Din
hija il-Liturgija tal-Hadd wara Ghid il-Hamsin ( It-Trinita Mqaddsa ) (2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Wara l-esperjenza tal-Pentekostè, il-Knisja, li hi aħna, tgħix b’sens ta’
qima u stagħġib reliġjuż, il-Misteru tat-Trinità Qaddisa. Alla huwa Wieħed imma fl-istess ħin huwa
Komunità. Għax jekk Alla hu Mħabba, din
l-Imħabba ma tiflaħx tkun waħedha.
Għalhekk waqt li Alla hu Wieħed, hu wkoll Komunità ta’ Mħabba. Wieħed magħmul minn tliet Persuni li jinħabbu
u magħqudin f’Imħabba Waħda.
Issa dan hu misteru li nkunu prużuntusi jekk nippretendu li naslu biex nifhmuh. Hi l-manija tal-era supperva ta’ żmienna li
l-bniedem irid jifhem kollox. Jekk int
tifhem lil Alla, dan x’Alla hu? Aħna
rridu ngħaġnu “Alla” f’sura tagħna, inniżluH għal-livell ta’ moħħna. Li tant għandna bżonn aħna mhux li nifhmu lil
Alla iżda li jkollna “laqgħa” miegħu ikollna esperjenza tiegħu, ikollna
x’nirrakkontaw fuqu minn ħajjitna stess.
Il-verità hi li aħna ħlejjaq imsejkna li lanqas biss m’għandna l-ħila
noħorġu miċ-ċirku ta’ egoiżmu li jdur madwar kull individwu, kull raħal u belt,
kull partit u nazzjon. Il-bniedem
irid jammetti, anke jekk mexa tant ’il
quddiem fix-xjenza u t-teknoloġija u anke fil-mediċina, li f’dak li hu tant
importanti, bħar-relazzjoni ta’ bejnietna, il-paċi fid-dinja, il-ftehim ta’
bejn l-aħwa... bqajna qisna l-annimali tal-ġungla fejn min hu b’saħħtu jħawwel
u fejn tiddomina il-“food chain” fejn
wieħed jiekol lil min hu iżgħar minnu biex hu jispiċċa mikul minn dak li hu
akbar minnu.
Fuq kollox il-bniedem huwa ddominat mir-rejaltà tal-Mewt li tistenna lil
kulħadd u lil kollox fuq din il-pjaneta.
Dak kollu li naħsbu u nagħmlu, jgħidu l-psikoloġisti, huwa kkundizzjonat
minn din ir-rejaltà. U xorta, dan il-bniedem,
għax inrenxxielu jagħmel karozza u ajruplan u niżel jimxi fuq pjaneta oħra,
jippretendi li dak li ma jifhmix moħħu ma jeżistix.
Inutli nitkellmu fuq it-Trinità bħala suġġett li nippruvaw nifhmuh. Alla huwa Ġrajja, huwa Storja huwa
Esperjenza. Alla hu tant umli li jinżel
juri ruħu lil-bniedem ċkejken li lanqas jaċċetta lilu nnifsu, imma Alla jirrispettah
tant li jurih Hu min hu fl-Istorja li jgħaddih minnha. Alla hu Mħabba u kull Storja ta’ bniedem,
anke jekk tgħaddi minn widien ta’ dell il-mewt, fl-aħħar mill-aħħar tipproklama
din l-Imħabba li Alla għandu għal kull wieħed minna. Il-Missier li hu Mħabba, ħalaq kollox
bil-Kelma ħallieqa tiegħu u din il-Kelma, li hi Ibnu, Hu bagħatha fid-dinja
biex tidħol f’qalb il-bnedmin u ssir Ħuġġieġa Nar fihom, u dan in-Nar hu
l-Ispirtu s-Santu. Kristu nnifsu
bl-aħħar Kelmiet tiegħu fuq l-art għamar lil dawk li emmnu fih biex jixterrdu
mad-dinja kollha u jgħammdu lil dawk li jemmnu fiH, “fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.” (Mt 28, 19). Huwa Kristu li,
fuq kollox, wera Alla min hu.
Issa,
jekk il-Misteru ta’ Alla Trinità hu mmensament ogħla minn fejn nistgħu nilħqu
aħna b’moħħna, hemm Misteri oħra li Alla jixtieq jirrivelalna bil-Persuna
umana-divina ta’ Ibnu u bid-Dawl tal-Ispirtu s-Santu. Misteru li Alla jixtieq jurina hu ċertament
il-Misteru tas-Salvazzjoni tagħna, jgħid San Pawl. Għidna li Alla juri ruħu fi Ġrajja, fi
Storja, f’dak li ngħaddu minnu aħna fuq livell intimu u personali. Jekk tistaqsi lil Abraham għaliex jemmen
f’Alla, hu ma jistax isemmi l-katekiżmu, jew xi tagħlim profond fuqU. Kulma jagħmel hu li jsejjaħ lejh lil tifel
jismu Iżakk u jgħidilna li dak kien ibnu.
Imma jgħidlna wkoll li martu ma setax ikollha tfal u meta anke hu kien
xjaħ ħafna (75
sena) u issa anke hu ma setax ikollu tfal, kellu l-ewwel esperjenza ta’ Alla li
hu ma kienx jaf biH. Alla poġġielu
ċertezza f’qalbu li hu ma kienx se jmut qabel ma jgħannaq miegħu lil ibnu. Għadda ħafna żmien, imma Abraham baqa’
jittama kontra kull tama li Dak li kien
għamillu l-Wegħda kien aqwa minn kull setgħa fid-dinja. Ta’ mitt sena lil Abraham tawh it-tarbija
tiegħu f’idejh! Miraklu! Ħaġa mpossibbli! Kemm kienu waqqgħuh għaċ-ċajt. Anke martu Sara kienet tibda tidħaq.
Abraham sar jaf xi jfisser tgħix “Jum il-Mulej”. Għalhekk hu emmen f’Alla Wieħed għax
esperjenzjaH. Ħadd ma għallmu. Kien Alla li żera’ l-Fidi fih. L-istess ġralu Iżrael bħala poplu. Kien sema’
b’Alla ta’ missirijietu, imma s-sekli ta’ jasar f’art barranija (l-Eġittu)
nessewh kollox. Kienet esperjenza qarsa
li matulha Alla kien sieket, donnu għeb.
Issa jekk tistaqsi lil Iżrael għaliex jemmen f’Alla, min għallmu, hu
jgħidlek: “Jien kont ilsir fl-Eġittu. Ma
kelli l-ebda tama li negħleb lil min kien qed ijassarni u jġagħalni naħdem minn
dlam sa dlam. Jien rajt lil missieri fi
xjuħitu jmut ġot-tajn meta ma felaħx iktar u jien kont qed nistenna li lili
jiġrili l-istess. Imma darba deher
profeta fostna li wegħedna li Alla kien se joħroġna ’l barra minn dak l-infern. Ftit emmnuh, imma mbagħad bdew jiġri ġrajjiet
misterjużi, flaġelli fuq l-għedewwa tagħna, sinjali li xi ħaġa kbira kienet
qegħda tinħema favur tagħna.
L-Eġizzjani keċċewna għax bdew jibżgħu minna! U meta reġa bdielhom u aħna ġejna bejn
il-basla u qoxritha, Alla fetħilna triq quddiemna fil-baħar. Rajna l-baħar jinferaq! Kulħadd tbellaħ! Inżilna f’qiegħ il-baħar, mexjin fuq ir-ramel
u tlajna n-naħa l-oħra. Ħarisna lura u
rajna l-baħar jerġa’ jinagħlaq fuq l-għedewwa biż-żwiemel u l-karrijiet
tagħhom! Għalhekk nemmen f’Alla jien,
għax rajt ħwejjeġ li jien nibqa’ nirrakkontahom lil uliedi u huma
jirrakkontawhom lil uliedhom sal-aħħar taż-żmien. Anke int, jista’ jinfetaħ “il-baħar”
quddiemek f’xi waqt tal-Istorja u fik titwieled Fidi li ħadd ma jkun jista’
jisraqhielek.
U jekk nistaqsu lil Sawlu ta’ Tarsu?
Min għallmu fuq Ġesù ta’ Nazaret?
Hu kien jobgħod lis-“setta” tad-dixxipli tiegħu. Hu kien sema kif l-anzjani u l-iskribi
tal-poplu tiegħu li hu kien tant jammira u jħobb kienu ddikkjaraw lir-Rabbi ta’
Nazaret bħala wieħed eretiku u neħħewh min-nofs. Għalih dan kien biżżejjed biex jobgħod lil
dawk li kienu baqgħu jemmnu fiH. X’ma
għamlilhomx? Meta kien fl-eqqel
tal-qilla tiegħu ħa sehem fil-qtil ta’ Stiefnu, u ftit wara tela’ lejn Damasku
imkaxkar mix-xjaten tal-ġudizzji u l-mibegħda.
Kien fl-eqqel tal-jasar tad-dnub li ltaqa’ ma’ Kristu! F’leħħa ta’ berqa Kristu keċċa x-xjaten
kollha li kienu ġennewh u hu ra b’għajnejh, iva ra b’għajnejh li Dak li kien
sallbu u difnu, kien għadu ħaj u kien tassew l-Iben ta Alla!
Kemm jirrakkontaha din l-Istorja Pawlu!
Quddiem rejiet; quddiem folol irrabbjati għalih; fl-ittri tiegħu lil
dawk li kienu emmnuh... Ġrajja, Storja,
Esperjenza! Anke magħna, l-Mulej jixtieq
jurina bl-esperjenza li hu huwa Mħabba, sakemm naslu li bħal Ġuljana ta’
Norwich ngħidu: “Ma ninkwetax u ma nibża’ minn xejn għax kollox se jispiċċa
tajjeb. Kollox. Għax Alla hu Mħabba!”
Id-dinja ma tistax tifhem lil dawk li tassew jemmnu fl-Alla ta’ Ġesù
Kristu. Ma tistax! Ma tistax tifhem l-esperjenza tagħhom! Ma tistax timmaġina li f’qalb minn jemmen
jgħammar l-Ispirtu s-Santu, l-Ispirtu ta’ Alla, l-Ispirtu ta’ Ġesù li rebaħ
il-Mewt! “Intom ma rċevejtux l-ispirtu tal-jasar biex terġgħu taqgħu fil-biża’,
imma rċevejtu l-Ispirtu ta’ adozzjoni ta’ wlied Alla, li bih aħna ngħajtu:
“Abba! Missier!” Dan l-Ispirtu jixhed
flimkien mal-ispirtu tagħna, li aħna wlied Alla.” (Rum. 8, 15-16). Kemm imieru l-Fidi; kemm jattakkawha; kemm iġibu
raġunamenti! Kollu ta’ xejn. Alla jeżisti u Hu jaħdem fin-nies u l-Fidi li
Hu jiżra ma tmut qatt. Għax kif qal Ġesù
fl-Evanġelju tal-lum: “U ara, jiena
magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien.”
(Mt. 28, 20).
Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:
QARI I
Il-Mulej hu tassew Alla kemm fil-għoli tas-sema kif ukoll hawn isfel fl-art, u
m’hawnx ieħor għajru.
Dewt 4:32-34,39-40
Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju
Mosè kellem lill-poplu u qal: “Staqsi
liż-żminijiet tal-imgħoddi, iż-żminijiet ta’ qabel, sa minn mindu Alla ħalaq
il-bniedem fuq l-art, fittex minn tarf għall-ieħor tas-sema, u ara kienx hemm
ġrajja hekk kbira bħal din, jew qattx instemgħet oħra bħalha. Qatt kien hemm
poplu li sama’ leħen Alla jitkellem minn ġon-nar – bħalma smajt int – u baqa’
ħaj?
Jew qatt xi alla fittex li jagħżel għalih
poplu minn fost poplu ieħor b’tiġrib, b’sinjali, b’għeġubijiet, b’taqbid, b’id
qawwija u bi driegħ merfugħ, b’għemejjel kbar tal-biża’, bħalma għamel għalik
quddiem għajnejk fl-Eġittu l-Mulej, Alla tiegħek?
Mela, kun af illum, u żommha f’moħħok, li
l-Mulej hu tassew Alla, kemm fl-għoli tas-sema kemm hawn isfel fuq l-art, u li
ma hawnx ieħor għajru. Ħares, għalhekk, l-ordnijiet u l-kmandamenti tiegħu li
se nagħtik illum biex ikollok riżq, int u wliedek warajk, ħalli tgħix żmien
twil fuq l-art li l-Mulej, Alla tiegħek, se jagħtik għal dejjem”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM
RESPONSORJALI
Salm 32(33):4-5,6,9,18-19,20,22
R/. (12b): Hieni l-poplu li l-Mulej għażel
b’wirtu.
Sewwa hi l-kelma tal-Mulej,
kollox bil-fedeltà huwa għamel.
Hu jħobb id-dritt u
s-sewwa;
bit-tjieba tal-Mulej mimlija l-art. R/.
Bil-kelma
tal-Mulej saru s-smewwiet,
u b’nifs fommu t-tiżjin kollu tagħhom.
Għax hu tkellem, u kollox sar;
hu ordna, u kollox seħħ. R/.
Ara,
għajnejn il-Mulej fuq dawk li jibżgħu minnu,
fuq dawk li jittamaw fit-tjieba tiegħu,
biex jeħilsilhom mill-mewt ħajjithom,
u jaħjihom fi żmien il-ġuħ. R/.
Ruħna
tixxennaq għall-Mulej,
hu l-għajnuna u t-tarka tagħna.
Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna,
kif fik hi t-tama tagħna. R/.
QARI II
Irċevejtu l-Ispirtu tal-adozzjoni ta’ wlied Alla.
Rum 8:14-17
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu
lir-Rumani
Ħuti, dawk kollha li jmexxihom l-Ispirtu
ta’ Alla huma wlied Alla. Għax intom ma rċevejtux l-ispirtu li jwassalkom
għall-jasar biex terġgħu taqgħu fil-biża’, imma rċevejtu l-Ispirtu li jagħmel
minnkom ulied adottivi; u li bih aħna nistgħu ngħajtu: “Abbà! Missier!”. Dan
l-Ispirtu jixhed flimkien mal-ispirtu tagħna li aħna wlied Alla. Jekk aħna
wlied, aħna wkoll werrieta, werrieta ta’ Alla, werrieta ma’ Kristu: ladarba
aħna nbatu miegħu, biex miegħu nkunu gglorifikati.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
AKKLAMAZZJONI
QABEL L-EVANĠELJU
ara Apok 1:8
Hallelujah. R/. Hallelujah.
Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu,
lil Alla li hu, u li kien u li għad irid jiġi.
R/. Hallelujah.
EVANĠELJU
Għallmu u għammdu fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Mt 28:16-20
Għeluq
tal-Evanġelju skont San Mattew
F’dak
iż-żmien, il-ħdax-il dixxiplu telqu lejn il-Galilija u marru fuq il-muntanja
fejn kien ordnalhom Ġesù. Kif rawh, inxteħtu quddiemu, għalkemm xi wħud
iddubitaw. Ġesù resaq ikellimhom u qalilhom: “Lili ngħatat kull setgħa fis-sema
u fl-art. Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem
tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom
jien. U ara, jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien”.
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.
|