Din
hija il-Liturgija tas-Seba'Hadd ta' L-Ghid (2021)TLUGH IL-Mulej fis-Sema ( Lapsi)bi hsibijiet min Joe Rapa.
|
Sal-aħħar waqtiet ta’ Kristu fuq din l-art, l-appostli u dawk qrib tiegħu
baqgħu ma jistgħux jifhmu tassew x’kienet il-Missjoni kbira tiegħu; għal xhiex
kien daħal għat-tbatija tal-Passjoni, il-Mewt u mbagħad il-Qawmien tiegħu. San Luqa jistqarr li kellhom ħerqa kbira
jkunu jafu meta kien se jsir Sultan u jerġa’ jwaqqaf is-Saltna ta’ David li
kienet sparixxiet sekli qabel mal-Eżilju f’Babel! Kristu telaqgħom, hekk kif kienu, bit-taħwid
tagħhom, f’idejn l-Ispirtu s-Santu... “Mhix
biċċa tagħkom li tkunu tafu l-jiem u ż-żmien li l-Missier żamm fis-setgħa
tiegħu. Imma intom tiksbu qawwa, meta
jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu. U tkunu
xhieda tiegħi f’Ġerusalemm...” (Atti 1, ???). Nistgħu
nimmaġinaw kif baqgħu iċċassati hekk kif ftit wara dan id-dibattitu dwar
is-Saltna tad-dinja, jaraw lil Dak li fih kienu qegħdu t-tamiet tagħhom
jittieħed minn ħdejhom u jiġi meħud ’il fuq lejn is-Sema!
L-esperjenza
tal-Pentekoste (Għid il-Ħamsin) bidlet għal kollox il-mentalità tad-dixxipli
ta’ Ġesù. Id-Dawl tal-Ispirtu s-Santu
urihom dak li qabel kien moħbi minnhom.
Issa fehmu għaliex Ġesù kien qalilhom: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Bxara t-Tajba lill-ħolqien
kollu. Min jemmen u jitgħammed, isalva;
iżda min ma jemminx, ikun ikkundannat.”
(Mk. 16, 15). X’kienet din
il-Bxara t-Tajba li ntbagħtu mad-dinja kollha jxandru? Żgur li ħarsu lejn xulxin, għax għal
darb’oħra ma fehmuhx. Kellhom
raġun. Kristu kien qed ikellimhom fuq ħwejjeġ
sopranaturali, huma li kienu għadhom nies għal kollox naturali u “down to earth”. Sakemm Kristu kien għadu magħhom, huma ma
setgħux jifhmu l-Missjoni tiegħu. Dan hu
Misteru. Hu ittieħed minn magħhom lejn
is-Sema, biex imbagħad jiġi l-Ispirtu s-Santu, id-Difensur u jimlihom bl-għerf
tas-Sema, bl-għerf veru. Kristu stess
kien qalilhom li jekk ma jmurx Hu ma jiġix l-Ispirtu tal-Verità li kellu
jdawwalhom fuq kollox. Ma baqax magħhom
fiżikament, imma, u dan hu Misteru tafux, il-Preżenza tiegħu kienet se tkun
akbar u aktar intimà u aktar b’saħħitha spiritwalment.
L-Ispirtu
s-Santu wriehom il-“qjies bla qjies”, il-għoli u l-fond u l-wisa’ u t-tul
tal-Opra ta’ Kristu. Insew is-saltniet
tad-dinja u l-ħmerijiet tagħha! Mamma
mia kemm ninfixlu fuq ix-xejn! Aħna
bħalhom. Huma fehmhu x’kien hemm wara
l-Għid li għex Kristu. Moħħhom tħabat
biex jesa’ d-dawl li nagħtalhom dwar l-Inkarnazzjoni ta’ Alla nnifsu f’laħam
bħal tagħna f’Ġesù l-Mulej; il-kenosi
tremenda tal-passjoni u l-Mewt (kemm
kienu jiddarsu kull darba li kien isemmilhom dawn l-affarijiet!), u l-Glorja
tal-Qawmien. Issa huma kienu qed
jesperimentaw dak li rebaħ għalihom Kristu bl-għotja tiegħu: l-Ispirtu ta’
Ħajja Ġdida, l-Ispirtu ta’ Twelid Ġdid, l-Ispirtu ta’ Ħajja għal dejjem. In-nostalġija għas-Saltna ta’ Iżrael għebet
minn moħħhom. Issa kienu ġa daħlu
fil-Ħajja ta’ Dejjem ġa minn hawn u lkoll bdew iħarsu lejn il-vera pajjiżhom li
hu s-Sema, hemm fejn mar jistennihom Kristu l-Mulej.
L-Ispirtu
s-Santu wriehom li flimkien huma kienu jagħmlu l-Ġisem ta’ Kristu preżenti
fid-dinja. U jekk Kristu r-Ras kien ħaj
għal dejjem, allura anke huma, il-Ġisem tiegħu kellhom minn din in-natura u
kien ħajjin bħalu għal dejjem. Għax jekk
ir-Ras ġa kienet hemm f’dan il-pajjiż ġdid, anke huma kienu għal hemm, u hemm
riedu jmorru.
Issa din
l-isplużjoni ta’ Dawl Alla ma riedx jagħtiha lill-Appostli biss. Hu beda jagħtiha lil kull min beda jemminhom. L-Ispirtu s-Santu sar bħal “waterfall” immensa, bla qjies, li għal
żmien twil kienet miżmuma wara diega impossibbli li tirfida. Inqasmet biss meta Kristu mejjel rasu fuq
sidru fuq is-Salib, għax id-dnub kien tpatta u aktar minn tpatta. Id-diega saret kollha kemm hi konsenturi, sa
ma ġġarrfet għal kollox u l-għarar tal-illma tal-Ispirtu s-Santu faqa d-deżert
li kienet id-dinja kollha. Kull bniedem
li għadu ma kellux din il-laqgħa ma’ Ġesù Kristu huwa deżert, nixfa, vojt,
dieqa li xejn ma jtaffiha.
Imma dan
l-Ispirtu, dawn id-doni kollha li nagħtaw lill-ewwel Insara baqgħu jinagħtaw
lill-Knisja sal-lum! Min hi l-Knisja? Aħna.
Meta inagħtalna dan l-għana kollu?
Fil-Magħmudija, u ġew ikkonfermati mill-Isqof b’Sagrament ieħor aktar
tard. Forsi tgħidli, li int ma tħossx
dak li ħassew dawn in-nies. Tajjeb. Dan ma jfissirx li int m’għandekx dan l-għana
kollu. Fil-Magħmudija inagħtalek kollox:
il-Fidi sħiħa, l-Ispirtu ta’ Ħajja Ġdida, natura divina li ma tmut qatt,
l-Imħabba u l-kapaċità li tagħmel ir-Rieda tal-Mulej. Imma dawn jinsabu midfunin fik. Hemm qegħdin, imma mirdumin taħt ħafna radam
u laqx. Fik hemm dan l-Ispirtu ħelu li jfarrġek meta tħossok
mhedded, li jagħmillek il-kuraġġ meta qalbek maqtugħa, li jpoġġi maġenbek meta
inti mdejjaq għax waħdek... imma kollox għadu ċkejken ħdejn il-materjaliżmu
tal-bniedem il-qadim li għadu ħaj fina wkoll.
Din il-Magħmudija li qisha l-kaxxa mgħattna u kollha trab li fiha hemm dawn ir-rigali
enormi kollha ta’ Alla, din il-Magħmudija trid tikber fina. Jekk għadha lewża, trid tinqasam u tnibbet u
tfeġġ pjanta ċkejkna minn qalb il-ħamrija, u b’ħafna sabar issir siġra. Imbagħad għidli jekk din is-siġra tagħmilx
frott jew le. Ħadd ma jgħallimha kif
tagħmel il-frott. Il-frott joħroġ
naturali.
L-Istess
il-Ħajja Nisranija. San Pawl jgħidilna
li mill-Magħmudija toħroġ il-Grazzja tas-Sejħa tagħna. Min hu msejjaħ għal ħaġa min għal oħra. Imma Alla ma jsejħilniex għall-familja tagħna
biss imma wkoll għall-Ġemgħa, għall-Knisja.
Min jaħdem għall-Knisja mod, u min ieħor. Ħaġa waħda hi ċerta: kulħadd hu mportanti f’għajnejn Alla. Kulħadd sewa d-Demm ta’ Kristu. Għalhekk kulħadd jirċievi d-doni tal-Ispirtu
s-Santu fil-qjies li għalih ikun biżżejjed biex iwettaq ix-xogħol li Alla jkun
ġa lesta għalih sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja.
Aħna li
nikbru fil-Magħmudija tagħna nsiru bħal Palma mħawla fid-deżert. Għandha xuxxitha titbandal taħt in-nar
tax-xemx tiżreġ tad-deżert, imma lilha ma tagħmlilhiex ħsara. Tafu għaliex?
Għax għandha l-għeruq li niżlu fil-fond ifittxu l-ilma u sabuh. Għalhekk waqt li s-siġra hi fin-nixfa, hi
qatt mhi bil-għatx għax għeruqha jgħumu fl-ilmijiet friski moħbija taħt
ir-ramel. L-istess int u jien jekk inkunu Nsara tassew. Inħaffru fil-fond biex inniżlu għeruqna
fl-ilmijiet tal-Magħmudija. Tiġi n-nixfa, tirvilla s-sħana, imma bil-għatx ma
nkunu qatt. Għeruqna fi Kristu! U dan kif?
Nikbru fil-Fidi bis-Smigħ u l-qari tal-Kelma, bis-Sagramenti tal-Knisja,
u bit-Talb umli ta’ min jaf li mingħajr l-Ispirtu ta’ Alla kollox hu mejjet.
Il-Festa
tal-Lum, Lapsi, jew Tlugħ il-Mulej fis-Sema tgħidlna ħaġa waħda: inkunu eskatoloġiċi, jiġifieri b’mod pożittiv
inħarsu lejn is-Sema pajjiżna fejn ħwejjeġ enormi hemm jistennewna. Din il-Ħajja tgħaddi malajr, imma hemm se
ngħixu għal dejjem fil-Ferħ, fil-Mistrieħ, fl-għajbien tal-Mewt, fid-Dehra ta’
Alla, tal-Madonna, tal-Qaddisin, ta’ qrabatna, ta’ ħbiebna, ta’ kotra ta’ anġli
u nies li taw xhieda ta’ Ġesù fid-dinja.
Hawn hu biss post it-taħbit, għalkemm xorta jkollna s-sliem tal-Mulej. Anzi, l-Kelma twegħedna li bi Kristu l-Ħajja
ta’ Dejjem tibda minn hawn. Imma fid-dinja
dejjem hawn il-prova li tgħaddi minnha l-Palma fid-deżert. Ma jimpurtax! Kristu qiegħed jistenniena biex
jilqagħna b’idejH miftuħa u x’għaġeb ikun dak meta tara lill-qaddisin
jifirħulek għall-Imħabba li wera miegħek il-Mulej! Awguri!
Il-Liturġija
tal-Kelma għall-lum:
QARI I
Kien meħud ’il fuq waqt li huma kienu jħarsu lejh.
Atti 1:1-11
Bidu tal-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
Fl-ewwel rakkont tiegħi, Teofilu, tkellimt
fuq dak kollu li Ġesù kien għamel u għallem minn mindu beda sal-jum li fih kien
meħud fis-sema, wara li, permezz tal-Ispirtu s-Santu, ta l-ordnijiet tiegħu
lill-appostli li hu kien għażel.
Wara l-passjoni tiegħu dehrilhom u tahom
ħafna provi li hu ħaj; f’erbgħin jum rawh kemm-il darba u kellimhom fuq
il-ħwejjeġ tas-Saltna ta’ Alla. Meta kien għadu magħhom, ordnalhom biex ma
jitilqux minn Ġerusalemm, imma joqogħdu jistennew sa ma sseħħ il-wegħda
tal-Missier, “li fuqha”, qalilhom “smajtu x’kont għedtilkom: Ġwanni għammed
bl-ilma, imma intom, fi ftit jiem oħra titgħammdu bl-Ispirtu s-Santu”.
Kif kienu flimkien staqsewh: “Mulej, hu dan
iż-żmien li fih int se terġa’ twaqqaf is-Saltna ta’ Iżrael?”. Hu weġibhom:
“Mhijiex biċċa tagħkom li tkunu tafu l-waqt u ż-żmien li l-Missier għażel
bis-setgħa tiegħu. Imma meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, intom tirċievu
l-qawwa, u tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha u s-Samarija u
sa truf l-art”.
Wara li qal dan, huma u jħarsu lejh, kien
meħud ’il fuq, u sħaba ħadithulhom minn quddiem għajnejhom.
Waqt li kienu b’għajnejhom fis-sema jħarsu
lejh sejjer, f’daqqa waħda dehru ħdejhom żewġt irġiel libsin l-abjad, u
qalulhom: “Irġiel tal-Galilija, x’intom tħarsu lejn is-sema? Dan Ġesù, li kien
meħud minn magħkom lejn is-sema, għad jerġa’ jiġi kif rajtuh sejjer”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM
RESPONSORJALI
Salm 46(47):2-3,6-7,8-9
R/.(6): Tela’ Alla b’għajat ta’ ferħ.
jew
R/.
Hallelujah, Hallelujah, Hallelujah.
Popli
kollha, ċapċpu jdejkom,
għajtu b’leħen ta’ ferħ lil Alla!
Għax il-Mulej, l-Għoli, hu tal-biża’,
sultan kbir fuq l-art kollha. R/.
Tela’ Alla b’għajat ta’ ferħ,
il-Mulej bid-daqq tat-trombi.
Għannu lil Alla, għannu,
għannu lis-sultan tagħna, għannu. R/.
Għax Alla s-sultan tal-art kollha:
għannulu bis-sengħa għanja sabiħa.
Isaltan Alla fuq il-ġnus kollha,
joqgħod Alla fuq it-tron imqaddes tiegħu. R/.
QARI II
Naslu fl-aħjar taż-żmien biex isseħħ il-milja ta’ Kristu.
Efes 4:1-13
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu
lill-Efesin
Ħuti, inħeġġiġkom jien, il-priġunier
tal-Mulej, biex timxu sewwa skont is-sejħa li biha kontu msejħin; billi
bl-umiltà kollha, bil-ħlewwa u bis-sabar, taħmlu u tħobbu ’l xulxin. Ħabirku
biex iżżommu spirtu wieħed bir-rabta tas-sliem; ġisem wieħed u ruħ waħda,
l-istess kif kontu msejħa għal tama waħda; Mulej wieħed, fidi waħda, magħmudija
waħda; Alla wieħed u Missier ta’ kulħadd, li hu fuq kulħadd, b’kulħadd u
f’kulħadd.
Lil kull wieħed minna Alla tana l-grazzja
skont il-qies tad-don ta’ Kristu. Hu għalhekk li tgħid l-Iskrittura: “Tela’”:
xi jfisser dan għajr li hu niżel ukoll fl-inħawi l-aktar t’isfel tal-art? Dak
li niżel huwa dak li tela’ fuq is-smewwiet kollha, biex jimla kollox.
U huwa dak li ta lil xi wħud li jkunu
appostli, lil xi wħud profeti, lil xi wħud evanġelisti, lil xi wħud ragħajja u
mgħallmin. Hekk jitrawmu l-qaddisin għax-xogħol tal-ħidma tagħhom għall-bini
tal-Ġisem ta’ Kristu, sakemm aħna lkoll naslu biex insiru ħaġa waħda fil-fidi u
fl-għarfien tal-Iben ta’ Alla; insiru raġel magħmul, fl-aħjar ta’ żmienu. U
hekk isseħħ il-milja ta’ Kristu.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mt 28:19a,20b
Hallelujah.
R/. Hallelujah.
Morru agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, jgħid il-Mulej.
Jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien.
R/. Hallelujah.
EVANĠELJU
Il-Mulej Ġesù kien imtella’ s-sema u qagħad in-naħa tal-lemin ta’ Alla.
Mk 16:15-20
Qari
mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak
iż-żmien, Ġesù wera ruħu lill-Ħdax u qalilhom: “Morru fid-dinja kollha, xandru
l-Evanġelju lill-ħolqien kollu. Min jemmen u jitgħammed, isalva; iżda min ma
jemminx, ikun ikkundannat. U dawn huma s-sinjali li jsieħbu lil dawk li jemmnu:
f’ismi jkeċċu x-xjaten, jitkellmu b’ilsna ġodda, jaqbdu s-sriep b’idejhom, u
jekk jixorbu xi xorb li jġib il-mewt ma jagħmlilhomx ħsara; iqiegħdu jdejhom
fuq il-morda u dawn ifiqu”.
U hekk il-Mulej Ġesù, wara li kellimhom,
kien imtella’ fis-sema u qagħad in-naħa tal-lemin ta’ Alla. Huma mbagħad marru
jipprietkaw kullimkien; il-Mulej kien jaħdem magħhom u jwettaq il-kelma
bil-mirakli li kienu jsiru magħha.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.
|