Din
hija il-Liturgija tal -Hdax il-Hadd matul is-Sena (2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Hemm proċess qaddis, il-ħin kollu għaddej, ta’ xogħol il-Mulej biex isalva u jqaddes il-ħolqien kollu. Kulma għandu x’jaqsam ma’ Alla, (fil-fond:
kollox), jinsab fi proċess; qatt mhu wieqaf.
Anzi, malli xi ħaġa tieqaf milli timxi ’l quddiem fil-Pjan li Alla
għandu, tmut. Jiġrilha bħal ilma qiegħed
ġo għadira li la hemm dħul ta’ ilma ġdid u frisk fiha, u lanqas ħruġ. Kollox wieqaf, ilma qiegħed li malli ċċaqalqu
ftit, minnu toħroġ intiena kbira, riħa ta’ Mewt! Jew ’il quddiem minn Ħajja għal Ħajja ikbar,
jew tistagħġna u tmut.
Dan jgħodd ħafna għall-Knisja, imma jgħodd ukoll
għalija u għalik, għax il-Knisja hija l-ġabra, il-Ġemgħa ta’ ħafna nies bħali u
bħalek. Kristu ġie fid-dinja biex
irivelalna, wriena min hu l-Missier. Hu
wrihulna bil-kliem imma fuq kollox bil-fatt tal-Misteru tal-Għid li l-Iben
għex. Aħna ġejna murija li Alla hu dak
li jbati u jmut biex ipatti għal dnubietna u hekk iħassar id-dejn kollu, kollu
li nakkumulaw maż-żmien. Hu li ma setax
ibati jew imut, libes ġisem bħal tagħna biex ikun jista’ jbati għalija u
għalik. Għax id-dnub jitlob il-kundanna,
u din il-kundanna frankaha għal kull midneb billi ħadha Hu fuqU. Din hi l-Aħbar tal-Kristjaneżmu.
Dan, il-Knisja temmen fih b’qalbha kollha, u
xandritu f’kull ġenerazzjoni matul elfejn sena.
Imma hi mhix wieqfa fl-għarfien ta’ min hu Alla. Għax għalkemm kollox ġie rrivelat dwar Alla,
li nistgħu nifhmu, u dan kollu jinsab fl-Iskrittura u t-Tradizzjoni tal-Knisja,
xorta waħda il-Knisja tibqa’ timmatura, tibqa’ miexja ’l quddiem fl-għarfien,
fil-fehma ta’ dak li ġa nagħta lilha.
Qatt mhi wieqfa l-Knisja fl-għarfien tal-Misteru ta’ Kristu, li tant hu
kbir, sabiħ, bħal Teżor mirdum u li iktar kemm tħaffer dejjem issib il-ġdid
fih. Dan jirnexxilha tagħmlu għax fiha
jgħammar l-Ispirtu s-Santu, li jġeddidha skont iż-żmien li tkun għaddejja
minnu. Dejjem ġdida. Dejjem żagħżugħa. Hija d-dinja pagana li tixjieh madwarha!
Kellu raġun il-Mulej Ġesù jqabbel il-Knisja tiegħu
ma żerriegħa ċkejkna li Hu żera’ b’tant tbatija bil-Passjoni, l-Mewt u
l-Qawmien mill-Mewt, u bil-bidla totali tal-Pentekoste kkaġunata mill-invażjoni
tal-Ispirtu tiegħu f’dawk l-ewwel nies li kienu emmnu fiH. Kemm ċkejkna kienet din iż-żerriegħa, li
għall-ewwel ħadd ma ta kasha! Ħafna
kienu ċerti li hekk kif niżlu lir-Rabbi ta’ Nazaret minn fuq is-salib u għalqu
l-fetħa ta’ qabru, kollox kien spiċċa.
Imma minn din iż-żerriegħa midfuna fis-skiet tal-ħamrija, nibtet xitla
żgħira li malajr ir-riħ tal-persekuzzjoni għamel għaliha. Imma l-Mulej kien magħha, kenninha, saqqiha,
għamlilha l-ilquh, u kibret u saret siġra li ħadd ma seta’ jżommha milli tikber
dejjem aktar, sakemm kull xorta ta’ għasafar, (aħna!), ġew jibnu bejthom fiha u
għammru fil-friegħi sbieħ tagħha.
Dan il-proċess ta’ bidla kontinwa nistgħu inqabbluh
ukoll mal-Magħmudija tagħna, mal-għarfien tagħna ta’ Kristu u ta’ dak li Hu
għamel għalina. Meta rċivejna
l-Magħmudija kien hemm il-ġenituri u l-parrini jirrappreżentawna u tkellmu
flokna. Dak in-nhar inżergħet żerriegħa,
jew lewża ċkejkna, fina. Seħħ Rit li
f’għajnejn minn kien preżenti aktarx li ftit li xejn kien ifisser, imma li
fil-fatt kienet ġrat xi ħaġa kbira mmens.
Fina nżergħet, jew ġiet imlaqqma, kapaċità ta’ Fidi, ta’ Ħajja Nisranija
ta’ veru, saħansitra Rebħa fuq il-Mewt li taħsad kull bniedem. Ġo din il-lewża żgħira tal-Magħmudija
lit-tarbija, kien hemm id-DNA ta’ Mħabba enormi għall-“ieħor” anke meta
l-“ieħor” huwa l-għadu! Dawn
l-għeġubijiet rebaħhom għal kull wieħed minna Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla,
bil-merti tiegħU.
Imma dan kollu jrid jikber!! Allaħares jibqa’ lewża hemm midfuna bla ma
tinqasam taħt il-ħamrija u minnha jitnibbet għerq ħaj! F’ħafna, dan hu li jiġri. Hemm kant antik li jgħid li l-Anġli ta’ Alla
jibku meta jaraw il-Pjan meraviljuż ta’ Alla għal tant nies jintilef. Jew proċess, moviment, avanz ’il quddiem, jew
kollox imut. Proċess ta’ qdusija! Mhux bis-saħħa tagħna imma b’tiegħU. Kif hu stess jgħid fil-Vanġelu tal-lum: “Rieqed jew imqajjem (il-bidwi), bil-lejl
jew bin-nhar, iż-żerriegħa tinbet u tikber, bla ma jaf kif. L-art trodd minnha nnifisha l-ewwel il-barma, imbagħad is-sbula, imbagħad
il-qamħ mimli fis-sbula.” (Mk. 4,
27-28). Mhux il-bidwi li
jkabbar, imma l-pjanta tikber minnha nnifisha bl-enerġija ta’ Alla.
L-istess
il-Magħmudija. Ma nsitgħux nikbru
fiżikament u nsiru rġiel u nisa b’saħħitna, waqt li nibqgħu vavi fit-twemmin,
nixxenglu ma’ kull riħ ta’ nkwiet u prova.
Kemm drabi ma konniex xhieda vera ta’ Kristu rebbieħ fuq il-Mewt! Kuraġġ!
Illum nistgħu nibdew nikbru! Kbir
hu s-Sabar Qaddis ta’ Kristu! F’daqqa
waħda jista’ jseħħ fina dak li ma seħħx f’tant snin. Il-ħalliel ħaġa waħda kien għad baqagħlu
jisraq: il-Ġenna, u seraqha wkoll għax dar b’qalb sinċiera lejn Kristu batut
maġenbu.
Il-Liturġija
tal-Kelma għal-lum:
QARI I
Siġra żgħira nkabbarha.
Eżek 17:22-24
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel
Dan jgħid Sidi l-Mulej:
“Jien naqta’ mill-quċċata taċ-ċedru l-għoli,
minn tarf il-friegħi l-għolja, rimja żgħira,
u nxettilha fuq il-muntanja għolja u kbira;
fuq il-muntanja l-għolja ta’ Iżrael inxettilha.
U hi toħroġ il-friegħi, u tagħmel il-frott,
u ssir siġra sabiħa taċ-ċedru.
U taħtha jistkenn kull tajr tal-ġwienaħ,
jistkennu għad-dell tal-friegħi tagħha.
U jagħrfu s-siġar kollha tar-raba’
li jien il-Mulej,
li siġra għolja nċekkinha, u siġra żgħira nkabbarha;
innixxef is-siġra l-ħadra, u n-niexfa bil-weraq inħaddarha.
Jien, il-Mulej, tkellimt, u li għedt nagħmlu”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM
RESPONSORJALI
Salm 91(92):2-3,13-14,15-16
R/. (2a): Tajjeb li nfaħħru l-Mulej.
Tajjeb li nfaħħru l-Mulej,
li ngħannu lil ismek, inti l-Għoli,
inxandru filgħodu t-tjieba tiegħek,
u billejl il-fedeltà tiegħek. R/.
Il-bniedem ġust bħall-palma jħaddar,
bħal ċedru tal-Libanu jikber.
Imħawlin f’dar il-Mulej,
iħaddru fil-btieħi tat-tempju ta’ Alla tagħna. R/.
Sa fi xjuħithom il-frott jagħmlu,
kollhom ħajja u ħdura,
biex ixandru li ġust hu l-Mulej, blata tiegħi,
u ebda qerq ma jinsab fih. R/.
QARI II
Infittxu li nogħġbu lill-Mulej, sew jekk nibqgħu hawn, sew jekk noħorġu minn
dan il-ġisem.
2 Kor 5:6-10
Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu
lill-Korintin
Ħuti, aħna dejjem qalbna qawwija u nafu li
sakemm indumu mlibbsa b’dan il-ġisem, nibqgħu ’l bogħod mill-Mulej – għax aħna
ngħixu bil-fidi u mhux bil-viżjoni. Aħna qalbna qawwija u persważi li aħjar
noħorġu minn dan il-ġisem u mmorru noqogħdu għand il-Mulej.
Għalhekk fuq kollox aħna nfittxu li nogħġbu
lilu, sew jekk nibqgħu hawn, sew jekk noħorġu minn dan il-ġisem. Jeħtieġ li
lkoll kemm aħna nidhru quddiem it-tribunal ta’ Kristu, ħalli kulħadd jieħu
skont it-tajjeb jew il-ħażin li jkun għamel meta kien għadu ħaj fil-ġisem.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
AKKLAMAZZJONI
QABEL L-EVANĠELJU
Hallelujah. R/. Hallelujah.
Iż-żerriegħa hi l-kelma ta’ Alla,
min jiżragħha hu Kristu;
min isib lilu jgħix għal dejjem.
R/. Hallelujah.
EVANĠELJU
Hi l-iċken fost iż-żrieragħ kollha, imma ssir l-akbar waħda fost il-ħxejjex
kollha.
Mk 4:26-34
Qari
mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak
iż-żmien, Ġesù qal lill-kotra tan-nies: “Is-Saltna ta’ Alla hi bħal meta raġel
ikun xeħet iż-żerriegħa fl-art. Rieqed jew imqajjem, billejl jew binhar,
iż-żerriegħa tinbet u tikber, bla ma jaf kif. L-art trodd minnha nfisha l-ewwel
il-barma, imbagħad is-sbula, imbagħad il-qamħ mimli fis-sbula. U meta l-frott
isir, malajr il-bidwi jmidd idu għall-minġel, għax ikun wasal żmien il-ħsad”.
U qal: “Ma’ xiex sejrin inqabbluha s-Saltna
ta’ Alla, jew b’liema parabbola nfissruha? Qisha żerriegħa tal-mustarda; din
meta tinżara’ fil-ħamrija, hi l-iċken fost iż-żrieragħ kollha fuq l-art; imma
wara li tinżara’ tikber u ssir l-akbar waħda fost il-ħxejjex kollha, u toħroġ
friegħi wesgħin, hekk li l-għasafar tal-ajru jkunu jistgħu jistkennu għad-dell
tagħha”.
B’ħafna parabboli bħal dawn kien
ixandrilhom il-kelma, kif kienu jistgħu jifhmuha huma, u mingħajr xi parabbola
ma kienx ikellimhom; imma lid-dixxipli tiegħu, meta kien ikun waħdu magħhom,
kien ifissrilhom kollox.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.
|