Din
hija il-Liturgija tas-Solennita' tat-Tlugh fis-Sema ta' Ommna Marija (2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Il-Verġni Marija hija x-xbieha ta’ kull Nisrani li jimxi fir-Rieda
tal-Missier. Hi, li hi l-iċken waħda,
ġiet mgħollija fuq kollox u fuq kulħadd permezz tal-merti li kiseb għaliha Kristu
Ġesù l-Iben il-Waħdieni ta’ Alla li ssawwar f’laħam il-bniedem ġo ġufha. Bħalha jitgħolla n-Nisrani, imma mhux
bil-merti tiegħu iżda, l-istess bħalha, bil-merti tal-Misteru tal-Għid ta’
Kristu. Iżda minn Marija, Alla stenna
Kelma, Kelma Qaddisa. Hi inagħtat
il-ħelsien li tgħidha, din il-Kelma, jew ma tgħidhiex. L-istess minn kull bniedem, hu mistenni li jieħu din id-deċiżjoni.
Alla hu Mħabba, u l-Imħabba vera ma tisforza lil ħadd u ma tikkondizzjona
lil ħadd. Bħal meta ġuvni li jħobb
tfajla jistenna l-“Iva” tagħha, kelma sempliċi li minnha tiddependi l-Ħajja
tiegħu u tagħha. Din hi d-dgħufija
tal-Imħabba. L-Imħabba hi l-aqwa forza
li teżisti fl-univers, imma hi dgħajfa, umli, sensittiva, u waqt li tistenna li
tkun maħbuba, hi bla saħħa ta’ xejn. Tista’
tiġi milqugħa, jew miċħuda, middieħka, imkasbra, miregħxa. Għall-“Iva” ta’ Marija, is-Sema u l-Art
waqgħu f’sikta tal-baħħ. Bħal fil-waqt
qabel ma tfaqqa’ tempesta qalila, kollox jiskot fin-natura, lanqas werqa ma
titħarrek, l-għasafar jilbtu u jistaħbew, u l-iljun ifittex il-kenn tiegħu.
U Marija qalet “Iva! Ħa jsir minni skont Kelmtek!” (ara Lq. 1, 38). U Hi
saret Omm! Omm Alla! Omm tarbija li twieldet mhux mid-demm, anqas mill-ġibda tal-ġisem, u anqas mir-rieda
tal-bniedem, iżda minn Alla. (ara Ġw. 1, 13). Hi saret Omm umanità ġdida, umanità maħfura, umanità
mifdija mid-djun tagħha kollu. Hi saret
Omm l-Offerta safja li waħedha setgħet trodd lura l-Ħajja ta’ Dejjem
lill-bniedem, u għalhekk Hi saret Omm il-Ħajja u Omm ir-Rebħa fuq il-Mewt. Marija saret Omm il-Misteru tal-Għid, Omm
il-Ħelsien tal-bniedem, Omm il-Ġenna miftuħa mill-ġdid. Dan kollu għax Hi saret Omm il-Kristu ta’ Alla,
is-Salvatur waħdieni tiegħi, tiegħek u ta’ kull bniedem. Omm Dak li waħdu u biss jagħmel sens lil dak
li jiġri fl-Istorja tagħna. U dan minħabba Kelma waħda, imma mill-qalb: “Iva!”
Tinsab
imħawwad fuq dak li ġralek? Ħalli lil
Marija tieħdok magħha għand Binha u qalbek tistrieħ għax tara s-sens ta’ kollox. Hi li wieqfa taħt
is-Salib messet il-qiegħ tal-eżistenza tal-bniedem, taf l-inkubu li fih jaqa’
kull maħluq. Hija Hi li għandha qalb li
tinduna u għajnejn li jaraw li m’għandniex
inbid (Ġw. 2, 3) tal-festa f’qalbna.
Hija Omm Dak li rebħilna ċ-ċertezza li se ngħixu għal dejjem, li l-Mewt
fiżika mhix l-aħħar Kelma, li Hu lestielna post, li se nirtu dak li għajn
qatt ma rat u widna qatt ma semgħet dak
li Alla lesta għal dawk li jħobbuh. (1
Kor. 2, 9).
F’dan
il-Jum ta’ Ferħ in-Nisrani jifraħ doppjament: jifraħ bil-Glorja ta’ Marija
Ommu, u jifraħ għax fejn daħlet Hi, mistednin nidħlu aħna wkoll. Aħna mistednin għal Tieġ ta’ dejjem. Nisimgħu
wisq storbju tad-dinja li taf tagħmlilna marketing
qawwi dwar ħwejjeġ li jintemmu u tnissina l-Pajjiż li lejh qed interrqu. Inħarsu lejn Marija u qalbna tħabbat
bin-nostalġija, bil-ħrara għas-Sbuħija, għall-Ferħ, għall-Imħabba li tbellaħna,
għall-Mistrieħ etern li hemm jistennewna minħabba l-Fidi fi Kristu.
Il-Glorja
tagħha hi l-Glorja tagħna; il-kant tal-anġli li laqa’ lilha, jilqa’ wkoll
lilna; il-meravilja tal-għarfien li, bħal Pawlu, inkunu tqabadna
t-taqbida t-tajba, inkunu temmejna l-ġirja, ħarisna l-Fidi (2 Tim. 4, 7), u
l-għożża li biha jħaddanna l-Mulej Ġesù miegħU għax konna fidili sal-aħħar. Dak
kollu li rċeviet Marija, nirċevuh aħna wkoll.
Għax kif jgħid il-Vanġelu tal-lum, Kristu nnifsu jiddikkjara: “Min huma ommi u ħuti? Dawn ara huma ommi u ħuti. Kull min jagħmel ir-rieda ta’ Alla, dak huwa
ħija, u oħti, u ommi.” (Mk. 3, 33-35).
Iżda aħna
għadna nterrqu fid-dinja, li għalkemm issaħħrek bi ġmielha għax hi ħolqien ta’
Alla, imma taf tkun ta’ prova għall-pellegrin li għadu mbiegħed mill-għarfien
sħiħ ta’ dak li rebaħ Kristu għalih. Sal-aħħar
irridu nterrqu ’il ġewwa, dejjem ’il ġewwa fil-Misteru ta’ Kristu. Marija timxi magħna! Hi “l-Madonna tat-Triq”! Jekk kollox jiċċajpar u donnha t-triq mhi
twassalna mkien, inħarsu lejha u naraw fiha dak li Alla jixtieq jagħmel
minna. Kulma seħħ biha, anke jekk qatt
ma għarfet x’inhu d-dnub minn sa ġuf ommha, sar b’antiċipazzjoni tal-merti ta’
Kristu li obda f’isimha u f’isimna lil Missieru sa fuq il-forka tas-Salib.
Aħna,
b’differenza twelidna midinbin, imma xorta għandna biex nifirħu għax kbar
huma l-merti ta’ Kristu li jgħajtu favur tagħna. Jekk aħna nemmnu f’dan, diġa salvi! Bil-Passjoni u l-Mewt u l-Qawmien tiegħu
Kristu qiegħed jaħdem fina natura ġdida, xbieha tiegħU nnifsu! Dan hu tal-għaġeb. Dan jista’ jseħħ fina għax mhux xogħolna imma
xogħolU. Dan ġara f’Marija. Dan jiġri f’min jemmen fi Kristu. Hi tqalet biH għax intelqet fir-Rieda
tal-Missier u tenniet il-Kelmiet qaddisa: “Ara
jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek!” (Lq. 1, 38).
Din hi l-ispark li qabbdet Ħuġġieġa fil-Ħolqien, li regħdet
l-infern, li beżżgħet il-Mewt. “Ara jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir
minni skont kelmtek!”
Ħa
ngħidha jien, ħa tgħidha int, meta nkunu daharna mal-ħajt, f’mument kritiku,
serju tal-Istorja tagħna. “Ara jiena l-qaddej, il-qaddejja tal-Mulej:
ħa jsir minni skont kelmtek!” Ħa
jkollna Fidi biżżejjed biex ngħidu il-famuża “Iva!” lil Alla. “Agħmel Int!
Xbajt nippjana jien; xbajt infalli; xbajt nitħabat; agħmel Int!”
L-ikbar
tifħir li jien iltqajt miegħu lil Marija, huwa dan: “O Verġni Marija, Verġni u
Omm! Int Omm Alla, Omm il-Kelma! Int l-iktar waħda li għext mill-qrib
il-Misteru tal-Għid ta’ Kristu. Bla ma
jistħoqqli, ħares lejja u ara li m’għandix l-inbid tal-Ħajja, tal-Fidi. Idħol għalija quddiem Ibnek sabiex dak li ġie
mwiegħed lili fil-Misteru tal-Magħmudija iseħħ fil-milja tiegħu hekk kif
jixtieq Hu li miet għalija.”
Tassew li
Marija għexet f’laħamha dak li ħabbrilha Xmun il-ġust fil-bidu. Il-Papa jitkellem dwar il-“Ġenju tal-Mara” u
tassew, trid tkun mara u trid tkun omm biex tifhem xi ftit, xi nitfa dak li
għaddiet minnu l-Omm tal-Ħaruf maqtul mill-ilpup imġewħa għaliH. Hi mxiet warajh bħal ngħaġa li ħadulha
l-ħaruf ċkejken tagħha lejn il-qatla.
Dan kien il-Misteru terribbli, imma glorjuż tal-Għid ta’ Binha u tagħha
wkoll.
Bħalha,
n-Nisrani jrid jgħix din il-Magħmudija terribbli u glorjuża. Iżda Hi u Binha batew biex aħna ma
nbatux. Fina din il-Magħmudija sseħħ bi
Grazzja. Fina jmut tassew il-bniedem
il-qadim miġbud lejn id-dnub, u minfloku, jitla’ mill-ilmijiet il-Bniedem
il-Ġdid, bħalma Kristu ħareġ rebbieħ minn ġol-qabar. L-Għid ta’ Kristu jseħħ fina iktar kemm
timmatura l-Magħmudija, u dak in-nhar għajnejna
jiċċaraw u għad naraw kemm batew għalina Kristu u Ommu miegħU.
Il-Liturġija
tal-Kelma tal-lum:
Qari I
Qiegħdu l-arka ta’ Alla f’nofs it-Tinda.
1 Kron 15:3-4,15-16;
16:1-2
Qari mill-Ewwel Ktieb
tal-Kronaki
F’dak iż-żmien, David
ġema’ ’l Iżrael kollu f’Ġerusalemm biex itella’ hemmhekk l-arka tal-Mulej
fil-post li kien waqqaf għaliha. U hu laqqa’ flimkien ’l ulied Aron u l-Leviti.
Kienu dawn li ġarrew l-arka ta’ Alla, u refgħuha fuq spallejhom bil-lasti, kif
kien ordna Mosè fuq il-kelma tal-Mulej. David qal lill-kapijiet tal-Leviti biex
iqabbdu wħud mit-tribù tagħhom u jqegħduhom bħala għannejja bl-istrumenti
tad-daqq, arpi, ċetri, ċnieċel, biex isemmgħu għana u daqq li jferraħ.
Ġabu l-arka ta’ Alla u
qegħduha f’nofs it-tinda li kien waqqfilha David, u offrew quddiem Alla
sagrifiċċji tal-ħruq u sagrifiċċji tas-sliem. Meta temm joffri s-sagrifiċċji
tal-ħruq u s-sagrifiċċji tas-sliem David bierek il-poplu b’isem il-Mulej.
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM RESPONSORJALI
Salm 131:6-7,9-10,13-14
R/. Qum, Mulej, int u
l-arka tal-qawwa tiegħek.
Ara,
smajna biha f’Efrata,
sibnieha fir-raba’ ta’ Ġagħar.
Ħa mmorru fl-għamara tiegħu,
nixteħtu quddiem il-mirfes ta’ riġlejh. R/.
Il-qassisin
tiegħek jiżżejnu bil-ġustizzja,
u l-qaddisin tiegħek jgħajtu bil-ferħ.
Minħabba f’David, il-qaddej tiegħek,
la twarrabx wiċċ il-midluk tiegħek. R/.
Għax
il-Mulej għażel lil Sijon
u xtaqha tkun id-dar tiegħu:
“Hawn insib is-serħan tiegħi għal dejjem!
Hawn irrid ngħammar, għax hawn xtaqt jiena!”. R/.
QARI II
Alla tana r-rebħa permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu.
1 Kor 15:54-57
Qari
mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
Ħuti,
meta dak li jitħassar jilbes in-nuqqas ta’ taħsir, meta dak li jmut jilbes
l-immortalità, imbagħad iseħħ dak li hemm miktub: “Inbelgħet il-mewt fir-rebħa.
Fejn hi, ja mewt, ir-rebħa tiegħek? Fejn hi, ja mewt, in-niggieża tiegħek?”.
In-niggieża tal-mewt hi d-dnub, il-qawwa tad-dnub hi l-liġi. Niżżu ħajr lil
Alla li tana r-rebħa permezz ta’ Ġesù Kristu.
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Lq 11:28
R/.
Hallelujah.
Hienja dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla
u jħarsuha.
R/. Hallelujah.
EVANĠELJU
Hieni l-ġuf li ġiebek.
Lq 11:17-28
Qari
mill-Evanġelju skond San Luqa
F’dak
iż-żmien, waqt li Ġesù kien qiegħed ikellem lin-nies kien hemm waħda mara li
refgħet leħinha minn qalb il-folla u qaltlu: “Hieni l-ġuf li ġiebek u s-sider
li rdajt!”.
Iżda
hu qalilha: “Imma, tassew, aktar hienja dawk li jisimgħu l-Kelma ta’ Alla u
jħarsuha!”.
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. It-tifħir lilek,
Kristu.
|