Din
hija il-Liturgija tas-Sbatax il-Hadd matul is-Sena (2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Ta’ bnedmin li aħna, nimpressjonaw ruħna mix-xejxi, kemm dak materjali u
anke dak ‘reliġjuż’. Meta x-xejxi jkun
ta’ Alla, dan jista’ jgħinna nsibuH, tant li hemm min qal li s-Sbuħija ssalva
d-dinja u l-qalba tas-Sbuħija hi l-Wiċċ sofferenti ta’ Kristu fuq is-Salib. Allura l-qalba tas-Sbuħija hija
l-Imħabba. L-Imħabba hi l-akbar xejxi li
hawn, xejxi, sbuħija li tibqa’ mhux bħax-xejxi tal-murtal tal-kulur tal-festa
li jdawwal u jsebbaħ l-iswed tas-sema bil-lejl, imma għal waqt wieħed. Ix-xejxi tad-dinja hekk qisu: sbuħija li
tinbela’ mid-dlam sewdieni. Dan ngħiduh
u nibqgħu ngħiduh għax għandna l-esperjenza tiegħu. Sabiħa l-Ħajja! X’ġenerożità ta’ Alla! Imma aħna ġejna maħluqa għal ħwejjeġ akbar!
Hi ħasra li tant nies ma jiggustawx il-Ħajja. Tant tensjoni. Tant tħassib. Tant aljenazzjoni bix-xejxi li
jinganna għax jinbela’ mir-rejaltà li rridu mmorru lura għaliha. Il-bniedem hu bil-ġuħ! Il-progress, il-kumdità, l-ekonomija, ħajja
itwal (jgħidu), l-edukazzjoni, permessività, drittijiet ta’ kull tip... dan
kollu ħallew bniedem bil-ġuħ, u ma jafx għal xhiex. Hu jfittex li jaqta’ l-ġuħ tiegħu b’elf mitt
ħaġa, iżda meta għandu bżonn pranzu, donnu li qed jiekol ċiċra, għax qatt mhu
kuntent.
Il-Bibbja, fit-Testment il-Qadim, għandha dan il-Kliem: “Ara, għad jiġi żmien, oraklu ta’ Sidi l-Mulej, meta
nibgħat il-ġuħ fl-art; mhux il-ġuħ tal-ħobż, lanqas l-għatx għall-ilma, iżda
għas-smigħ tal-kelma tal-Mulej. Jibdew
iduru minn baħar għal ieħor, u jiġġerrew mit-Tramuntana għal-Lvant, ifittxu
l-kelma tal-Mulej, u ma jsibuhiex.”
(Għam. 8, 11-12). Din id-diżgrazzja
enormi, hija Grazzja fl-istess ħin. Għax
l-imġewħin skoprew minn fejn ġej il-ġuħ tagħhom! Almenu!
Imma llum, il-bniedem ma jridx jisma’, tilef is-smigħ. Jogħġbu l-istorbju tad-dinja li jnessih. Għalih Kristu hu karikatura tal-Kristu
veru. Hu bil-ġuħ imma m’għandux aptit
għal Kristu!
Iżda int
li qed taqra dawn il-versi, int għandek ġuħ għal Kristu għax kieku m’intix
titlef ħinek hawn. Int tittama li Kristu
hu s-soluzzjoni ta’ Ħajtek. Hieni int
jekk għandek ġuħ għal Kristu għax għad tiekol bix-xaba’! Oħrajn jistmerru dan l-ikel. Jiffungaw fuq ikel ieħor; jiffungaw u jerġgħu
jiffungaw għax dejjem imġewħa għall-Ħajja vera.
Kristu hu fqir għalihom; ikel fqir.
Fl-Ewwel Qari, il-qaddej tal-profeta wkoll ħass li l-ikel li l-profeta
kellu x’joffri kien fqir. “Kif nista’ nqassam dawn lil mitt
ruħ?” (2 Slat. 4, 43). Min m’għandux Fidi ma jemminx li Kristu
hu s-soluzzjoni. “Agħti lin-nies ħa jieklu; għax dan jgħid il-Mulej: ‘Mhux biss jieklu, imma
jifdal ukoll.’” (2 Slat. 4, 43).
Is-Smigħ
tal-Kelma ta’ Alla hu l-ikel tiegħu, l-ikel tal-Ħajja. Il-Kelma u l-Ewkaristija. Ma min idur lejH, Alla hu ġeneruż. Għajnejn
kulħadd iħarsu lejk, Mulej, u inti tagħtihom l-ikel f’waqtu. Int tiftaħ idek, u xxabba’ ’l kulħadd
bil-ġid. (S. 145, 15-16). Hekk jaħdem Alla: jimburġak bl-ikel tiegħU,
bil-ħlewwiet tiegħU, biex mhux biss tixba’ int, imma tqassam lil ħaddieħor
ukoll. Għax dan hu l-għan ta’ kull
konverżjoni li l-Mulej jaħdem fil-bniedem.
Jekk tikber fil-Fidi int, miegħek jikbru wkoll oħrajn. Kull wieħed minnha hu bħal għanqud
għeneb. Magħna hemm imqabbda oħrajn u
jista’ jkun li jekk ma nikkonvertix jien, oħrajn li huma qribi, ma jikkonvertux
lanqas.
Il-ġimgħa
l-oħra tkellimna fuq il-Mulej li sejjaħ lilu nnifsu r-Ragħaj li lest jagħti
Ħajtu għan-ngħaġ tiegħu. Kif jista’ dan
ir-Ragħaj iħalli lil dawk li Hu jħobb bil-ġuħ?
Għalhekk, jekk il-Bibbja mhix il-ħabiba tagħna d-dar, almenu niftħu
widnejna beraħ fil-Liturġija l-Knisja meta jasal il-waqt tal-proklamazzjoni
tal-Kelma. Aħna bħan-ngħaġ li nħarsu
lejn il-Mulej li ġej biex jagħlifna. Kif
jgħid is-Salm tal-lum: “Għajnejn kulħadd
iħarsu lejk, Mulej, u int tagħtihom l-ikel f’waqtu. Int tiftaħ idek, u xxabba’ lil kulħadd
bil-ġid.” (S. 145, 15-16).
Wieħed
mis-sinjali li jixhdu li Kristu huwa tassew Alla quddiem id-dinja huwa l-għaqda
ta’ bejnietna, l-għaqda ta’ bejn l-aħwa ta’ Kristu. Gwaj jekk ikollna l-firda bejnietna. Bħalissa hawn ħafna affarijiet, anke skandli,
fil-Knisja li flok jiġbdu lid-dinja lejn Kristu, qegħdin ibegħduha! Tistagħġeb!
L-ikel ta’ Kristu suppost jgħaqqadna flimkien ħaġa waħda. Aħna li aħna ħafna, b’karattri differenti,
b’opinjonijiet differenti, b’kundizzjonamenti differenti, induru ma’ mejda
waħda u flimkien nieklu minn Ħobża waħda!
L-Ewkaristija! Meta tieħu sehem
fil-quddiesa, m’intix waħdek, int u Alla, le, le, le! Int tagħmel parti minn ġemgħa. Din il-ħaġa nħoss li tlifniha. Aħna nagħmlu parti mill-Ġisem ta’ Kristu li
hu madwar il-mejda u meta niklu minnU nikbru fih u nsiru iktar Ġismu, iktar
aħna fiH u Hu fina! Meta dan kollu jsir
parti minna, aħna nsiru ħaġa waħda u jkun hemm għaqda li timpressjona
lid-dinja. Għax id-dinja taf biss b’għaqda
waħda: dawk tal-isess etajiet ma’ xulxin; dawk tal-istess opinjonijiet politiċi
ma’ xulxin; dawk li huma sinjuri ma
jagħmluhiex mal-fqar; dawk li huma tal-iskola jitmeżmżu minn dawk li jaħdu
b’idejhom; dawk li jżommu mal-istess
team jagħmlu club għalihom u miskin hu ta’ kontrihom.
Fi Kristu
mhux hekk! L-iswed iħobb lill-abjad. Is-sinjur jaqsam mal-fqir, u l-bqija. Għaliex dan?
Għax jieklu ikel wieħed u dan l-ikel li hu Kristu nnifsu (Kelma u
Ewkaristija), dan l-ikel jibni lil dan il-Ġisem. Għidli x’tiekol u ngħidlek intix b’saħħtek
jew le! Ħabirku biex iżżommu spirtu wieħed bir-rabta tas-sliem; ġisem wieħed u
ruħ waħda, l-istess kif kontu msejħa għal tama waħda. (Ef. 4, 3).
Il-Vanġelu
jixbah lill-Ewwel Qari ta’ Eliżew.
L-ikel li jqassam il-Mulej jidher mhux suffiċjenti, ftit wisq,
jiċċalinġja l-intelliġenża li għandna u li tant niftaħru biha. Għandek problema tkiddek u tiddipressak: mur
għand il-psikoloġista li jibagħtek għand il-psikjatra li jbellagħlek il-pilloli
u dawn isiru l-“ikel” tiegħek... Min se
jmur għand Kristu u jgħidlu kif qallu xi ħadd: “Jekk trid, Mulej, inti tista’ tfejjaqni!” (Lq. 5, 12).
Tafu x’inhi dejjem it-tweġiba ta’ Kristu għal talba bħal din? “Iva,
irrid; kun imfejjaq.” (Lq. 5, 13). Kristu ma jiħux għalih jekk l-ewwel dorna
lil dawk li jfejqu fid-dinja. Mhux qed
ngħid għat-tobba imma għall-idoli li minnhom nitolbu l-Ħajja. Ħafna drabi
nippruvaw l-ikel tal-Mulej wara li nkunu ilna nieklu dak tad-dinja. X’jimporta?
L-aqwa li nduquH. “Duqu u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej! Hieni l-bniedem li jistkenn fih!” (S. 34, 9).
Indrija
kellu spirtu trasparenti u tajjeb. Fuq
kollox, innoċenti, bħat-tfal. Quddiemu
kien hemm kotra kbira ta’ nies ġejjin biex jisimgħu lil Ġesù għax kienu bil-ġuħ
għall-fejqan minn ġewwa. X’se jgħidilhom
Ġesù? Biex se jitmagħhom. B’Kelma li tidher fqira imma li bil-qawwa
tal-Ispirtu s-Santu għandha s-saħħa tbiddel id-dinja! Il-Kelma tidher fqira bħall-ħames ħobżiet
tax-xgħir u żewġ ħutiet żgħar. Żewġ
ħutiet żgħar! Indrija qal: “Hawn tfajjel li għandu...” (Ġw. 6, 9).
Sħabu aktarx li ħarsu lejn xulxin u tbissmu, bħalma aktarx tbissem
Pietru fil-bidu tal-Istorja meta mar Indri jiġri u qallu: “Sibna l-Messija!” (Ġw. 1,
41). Kristu jagħmel l-għeġubijiet
bis-sempliċi, bid-dgħajfa, b’dawk li huma żgħar biżżejjed biex jirriskjaw
kollox fiH.
Il-Liturġija
tal-Kelma tal-lum:
QARI I
Jieklu, u jibqgħalhom iż-żejjed.
2 Slat 4:42-44
Qari mit-Tieni Ktieb tas-Slaten
F’dak iż-żmien, ġie għand Eliżew raġel minn
Bagħal-Salisa, u ġieb lir-raġel ta’ Alla ħobż tal-bikri: għoxrin ħobża
tax-xgħir, u sbul mimli qamħ ġdid. Eliżew qallu: “Agħtihom lin-nies ħa jieklu”.
Imma l-qaddej tiegħu wieġeb: “Kif nista’ nqassam dawn lil mitt ruħ?”. Raġa’
qallu Eliżew: “Agħti lin-nies ħa jieklu; għax dan jgħid il-Mulej: ‘Mhux biss
jieklu, imma jifdal ukoll’”. Dak qassmilhom; u huma kielu, u kien għad fadal
minnhom, bħalma qal il-Mulej.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM
RESPONSORJALI
Salm 144(145):10-11,15-16,17-18
R/. (ara 16): Iftaħ idek, Mulej: ferraħna
bil-ġid li tagħtina.
Kulma għamilt iroddlok ħajr, Mulej;
iberkuk il-ħbieb tiegħek kollha.
Is-sebħ tas-saltna tiegħek ixandru,
fuq is-setgħa tiegħek jitkellmu. R/.
Għajnejn
kulħadd iħarsu lejk, Mulej,
u inti tagħtihom l-ikel f’waqtu.
Int tiftaħ idek,
u xxabba’ ’l kulħadd bil-ġid. R/.
Ġust
il-Mulej fl-imġiba tiegħu kollha,
twajjeb f’dak kollu li għamel.
Qrib il-Mulej lejn kull min isejjaħlu,
lejn kull min isejjaħlu fis-sewwa. R/.
QARI II
Ġisem wieħed, Mulej wieħed, magħmudija waħda.
Efes 4:1-6
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu
lill-Efesin
Ħuti, inħeġġiġkom jien, il-priġunier
tal-Mulej, biex timxu sewwa skont is-sejħa li biha kontu msejħin; billi
bl-umiltà kollha, bil-ħlewwa u bis-sabar, taħmlu u tħobbu ’l xulxin. Ħabirku
biex iżżommu spirtu wieħed bir-rabta tas-sliem; ġisem wieħed u ruħ waħda,
l-istess kif kontu msejħa għal tama waħda; Mulej wieħed, fidi waħda, magħmudija
waħda; Alla wieħed u Missier ta’ kulħadd, li hu fuq kulħadd, b’kulħadd u
f’kulħadd.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
AKKLAMAZZJONI
QABEL L-EVANĠELJU
Lq 7:16
Hallelujah.
R/. Hallelujah.
Profeta kbir qam fostna,
u Alla żar il-poplu tiegħu.
R/. Hallelujah.
EVANĠELJU
Qassam, u kulħadd ħa kemm ried.
Ġw 6:1-15
Qari
mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak
iż-żmien, Ġesù telaq lejn in-naħa l-oħra tal-baħar tal-Galilija, jew ta’
Tiberija. Ħafna nies marru warajh, għax raw is-sinjali li kien jagħmel
bil-fejqan tal-morda. Ġesù tela’ lejn l-għoljiet u qagħad hemm bilqiegħda
mad-dixxipli tiegħu. Kien qrib l-Għid, il-festa tal-Lhud.
Ġesù
rafa’ għajnejh, lemaħ kotra ta’ nies ġejja lejh, u qal lil Filippu: “Mnejn
nixtru l-ħobż biex dawn ikollhom x’jieklu?”. Dan qalhulu biex jippruvah,
għaliex hu kien jaf x’sejjer jagħmel. Filippu wieġbu: “Mitejn dinar ħobż ma
jkunux biżżejjed għalihom biex kull wieħed minnhom jieħu xi ftit”. Wieħed
mid-dixxipli tiegħu, Indrì, ħu Xmun Pietru, qallu: “Hawn tfajjel li għandu
ħames ħobżiet tax-xgħir u żewġ ħutiet żgħar; imma dawn x’inhuma għal daqshekk
nies?”.
Ġesù
qal: “Qiegħdu n-nies bilqiegħda”. Dik in-naħa kien hemm ħafna ħaxix. Għalhekk
in-nies, xi ħamest elef raġel, qagħdu bilqiegħda. Ġesù ħa l-ħobżiet, radd
il-ħajr, u qassamhom lil dawk li kienu bilqiegħda; hekk ukoll għamel bil-ħut, u
kulħadd ħa kemm ried. Meta xebgħu, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Iġbru l-loqom
li baqa’, biex xejn ma jinħela”. Marru jiġbruhom, u mlew tnax-il qoffa
bil-loqom li kien fadlilhom in-nies mill-ħames ħobżiet tax-xgħir wara li kienu
kielu.
Għalhekk
dawn in-nies, meta raw dan is-sinjal li għamel Ġesù, qalu: “Dan hu tassew
il-Profeta li għandu jiġi fid-dinja!”. Imma Ġesù, meta ntebaħ li kienu ġejjin
biex jeħduh bilfors ħalli jagħmluh sultan, raġa’ warrab waħdu lejn l-għoljiet.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.
|