Din
hija il-Liturgija tat-Tnax il-Hadd matul is-Sena (2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Il-Ħajja hi rigal enormi. Hi
misteru. Qatt ma nistgħu rroddu ħajr lil
Sid il-Ħajja biżżejjed. Qatt staqsejt lilek
innifsek “Dan kif ġejt jien hawn u mhux ħaddieħor floki?” Hi mistoqsija misterjuża. Ħafna ma jistaqsuha qatt għax jieħdu kollox “for granted”. Imma, fl-istess ħin, il-Ħajja kapaċi
twebbes qalb il-bniedem; kapaċi tferieh.
Ħafna jibqgħu iġorru feriti f’qalbhom sal-qabar. Il-psikoloġija tgħidilna, u din hi verità, li
l-bniedem hu kkundizzjonat, fl-għemejjel tiegħu u fid-deċiżjonijiet li jieħu,
minn dak li jgħaddi minnu, speċjalment fl-ewwel żmien ta’ ħajtu meta hu jkun
bħal karta xuga li tixrob kollox.
Il-Ħajja fiha ħafna bnazzi, imma fiha l-maltemp ukoll.
Huwa fil-maltemp li Alla jiġi jiltaqa’ magħna! Jew, huwa fil-maltemp li aħna nindunaw b’Alla
li jgħaddi minn quddiemna, għax fil-bnazzi kulħadd hu aljenat u mifxul. Il-Kelma tal-lum tiffoka fuq il-Preżenza
(bil-Lhudi x-‘Xekinah’) ta’ Alla waqt
il-maltemp tal-Ħajja. Ħafna drabi huwa
Hu li jdaħħalna fit-tiġrib, fil-periklu, f’qagħda mpossibbli biex jgħallimna
nemmnu. Għax il-Fidi, almenu l-Fidi
Bibblika, il-Fidi skont il-Bibbja, ma
timbenhiex fuq xi studju tat-teoloġija għall-kwiet ta’ kamartek bla Salib
jagħfas fuq spallejk. Tista taqra
munzell kotba, u tieħu ‘full marks’
fl-istudju tiegħek, imma huwa l-maltemp tal-Ħajja li jikxef jekk għandekx Fidi
vera jew le. Bħalma kien jgħid Qaddis
Malti li kulħadd jafu: “Fil-prova kollox!”
Lil Abraham Alla poġġieh fl-irwiefen tan-nonsens
tal-Ħajja. Fuq kulħadd jiġi mument, jew
mumenti, li fihom ma tibqa’ tara sens f’xejn.
Dak li qabel kien jogħġbok isir vojt.
Ma tafx x’se tagħmel bil-ħin tal-ġurnata. Kif kien jgħid Ġob: “Jekk nimtedd, ngħid: ‘Meta se nqum?’ u meta nqum, ngħid:
‘Meta se jidlam?’ (Ġob 7, 4). Abraham
kellu din id-dippressjoni għax ma setax ikollu tfal. Kien żmien ieħor meta din il-ħaġa kienet
orrur iktar mil-lum. Abraham “ra” lil
Alla meta tawh lil ibnu f’idejh, għadu kif jitwieled. Il-Fidi tfisser “tara” dak li ma jidhirx
bl-għajnejn tal-ġisem. Kienet l-Istorja
li lil Abraham għalmitu jemmen f’Alla wieħed.
Lil
Iżrael Alla ried jgħallmu jemmen b’Fidi tal-għaġeb f’nofs dinja li ma kinitx
temmen. X’għamel? Ħa lil Iżrael lejn il-jasar tal-Eġittu. Tempesta li damet erba’ sekli! Ħarġu minn hemm imma mhux qabel ma poġġieħ
b’dahru mal-ħajt... Quddiemu l-baħar; warajh il-karrijiet tal-Fargħun resqin! Fejn hu Alla?
Iżrael għadu sal-lum jgħid li hu jemmen f’Alla għax “raH” fil-qiegħ
tal-Baħar l-Aħmar.
Il-Liturġija
tal-Kelma tal-lum titkellem fuq Ġob. Xi
ftit jew wisq kulħadd jaf bl-Istorja ta’ dan l-imsejken. Għandna espressjoni li tgħid: “il-paċenzja
ta’ Ġob”. Mhux għax ma tilifhiex
ukoll! Imma kellu għaliex... Hu gerger.
Hu tqabad ma’ dak Alla li kien biss sema’ dwarU imma ma kellux
esperjenza tiegħU. Hu seħet il-jum li
fih twieled. Imma fit-tempesta ta’
Ħajtu, Alla ġie jkellmu u Ġob induna li l-Mulej huwa Sid il-mewġ u l-ħalel u
jagħmlilhom fruntiera sa fejn jistgħu jersqu lejna, sinjal li lil hemm minnu
t-tbatija ma tistax tattakkana. Ġob
spiċċa biex qal: “Fuqek jien b’widnejja
smajt; imma issa b’għajnejja rajtek.
Għalhekk inċedi u nindem fit-trab u l-irmied.” (Ġob 42, 5-6).
L-Appostli
bdew jindunaw li Ġesù ma kienx biss sempliċi Profeta qawwi, imma xi ħaġa ħafna
iktar minn hekk meta Hu daħħalhom fit-tempesta fuq l-Għadira tal-Galilija. Għax għalina tiġi ħafifa l-mistoqsija:
“Għaliex it-tbatija?” “Jekk Alla hu
Mħabba u Missier, għaliex jippermetti t-tbatija, il-mard, l-uġigħ,
l-inġustizzji, l-ħażen?” “Għaliex??”
hija l-għajta li toħroġ mill-fond ta’ qalb il-bniedem u tidwi sas-sema. L-Appostli irritaw ruħhom jaraw lil Kristu
rieqed u qalulu: “Mgħallem, dan qisu mhu
xejn għalik li aħna se nintilfu?” (Mk.
4, 38). Ekku n-nonsens tat-tbatija
f’moħħ il-bniedem. Imma mbagħad spiċċaw
jgħidu: “Dan min hu, mela, biex
saħansitra r-riħ u l-baħar jisimgħu minnu?”
(Mk. 4, 41).
Għalhekk,
Alla jinqeda bl-Istorja biex jgħallimna nemmnu, biex jgħaddina minn Fidi għal
Fidi akbar. Hija l-Fidi li tinfed
il-misteru tat-tbatija. Mingħajr il-Fidi
fi Storja li tinfirex lil hinn mill-Mewt mirbuħa, il-Ħajja hi tassew
traġika. Is-Salib, il-maltemp, jew
narawhom bħala saħta, jew il-mezz li bih niltaqgħu ma’ Alla li
jissorprendina. Abraham, Iżrael, Ġob,
l-Appostli... u tant u tant oħrajn, meta staqsewhom għaliex jemmnu f’Alla,
ilkoll irrakkontaw l-esperjenza ta’ Ħajjithom, u mhemm xejn iktar veru minn dan.
Fid-Dawl
ta’ Kristu mqajjem mill-Mewt, it-tbatija tibqa’ tbatija, imma
x’differenza! Kristu ma jneħħix
it-tbatija mid-dinja imma jagħtiha sens u dan jifhmu biss min iġarrbu. Hu ferm diffiċli titkellem jew tikteb fuq dan
għax dan kollu hu esperjenza pura.
Il-bniedem irid ikollu l-esperjenza ta’ Twelid Ġdid biex jibda “jara”
dak li l-‘ġisem’ ma jistax jara. San
Pawl kien jaf x’inhu jgħid meta qal: “Meta
wieħed jingħaqad ma’ Kristu, isir ħolqien ġdid: il-qadim għadda, biex daħal
il-ġdid floku.” (2 Kor. 5, 17). Dan hu miraklu kbir immens li Alla
qiegħed iwiegħed li jagħmlu f’Ħajjitna.
Ninżgħu in-natura egoista li biha twelidna, in-natura mwerwra
mit-tbatija, u nilbsu lil Kristu nnifsu!
Nilbsu n-natura tiegħu li tissupera l-baħar imqalleb, xbiha tal-Mewt.
Kif
jista’ jkun dan?! Iva, għax dan mhux
xogħol tagħna, imma Grazzja li Hu qed iwegħedna. Dan hu xogħol Alla. Hu biss kapaċi mid-dlam joħroġ id-Dawl,
mill-Mewt jislet il-Ħajja, min-nuqqas ta’ Fidi jsawwar Fidi matura mibnija fuq
laqgħa miegħU. Allura l-Istorja tiegħek,
l-Ħajja innifisha, jsiru “Għid”, Mogħdija tal-Mulej li jkaxkarna miegħu minn
dak li hu qadim u antik għal esperjenza ġdida, dehra ġdida tal-Misteru tiegħU.
Il-Liturġija
tal-Kelma tal-lum:
QARI I
Ma taqbiżx minn hawn il-qawwa tal-mewġ tiegħek.
Ġob 38:1,8-11
Qari mill-Ktieb ta’ Ġob
Il-Mulej wieġeb lil Ġob minn ġot-tempesta u
qallu:
“Min kien dak li għalaq il-baħar b’bibien,
meta dan b’qawwa ħareġ mill-ġuf,
meta bis-sħab libbistu,
u bid-dlam fisqejtu,
meta t-truf tiegħu qegħedtlu bħal xatbiet,
u bibien li bihom għalaqtu
u għedtlu: ‘Sa hawn biss tasal u mhux aktar,
ma taqbiżx minn hawn il-qawwa ta’ mwieġek’?”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM
RESPONSORJALI
Salm 106(107):23-24,25-26,28-29,30-31
R/.
(1b): Roddu ħajr lill-Mulej, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.
Dawk
li jbaħħru fuq l-iġfna,
li jinnegozjaw fuq l-ibħra bla tarf,
raw l-opri tal-Mulej
u l-għeġubijiet tiegħu f’qiegħ il-baħar. R/.
Hu
ordna u qajjem riefnu,
li qanqal imwieġ il-baħar.
Għolew sas-smewwiet u niżlu sa qiegħ il-baħar;
qalbhom bdiet tferfer bil-biża’. R/.
Għajtu
lill-Mulej fl-hemm tagħhom,
u mid-dwejjaq tagħhom ħelishom.
U bidel ir-riefnu f’żiffa,
u sikket mewġ il-baħar. R/.
Huma
ferħu għax ibbnazza;
u hu wassalhom sal-port li xtaqu.
Ħa jroddu ħajr lill-Mulej għal tjubitu,
għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin. R/.
QARI II
Il-qadim għadda, biex daħal il-ġdid floku.
2 Kor 5:14-17
Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu
lill-Korintin
Ħuti, l-imħabba ta’ Kristu ġġegħelna naħsbu
dan: li wieħed miet għal kulħadd, mela kulħadd miet. U miet għal kulħadd biex
dawk li jgħixu ma jgħixux għalihom infushom, imma għal dak li miet u rxoxta
għalihom.
Għalhekk aħna ma nagħrfu lil ħadd skont
il-ġisem. Jekk għarafna lil Kristu skont il-ġisem, issa ma nagħrfuhx aktar
hekk. Meta wieħed jingħaqad ma’ Kristu, isir ħolqien ġdid; il-qadim għadda u
daħal il-ġdid.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
AKKLAMAZZJONI
QABEL L-EVANĠELJU
Lq 7:16
Hallelujah. R/. Hallelujah.
Profeta kbir qam fostna,
U Alla żar il-poplu tiegħu.
R/. Hallelujah.
EVANĠELJU
Dan min hu, biex saħansitra r-riħ u l-baħar jisimgħu minnu?
Mk 4:35-41
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
Darba, filgħaxija, Ġesù qal lid-dixxipli
tiegħu: “Ejjew naqsmu għax-xatt l-ieħor”. Ħallew in-nies, u ħaduh magħhom kif
kien fid-dgħajsa; u marru miegħu dgħajjes oħra.
U qam riefnu kbir, u l-mewġ beda tiela’
għal ġod-dgħajsa, hekk li kienet ġa bdiet timtela bl-ilma. Hu kien fil-poppa,
rieqed fuq imħadda. Qajmuh u qalulu: “Mgħallem, dan qisu mhu xejn għalik li
aħna se nintilfu?”.
Imbagħad qam, ordna lir-riħ u qal
lill-baħar: “Iskot! Biżżejjed!”. U r-riħ waqaf u waqgħet kalma kbira. U
qalilhom: “Dal-biża’ kollu għaliex? Mela ma għandkomx fidi?”.
U
qabadhom biża’ kbir, u bdew jgħidu lil xulxin: “Dan min hu, mela, biex
saħansitra r-riħ u l-baħar jisimgħu minnu?”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.
|