagħha, ġrat xi ħaġa sopranaturali fuq
id-dinja: Kristu rebaħ il-Mewt, imma mhux biss; dan hu mportanti! Hu ġie magħmul Spirtu Qaddis li jinagħta
lin-nies li jagħtuH ċans, li jemmnu fiH.
Huwa dan l-Ispirtu li Hu rebaħ għalihom li jagħtihom il-garanzija ġewwa
fihom, l-“Assurance”, li huma ħajjin
għal dejjem; li l-Purtiera tat-Tempju li kienet tifridhom mill-Ħajja li tilef
Adam, issa ċċarrtet; li s-Sema issa hi miftuħa beraħ.
Hu meta jkollna din il-Fidi, u din il-Fidi biss, li
titwieled fina natura ġdida li kapaċi twettaq ir-Rieda ta’ Alla li hi l-Imħabba
vera. Il-Liġi ta’ Mosè kienet tordna
l-Imħabba bla ma qatt tat is-saħħa lill-bniedem li jħarisha. Adam, bit-taħsir tiegħu, libbes il-bniedem
b’natura li tmut il-ħin kollu, li tweġġa’ b’kelma, li tobgħod lil min
jheddida. Kif nistgħu aħna nħobbu f’art
barranija, f’pajjiż id-dnub? Imma
ismagħha l-għajta: “Il-Mewt intrebħet!
Hallelujah!” u l-Ispirtu ta’ Dak
li faqa’ l-Mewt billi daħal fiha, issa qiegħed jinxtered fost il-bnedmin
mad-dinja kollha. Dan tassew hu l-akbar
att li qatt sar fost il-bnedmin, l-Ikbar Jum tal-Ħolqien.
L-Ispirtu li hemm fil-bniedem jitniehed għalina bi tnehid
mpossibbli li aħna nifhmuh, biex ninagħtaw il-Grazzja sħiħa li nemmnu tasssew u
nifhmu tassew il-Glorja li messet lilna bil-Ġrajja li qed ngħixu f’dawn
il-ġranet. San Pawl waslilna l-Kelma
meraviljuża ta’ Alla li tgħid: “L-Ispirtu,
min-naħa tiegħu, jgħinna fin-nuqqas ta’ ħila tagħna. Għax aħna anqas biss nafu nitolbu kif imiss,
imma l-Ispirtu stess jidħol għalina bit-talb tiegħu bi tnehid li ma jistax
jitfisser bil-kliem.” (Rum. 8, 26). Bħalissa stess, l-Ispirtu s-Santu li rċivejna
fil-Magħmudija qiegħed jokrob għalina quddiem il-Missier biex ninagħtaw fehma
aktar ċara, Fidi aktar sħiħa f’dik l-isplużjoni ta’ Ħajja li ħarġet minn
ġol-qabar miftuħ. Mill-Ispirtu jiġuna
l-garanzija, iċ-ċertezza, li quddiemhom jaħrab il-biża’ tal-Mewt. Mingħajr il-biża’ tal-Mewt il-bniedem ma
jidnibx, jerġa’ lura lejn l-oriġini, lejn l-Għeden, imma issa iktar għaref għax
issa jaf kemm ħabbu Alla.
Tassew hienja aħna ħuti!
Għalhekk, kollu ferħan, darba Kristu qal: “Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax int dawn il-ħwejjeġ
ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin.” (Lq. 10, 21).
U wkoll, meta kien qed jitkellem fuq l-ikbar profeta li deher, qal: “L-iżgħar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet hu
akbar minnu.” (Mt. 11, 11). Mhux għax Ġwanni l-Battista ma daħalx
fis-Saltna, imma għax hu ma rax dan il-Jum bħalma rawh iċ-ċkejknin, bħalma ratu
l-Mara li xandritu. Henjin aħna li qed
nirċievu din l-Aħbar hekk tal-għaġeb.
J’Alla dan l-Għid ma jkunx sempliċi Festa ta’ tifkira ta’
dak li ġara ħdejn Ġerusalemm, imma MEMORJAL, jiġifieri li f’dan l-Għid
tal-2021, f’dan l-Għid tal-pandemija, din l-Aħbar issir “ħajja” fina; ma tkunx
ripetizzjoni ta’ xi ħaġa li smajna eluf ta’ drabi, imma tirbombja fl-ispirtu
tagħna u tibdel lejl il-Mewt f’Jum kollu dawl u eżistenza ġdida. Alla kapaċi jagħmlu dan fina. L-Ispirtu qiegħed jitkarrab biex il-Knisja
timtela b’nies imwielda mill-ġdid mill-Magħmudiija li ħarġet minn din
l-Aħbar. F’dan il-Għid isseħħ
il-Mogħdija tal-Mulej. F’dan il-Għid il-Knisja
tistenna, kull Nisrani jishar, għax fih tinagħta l-Grazzja tal-Fidi li min
m’għandux, u ta’ Fidi akbar lil min għandu.
Il-Knisja tishar matul il-lejl tal-Għid u tkanta kantiċi
tal-għaġeb. Imma l-isbaħ innu li
għandha, innu qadim kważi daqsha, hu l-“Prekonju tal-Għid”, jew l-“Exultet”, jew magħruf ukoll bħala
“It-Tħabbira tal-Għid”. Il-Knisja
tkantah darba fis-sena biss, fil-bidu ta’ dan il-lejl meta l-ewwel qamar
tar-Rebbiegħa jkun kwinta, jkun mimli;
l-istess qamar li ħares lejn Abraham sejjer joqtol lil ibnu, u fuq
Iżrael ħiereġ mill-Eġittu. Tassew li
dawn huma ħwejjeġ kbar. Hu sewwa u
xieraq li nikkummentaw ftit fuq il-kliem qaddis ta’ dan l-Innu li jitkanta
malli d-dlam tal-knisja jinkiser bid-dawl fietel iżda potenti tal-Blandun li hu
Kristu mqajjem mill-Mewt. Nikkummentaw
fuq ftit minnu għax hu twil mhux ħażin.
Jibda bil-Kelma “Exultet”,
“Jifirħu”. Jifirħu l-qtajja tal-Anġli u
l-qaddejja ta’ Alla. Jifirħu dawk kollha
li jħobbu lil Alla u jħobbu lill-bniedem ukoll, f’dan il-lejl, għax huwa l-lejl
tar-rebħa l-kbira tas-sewwa fuq it-taħsir, tal-Ħajja fuq il-Mewt. “Tifraħ il-art mimlija b’dawl
tal-għaġeb!” Fejn hemm il-Mewt hemm
id-dlam, imma fejn hemm Kristu rebbieħ fuq il-Mewt hemm id-Dawl, hemm
il-Festa. “Il-Ħolqien kollu ħeles mid-dlam
li ħakmu.” Il-biża’ tal-Mewt hu tassew
xi ħaġa kiefra tant li ġiegħel lil Kristu jibki fuq il-bnedmin miġbura madwar
il-qabar ta’ Lazzru. Dan huwa d-dlam li
jiġiegħel lill-bniedem jidneb u jerġa’ jidneb.
Imma issa nqalbet folja ġdida, għalhekk “Ħa jidwu l-ħitan tal-knisja
bl-għajat ferħ ta’ poplu fil-festa.”
Kif nistgħu ma nħobbuHx lil Dak li offra ruħu
għalina? “Huwa ħallas għalina d-dejn ta’
Adam u bid-demm tiegħu li hu xerred għalina ħassar il-kitba tal-kundanna li
ħadna fil-bidu.” Id-dnub tal-bidu kien
kbir u aħna writtniha dinil-marka sewda.
Il-bniedem lil Alla bħal qallu: “Int qed tigdibli għax mhux veru li jekk
ma nobdikx immut! Int qed tibża’ li jien
insir bħalek! Int rival tiegħi! Int lili
tillimitani bl-ordnijiet tiegħek!” Dan
kollu hu moħbi ġewwa fina. Ġesù ġie
jfittixna u daqshekk imbegħdin minn Alla sabna.
Daqshekk midjunin. Daqshekk
imħassrin. Dan id-dnub serjissimu qatel
lil kull imwieled minn mara, imma “Dan huwa l-lejl li fih Kristu qered il-mewt
u qam rebbieħ fuq is-setgħa tal-ħażen!”
Il-Mewt ġiet maqtula, il-bniedem jaħrab miċ-ċella fejn kien maqful,
għadda l-vistu u issa għandna l-Festa ta’ dejjem.
Imma għalija l-aqwa vers tal-Innu huwa dan: “Mingħajr
id-dnub ta’ Adam Kristu qatt ma seta’ jifdina.
Xi ħtija hienja, li stħaqqilha Feddej kbir bħal dan, xi ħtija
hienja!” F’dawn iż-żewġ versi, toħroġ
il-meravilja tal-Misteru tal-Għid ta’ Kristu.
Huwa jdawwar id-dnub ta’ Adam, id-dnub li ġab il-Mewt fid-dinja, id-dnub
li qered il-ħajja ta’ għadd bla qjies ta’ nies, id-dnub li bekka l-ħolqien...
fi Grazzja! Tistħix iktar mid-dnub
tiegħek, Adam, għax il-Mulej Ġesù inqed bih biex jagħmel manifestazzjoni, wirja
tal-kobor tal-Imħabba li biha Alla ħabb lilek u lil kull midneb, lilna lkoll. Min jista’ jixlina iktar meta għandna Alla li
jħobbna, jiddefendina, jagħdirna, jifhimna, jdawwar id-dnub tagħna f’okkażjoni
oħra li fiha jurina kemm iħobbna, kemm jaħfrilna! Mhux ta’ b’xejn li l-infern jitriegħed
quddiem l-Aħbar it-Tajba tal-Opra ta’ Alla fil-Għid ta’ Kristu!
Ngħaddu biex nikkummentaw fil-qosor, dwar ħamsa mid-disa’
qari tal-Velja tal-Lejl tal-Għid Imbierek.
Hemm poema antika dwar l-erbat iljieli tal-Għid. Erba Mogħdijiet tal-Mulej li f’kull waħda
minnhom Alla jinagħta, l-Imħabba tinagħta.
L-ewwel lejl huwa dak tal-Ħolqien.
Kollox kien kaos, dlam, taħwid bla forma u bla sens. Kollox kien xejn, u l-Imħabba ma tissaportix
dan. L-Imħabba trid lil min tħobb. Għalhekk Alla jaħlaq mix-xejn. Ix-xjenza tgħid li xejn ma jsir minn
xejn. Muntanja xi darba kienet żrara. Il-baħar immens xi darba beda almenu minn
qatra ilma. Allura min kien il-bidu ta’
dan kollu. Min kien ’il barra
mill-ħolqien li beda jaħlaq jekk mhux Alla.
Hu għalhekk li l-ħolqien kollu jkanta t-tifħir lil Alla.
Parti mil-Liturġija tal-Kelma tal-Velja tal-Għid:
I QARI I
Alla ħares lejn kulma għamel u ra li kollox kien sew ħafna.
Ġen 1, 1 – 2, 2
Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi
Fil-bidu Alla ħalaq is-sema u l-art: u
kienet l-art taħwid u baħħ; u d-dlam kien fuq wiċċ l-abbissi u fuq wiċċ l-ibħra
kien jittajjar l-ispirtu ta’ Alla. U qal Alla: “Ħa jkun id-dawl”. U d-dawl
sar. U
ra Alla d-dawl li kien tajjeb. U Alla fired id-dawl mid-dlam. U d-dawl Alla
semmieh jum, u d-dlam sejjaħlu lejl. U dalam u sebaħ – L-ewwel jum.
U qal Alla: “Ħa jkun hemm medda f’nofs
l-ilmijiet u tifred ilma minn ilma”. U Alla għamel il-medda u fired l-ilma ta’
taħt il-medda mill-ilma ta’ fuq il-medda. U hekk sar. U l-medda Alla semmieha
sema. U dalam u sebaħ – It-tieni jum.
U qal Alla: “Ħa jinġemgħu naħa waħda
l-ilmijiet ta’ taħt is-sema u jidher l-inxif”. U hekk sar. U sejjaħ Alla
l-inxif art; u l-ġemgħa tal-ilma sejħilha baħar. U Alla ra li kollox kien tajjeb.
U qal Alla: “Ħa tnibbet l-art il-ħaxix, ħaxix li jagħmel iż-żerriegħa, siġar li
jagħmlu l-frott biż-żerriegħa ġo fih skont għamliethom, fuq l-art”. U hekk sar.
U nibbtet l-art il-ħaxix, ħaxix li jagħmel iż-żerriegħa skont għamlietu u siġar
jagħmlu l-frott biż-żerriegħa skont għamlietu; u ra Alla li kien tajjeb. U
dalam u sebaħ – It-tielet jum.
U qal Alla: “Ħa jkun hemm imnariet
fil-firxa tas-sema biex jifirdu l-jum mil-lejl, u jkunu sinjali għat-tqassim
taż-żminijiet, tal-jiem u tas-snin. U jkun hemm imnariet fil-firxa tas-sema biex idawlu l-art”. U
hekk sar. U għamel Alla ż-żewġ imnariet il-kbar; l-imnara l-kbira biex trieġi
l-jum, u l-imnara ż-żgħira biex trieġi l-lejl, u l-kwiekeb. U Alla qegħedhom
fil-firxa tas-sema biex jiddu fuq l-art, u jrieġu l-jum u l-lejl u jifirdu
d-dawl mid-dlam. U Alla ra li kien tajjeb. U dalam u sebaħ –
Ir-raba’ jum.
U qal Alla: “Jiżgħed l-ilma b’kotra ta’
ħlejjaq ħajjin u jittajru t-tjur fuq l-art fil-wesgħa tas-smewwiet”. U Alla
ħalaq il-ħut il-kbir u l-annimali kollha li jitkaxkru, li bihom miżgħud l-ilma,
skont ġenshom, u t-tajr bil-ġwienaħ skont ġenshom. U ra Alla li kien tajjeb. U
berikhom Alla u qalilhom: “Welldu u oktru, u imlew l-ilma tal-ibħra; u joktor
it-tajr fuq l-art”. U dalam u sebaħ – Il-ħames jum.
U qal Alla: “Ħa tnissel l-art ħlejjaq ħajja
skont ġenshom: bhejjem tad-dar, annimali li jitkaxkru, u bhejjem selvaġġi,
skont ġenshom”. U hekk sar. U għamel Alla l-bhejjem selvaġġi skont ġenshom, u
l-bhejjem tad-dar skont ġenshom, u l-ħlejjaq kollha li jitkaxkru fuq l-art
skont ġenshom. U ra Alla li kien tajjeb. U qal Alla: “Ħa nagħmlu l-bniedem fuq
is-sura u x-xbieha tagħna, u jaħkmu fuq il-ħut tal-baħar u fuq it-tajr
tal-ajru, fuq il-bhejjem tad-dar u fuq il-bhejjem selvaġġi, u fuq il-ħlejjaq li
jitkaxkru fuq l-art”. U Alla ħalaq il-bniedem fuq xbihietu, fuq xbihat Alla
ħalqu: raġel u mara ħalaqhom.
U
berikhom Alla u qalilhom:
“Nisslu u oktru,
u imlew l-art, u aħkmuha;
u saltnu fuq il-ħut tal-baħar
u t-tajr tal-ajru
u l-ħlejjaq kollha li jitkaxkru fuq l-art”.
U qal Alla: “Araw, jien tajtkom il-ħaxix
kollu, li jagħmel iż-żerriegħa fuq wiċċ l-art, u s-siġar kollha li jagħmlu
l-frott biż-żerriegħa: dawn kollha jkunu għall-għajxien tagħkom. U lill-bhejjem
kollha selvaġġi u t-tajr kollu tal-ajru u l-ħlejjaq kollha li jitkaxkru fl-art
li fihom nifs il-ħajja, nagħtihom il-ħaxix kollu aħdar għall-għajxien tagħhom”.
U hekk sar. U ħares Alla lejn kulma kien għamel, u, ara, kollox kien tajjeb
ħafna. U
dalam u sebaħ – Is-sitt jum.
U
hekk tlestew is-sema u l-art bit-tagħmir kollu tagħhom. U fis-seba’ jum Alla
temm ix-xogħol tiegħu kollu li kien għamel, u waqaf fis-seba’ jum mix-xogħol
tiegħu li kien għamel.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
QARI II
Is-sagrifiċċju ta’ missierna Abraham.
Ġen 22,1-18
Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi
F’dak iż-żmien, Alla ried iġarrab lil
Abraham u qallu: “Abraham!”. U hu wieġbu: “Hawn jien!”. U qallu: “Aqbad lil
ibnek il-waħdieni, li inti tħobb, lil Iżakk; u mur lejn l-art ta’ Morija, u
hemm offrih b’sagrifiċċju tal-ħruq fuq waħda mill-għoljiet li jien se
ngħidlek”. U Abraham bakkar mas-sebħ, xedd il-ħmar tiegħu, ħa tnejn
mill-qaddejja tiegħu, u lil Iżakk. Qatta’ l-ħatab għas-sagrifiċċju tal-ħruq, u
qam, u telaq lejn il-post li qallu bih Alla. Fit-tielet jum Abraham rafa’ għajnejh, u lemaħ
il-post mill-bogħod. U Abraham qal lill-qaddejja tiegħu: “Oqogħdu hawn
bil-ħmar, u jien u ż-żagħżugħ immorru sa hemm, u nagħtu qima u nerġgħu lura
ħdejkom”. U Abraham qabad il-ħatab għas-sagrifiċċju, għabbieh fuq Iżakk ibnu,
ħa f’idejh in-nar u s-sikkina, u telqu t-tnejn flimkien. U Iżakk qal lil
Abraham missieru: “Missier!” Dak wieġbu: “Hawn jien, ibni”. U Iżakk qallu:
“Hawn huma n-nar u l-ħatab, fejn hu l-ħaruf għas-sagrifiċċju tal-ħruq?”. U
Abraham wieġbu: “Alla jaħseb hu għall-ħaruf għas-sagrifiċċju, ibni”. U baqgħu
sejrin it-tnejn flimkien.
U
waslu fil-post li kien semmielu Alla; u hemm Abraham bena l-artal u firex
il-ħatab fuqu, u rabat lil ibnu Iżakk u qiegħdu fuq l-artal, fuq il-ħatab. U
Abraham medd idu u qabad is-sikkina biex joqtol lil ibnu. U sejjaħlu l-anġlu
tal-Mulej mis-smewwiet u qallu: “Abraham, Abraham!”. U dan wieġbu: “Hawn jien”.
U qallu: “La tmiddx idek fuq iż-żagħżugħ u tagħmillu ebda ħsara; għax issa naf
li inti tibża’ minn Alla, u ma ċaħħadtnix minn ibnek il-waħdieni”.
U
Abraham rafa’ għajnejh, ta ħarsa madwaru, u ra muntun warajh maqbud minn qrunu
fil-friegħi. U Abraham mar u qabad il-muntun, u offrieh b’sagrifiċċju tal-ħruq
minflok ibnu. U Abraham semma dak il-post: “Jaħweh-jire – jiġifieri – il-Mulej
jipprovdi”, kif għadu jingħad sal-lum: “Fuq il-muntanja Jaħweh-jire, il-Mulej
jipprovdi”.
U
għat-tieni darba l-anġlu tal-Mulej sejjaħ lil Abraham mis-smewwiet u qallu:
“Naħlef fuq ruħi – oraklu tal-Mulej – la darba int għamilt ħaġa bħal din, u ma
ċaħħadtnix minn ibnek il-waħdieni, jien inbierkek żgur u nkattarlek sewwa lil
nislek bħall-kwiekeb tas-sema u bħar-ramel f’xatt il-baħar; u nislek għad jiret
il-bibien tal-għedewwa tiegħu. U jitbierku b’nislek il-ġnus kollha tal-art
talli smajt minn kelmti”.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
QARI III
Ulied Iżrael daħlu fl-inxief f’nofs il-baħar.
Eż 14, 15 – 15,1
Qari mill-Ktieb tal-Eżodu
F’dak iż-żmien, il-Mulej qal lil Mosè:
“Għax issejjaħ lili? Għid lil ulied Iżrael jerfgħu t-tined tagħhom u jitilqu. U
int għolli l-ħatar tiegħek, u midd idek fuq il-baħar u oforqu. Ulied Iżrael,
imbagħad, jaqsmu fin-niexef f’nofs il-baħar. U ara, jiena nwebbes il-qalb
tal-Eġizzjani biex jgħaddu warajkom, u nuri l-glorja tiegħi permezz tal-Fargħun
u l-eżerċtu tiegħu kollu, bil-karrijiet u r-rikkieba tiegħu. U mbagħad ikunu
jafu l-Eġizzjani li jiena l-Mulej, meta nuri l-glorja tiegħi permezz
tal-Fargħun, bil-karrijiet u r-rikkieba tiegħu”.
U mbagħad l-anġlu ta’ Alla, li kien miexi
quddiem it-tined ta’ Iżrael, telaq u mar warajhom, u l-kolonna ta’ sħab minn
quddiemhom marret qagħdet warajhom, u ġiet bejn it-tined tal-Eġizzjani u
t-tined ta’ Iżrael. Kien hemm is-sħaba u d-dlam, u għadda l-lejl bla ma ħadd
minnhom seta’ jersaq wieħed lejn l-ieħor. Mosè medd idu fuq il-baħar, u l-Mulej
reġġa’ lura l-baħar b’riħ qawwi mil-Lvant matul il-lejl kollu; il-baħar ixxotta
u l-ilmijiet inferqu. U mbagħad ulied Iżrael daħlu fin-niexef f’nofs il-baħar;
l-ilmijiet kienu għalihom qishom ħitan fuq il-lemin u fuq ix-xellug.
L-Eġizzjani marru warajhom, u daħlu f’nofs
il-baħar, iż-żwiemel kollha tal-Fargħun, il-karrijiet u r-rikkieba tiegħu.
Fis-sahra ta’ filgħodu, il-Mulej minn ġol-kolonna tan-nar u s-sħaba xeħet ħarsa
fuq it-tined tal-Eġizzjani, u ħarbathom. U xekkel ir-roti tagħhom u bit-tbatija
setgħu jmexxuhom. U mbagħad l-Eġizzjani bdew jgħajtu: “Ħa naħarbu minn quddiem
Iżrael, għaliex il-Mulej qiegħed jiġġieled kontra l-Eġizzjani!”.
Il-Mulej qal lil Mosè: “Midd idek fuq
il-baħar, u l-ilma jerġa’ lura fuq l-Eġizzjani, bil-karrijiet u r-rikkieba
tagħhom”. U Mosè medd idu fuq il-baħar. U ma’ sbiħ il-jum il-baħar raġa’ lura
fejn kien qabel, u l-Eġizzjani, huma u jaħarbu, sabu ruħhom fih. Hekk il-Mulej
gerbibhom f’nofs l-ilma. L-ilmijiet reġgħu lura u għarrqu l-karrijiet u
r-rikkieba tal-eżerċtu kollu tal-Fargħun li kienu ġejjin warajhom fil-baħar.
Anqas wieħed ma baqa’ minnhom. U wlied Iżrael għaddew fin-niexef f’nofs
il-baħar, u l-ilmijiet kienu għalihom bħal ħitan wieħed fuq il-lemin u l-ieħor
fuq ix-xellug.
Dakinhar il-Mulej salva lil Iżrael minn id
l-Eġizzjani, u Iżrael ra l-Eġizzjani mejta fuq xatt il-baħar. Ra Iżrael kulma
għamel il-Mulej lill-Eġizzjani bil-qawwa ta’ driegħu. U beża’ l-poplu
mill-Mulej, u emmen fil-Mulej u f’Mosè, il-qaddej tiegħu.
Il-Kelma tal-Mulej.
Inroddu ħajr lil Alla.
EPISTOLA
Kristu qam mill-imwiet biex ma jmutx aktar.
Rum
6, 3-11
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu
lir-Rumani
Ħuti, ma tafux li aħna lkoll li tgħammidna
fi Kristu Ġesù, tgħammidna fil-mewt tiegħu? Indfinna miegħu fil-mewt permezz
tal-magħmudija sabiex kif Kristu kien imqajjem mill-imwiet permezz tal-qawwa
glorjuża tal-Missier, hekk aħna ngħixu ħajja ġdida. Jekk aħna sirna ħaġa waħda
miegħu f’mewt tixbah lil tiegħu, hekk ningħaqdu miegħu fil-qawmien tiegħu
mill-mewt.
Dan nafu: li l-bniedem il-qadim tagħna
ssallab miegħu, biex jinqered dan il-ġisem tad-dnub, sabiex ma nkunux aktar
ilsiera tad-dnub. Min imut, jeħles mid-dnub. Jekk aħna mitna ma’ Kristu, nemmnu
wkoll li għad ngħixu ma’ Kristu. Nafu li Kristu qam mill-imwiet u ma jmutx
aktar; il-mewt ma għadhiex taħkem fuqu. Hu li miet, miet darba għal dejjem
għad-dnub; u issa li qiegħed jgħix, qiegħed jgħix għal Alla. Hekk ukoll intom
għandkom tqisu lilkom infuskom mejtin għad-dnub, iżda ħajjin għal Alla fi
Kristu Ġesù.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
EVANĠELJU
Ġesù ta’ Nazaret, li kien mislub, qam mill-imwiet.
Mk 16, 1-7
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
Meta għadda s-Sibt, Marija ta’ Magdala, Marija omm Ġakbu, u
Salomi xtraw xi fwejjaħ biex imorru jidilkuh bihom. U kmieni ħafna fl-ewwel jum
tal-ġimgħa, kif telgħet ix-xemx marru ħdejn il-qabar.
U bdew jgħidu lil xulxin: “Min se jgerbilna l-ġebla mid-daħla
tal-qabar?” Iżda meta ħarsu, raw li l-ġebla kienet imressqa fil-ġenb; kienet
ġebla kbira ħafna. Daħlu fil-qabar, u raw żagħżugħ bilqiegħda n-naħa tal-lemin,
liebes libsa bajda; u nħasdu. Imma hu qalilhom: “Xejn la tinħasdu. Qegħdin
tfittxu lil Ġesù ta’ Nazaret li kien imsallab; qam mill-mewt, m’huwiex hawn.
Araw il-post fejn kienu qegħduh. Imma morru għidu lid-dixxipli tiegħu, u lil
Pietru, li hu sejjer fil-Galilija qabilkom; tarawh hemmhekk, kif kien
qalilkom.”
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir
lilek Kristu
|