Sunday, 05 December 2021
           
Home arrow Home
IL-WIEHED U GHOXRIN HADD MATUL IS-SENA (2021) IL-FIDI HI GRAZZJA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 21 August 2021

Din hija il-Liturgija tal-Wiehed u Ghoxrin Hadd matul is-Sena (2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.

 21hadd.jpg

 

Hemm żewġ karatteristiċi fil-bniedem li jaħdmu fih u jagħtuh identità.  It-tnejn li huma huma rigali ta’ Alla u li l-bniedem qatt ma seta’ jakkwistahom bl-isforzi tiegħu.  Dawn huma ir-reliġjożità naturali u l-Fidi.

 

Alla poġġa r-reliġjożità naturali f’kull bniedem.  Il-bniedem iħoss il-bżonn ta’ Alla, ta’ xi “alla”, f’ħajtu.  Jaf li ma jistax jgħaddi mingħajru u jibża’ li ma jkollux xi “alla” għax tal-waħx huwa l-vojt u l-ebda bniedem ma jista’ jgħix mingħajr li l-vojt etern tiegħu jimtela b’xi mod.  Meta l-bniedem jaqa’ fil-qiegħan tad-dippressjoni u nonsens ta’ kollox, dan għax xejn ma jkun irnexxielu jimlielu l-vojt tiegħu u jissodisfah.  Noqogħdu attenti, għax ilkoll kemm aħna m’aħniex tant imbegħda minn dan il-bniedem imsejken.

 

Din ir-reliġjożità hi naturali għax, kif ġa għidna tinsab f’kull bniedem, jitwieled biha.  Dan hu s-sens tas-sagru, imma li l-bniedem mhux dejjem jużah tajjeb.  B’din l-enerġija ġewwa fih hu jista’ jfittex, anzi hu mbuttat ifittex lil Alla, lil Dak li minnu ħareġ kollox.  Imma sikwit mhuwiex tant mistiku, ma jittajjaarx tant fil-g]oli.  Tant, li l-bniedem sikwit juża r-reliġjożità tiegħu biex jivinta xi “alla” għalih, jew “allat”.  Iċ-ċiviltà tal-bniedem kienet dejjem prolifika ħafna biex tivvinta “allat”, idoli, u l-Istorja tagħtina lista ma taqtax ta’ “allat”, ta’ reliġjonijiet, ta’ riti, tempji, kulturi eċċ.  Wieħed ħassieb fuq il-bniedem, meta talbuh jagħti difinizzjoni tal-bniedem wieġeg: “Il-bniedem huwa ħallieq tal-idoli!”  Min jista’ jmerih?

 

L-Iskrittura dejjem poġġiet “il-flus” bħala l-ikbar “alla” rival ta’ Alla ħallieq ta’ kollox.  F’kull ġenerazzjoni, dan l-“alla” tal-ekonimija, tal-għana, tal-fertilità, li tissarraf fi flus wara kollox, dan l-“alla”, f’kull ġenerazzjoni mmarka lill-bniedem u ddominalu qalbu.  Huwa idolu fin immens, li jħallik taparsi timxi wara Alla l-veru imma malli jasal mument ta’ deċiżjni bejn iż-żewġ “allat”, dejjem jirbaħ hu, u dan narawh tajjeb fir-rakkont tal-Vanġeli dwar iż-żagħżugħ għani li kellu intenzjonijiet tajba, imma malli Kristu qallu biex jitlaq ġidu u jimxi warajh, aħna nafu x’ġara.

 

Imma l-bniedem mhux fuq il-flus biss jista’ jitfa’ n-natural reliġjuż tiegħu.  Alla tiegħu jista’ jkun il-passatemp tiegħu, il-familja tiegħu, is-saħħa tiegħu, il-karriera tiegħu, dak li jaħsbu n-nies fuqu, is-sesswalità tiegħu, is-saħħa tiegħu... dak kollu li jieħu post Alla, li jiġi qabel Alla, jsir “alla tiegħu”.  Tidher stamba din, imma tassew meta ħaġa ssir verament importanti, iktar importanti minn kollox, din issir “reliġjon” għal dak li jkun.  Għalhekk, ħafna jużaw ir-reliġjożità tagħhom billi jaqbdu triq għan-niżla.

 

Imma għalina li qed nimmeditaw dak li tgħid il-Liturġija tal-Kelma ta’ dan il-Ħadd, jaqblilna l-aktar niffokaw fuq id-differenza li hemm bejn ir-reliġjożità naturali li tidher tajba u l-Fidi fi Kristu.  Personalment naħseb li l-Knisja għandha tagħmel dan l-eżerċizzju bis-serjetà għax ilkoll kemm aħna nitfixklu u nħawduhom ma’ xulxin u naħsbu li għandna waħda meta fil-fatt ikollna l-oħra.

 

Ir-reliġjożità meta hi mħaddma tajjeb, tgħin lill-bniedem jerfa’ ħarstu ’l fuq lejn il-Mulej u jixxennaq li jgħarfu aktar.  Il-bniedem sab ruħu, ma jafx kif, fuq din il-pjaneta ċkejkna f’univers mimli pjaneti, xmux u oqmra.  Hemm il-biża’ tas-solitudni għall-bniedem meta jħoss tant dgħufija, meta hu mitluf f’dan il-ħolqien immens, bla limitu.  Il-kulturi kollha tal-bniedem inbnew, tista’ tgħid, madwar din it-tfittxija tal-bniedem li jagħraf hu min hu, minn fejn ġie u fejn hu sejjer, min ħalqu fil-ġenesi tiegħu... għax wara kollox xejn ma jsir minn xejn, tgħid ix-xjenza.

 

Alla beda jgħin lill-bniedem f’din it-tfittxija, dejjem jimxi mal-bniedem skont il-kapaċità ta’ moħħu li jifhem u jemmen, jew jemmen u jifhem.  Il-bniedem kellu bżonn morali biex jgħix ħajja ordinata, bla ma jagħmel ħsara li sieħbu, anzi jgħinu fil-bżonn.  Il-bniedem beda jħoss il-kobor immens ta’ Alla u l-bżonn li hu kellu tiegħu biex jgħinu f’din il-ħajja prekarja u insigura t’hawn.  Hu beda jemmen li jekk jogħġob lil Alla b’ħajja tajba u b’xi tip ta’ għotjiet jew sagrifiċċji, Alla jisma’ iktar it-talb tiegħu u jipprovdilu għalf kotran għall-annimali tiegħu, jew il-fejqan ta’ xi ħadd għażiż għalih.

 

Diffiċli ħafna kienet relazzjoni ta’ Mħabba f’dan it-tip ta’ reliġjożità.  Għax hawn il-bniedem idur lejn Alla meta jinħtieġu, juża lil Alla għall-Ħajja tiegħu, u dan juri li għadna fuq livell ta’ egoiżmu, ta’ bżonn li ngħadduha tajjeb hawn.  Malli l-ħajja tkun sejra tajjeb u l-problema tkun ġiet solvuta, l-bniedem malajr jibda jitgħażżen fit-tfittxija tiegħu ta’ Alla, u fil-mod kif jgħix, għax wara kollox Alla donnu xi ħadd li jippretendi wisq...  Sakemm tinqalalu xi ħaġa oħra.  Tintalab il-maħfra, u nerġgħu lura għat-talb u s-sagrifiċċju.

 

Din mhix diskrizzjoni sħiħa tar-reliġjożità naturali, imma xi ftit jew wisq hi hekk.  Hu ċar li lkoll kemm aħna għandna Kristjaneżmu ta’ dan it-tip: Alla jgħinni jekk inkun bravu; ma tantx jisma’ talbi meta nagħmel fattija.  Alla hu qrib it-“tajbin” imma mbiegħed mill-“ħżiena”. Meta għadna hawn, ħa nkunu nafu li għadna ’l bogħod ħafna mill-Kristjaneżmu bħala “Aħbar Tajba”.

 

Ir-reliġjożità tnissel nies bil-gdiedem li jaħsbu li Alla hu biss kmandamenti tqal imma gwaj jekk wieħed ma jobdihomx għax inkella hemm il-kastig.  Din l-emfasi fuq il-Liġi tmur kontra dak li jgħid it-Testment il-Ġdid.  Għax waħedha tqum il-mistoqsija: jekk kollox hu mitlub mill-bniedem, jekk il-bniedem hu fiċ-ċentru tal-Istorja tas-Salvazzjoni, jekk kollox jiddependi minnu, jekk huwa hu li jsalva ruħu jew jitlifha... mela Kristu x’ġie jagħmel?  X’sens għandu s-Salib ta’ Kristu?  X’ġid hemm għalija u għalik fil-Misteru kolossali tal-Għid li hu għex: il-Passjoni, il-Mewt fuq is-Salib, il-Qawmien glorjuż rebbieħ fuq kull tip ta’ Mewt?  Mosè u l-kmandamenti ma kinux biżżejjed?

 

Hu ċar li hawn irridu nagħmlu qabża mir-reliġjożità għall-Fidi fi Kristu li hi l-Fidi f’dak li għamel għalija fil-Misteru tal-Għid tiegħu; Fidi fil-merti tiegħU li jgħajtu għalija ferm, ferm, ferm aktar milli jistgħu jgħajtu l-merti fqar u medjokri tiegħi.  Anzi, n-Nisrani, li jaf hu min hu, li hu midneb u dgħajjef, ma jiftaħar qatt b’dak li jagħmel hu għax dan mhux importanti.  Jiftaħar b’dak li għamel Kristu għalih u hu dan li hu mportanti u li jagħmel Nisrani.  Nibdew nindunaw li f’ċertu punt ir-reliġjożità naturali, li hi tajba sakemm għadek tibda tfittex lil Alla, u l-Fidi jibdew jinfirdu, anzi jsiru kontra xulxin!  Ir-reliġjożità naturali qisha bħal “scaffolding” li għandna bżonnha biex intellgħu il-binja vera, it-Tempju tal-Fidi vera.  Malli dan jitla’, jaqa’ l-“isaffolding” u tidher il-Fidi fi Kristu fis-sbuħija kollha tagħha.

 

Ir-reliġjożità titfa dubju dwar kemm dak li mhux jgħix ħajja tajba għandu dritt jersaq lejn Alla għall-għajnuna.  Il-Vanġelu, u dak li kiteb S. Pawl, jgħidu li hu propju għal min hu mbiegħed, għal min hu midneb, għal min qed jadura allat foloz, għall-“ħażin” li l-Missier bagħat lil Ibnu biex bl-ubbidjenza tiegħu sal-Mewt fuq is-Salib u l-Qawmien tiegħu ikun jista’ jfejjaq qalb il-bniedem li għandu tant bżonnu.  Għax kemm ir-reliġjuż u kemm il-biered jew imbiegħed mill-Knisja, it-tnejn li huma, huma midinbin, u dan turiħ ċar il-Parabbola memorabbli tal-Iben il-Ħali li fiha niltaqgħu maż-żewġt aħwa li l-ebda wieħed minnhom ma kien iħobb lill-Missier.

 

Kulħadd għandu bżonn il-Fidi vera fi Kristu, kemm dawk li qegħdin fil-Knisja u kemm dawk li jinsabu barra minnha, jew anke huma preġudikati kontriha. Din il-Fidi hi l-Aħbar it-Tajba li Kristu miet għalija, jien li jiena midneb di natura, biex meta offra ruħu bħal Ħaruf bi tpattija għalija fuq is-Salib, jien niġi maħsul mhux biss minn dnubieti, imma min-natura midinba li kelli.  Mis-Salib ta’ Kristu tfawwar għalija natura ġdida u dan iseħħ fil-Magħmdija tiegħi fejn il-“Jien” il-qadim jegħreq u jmut fl-ilmijiet qaddisa u minflok ninagħta lil Kristu nnifsu li Hu biss kapaċi jgħix il-Qdusija fija. 

 

Mhux biss, imma bir-rebħa tiegħu fuq il-Mewt lili kissirli l-Mewt tiegħi.  Din issa hi ħaġa tal-għaġeb.  Fi Kristu, jien mhux biss jinħafruli dnubieti kollha għax kollha tpattew, imma issa t-triq hi miftuħa għall-Ħajja ta’ Dejjem, għal Ħajja differenti minn din li tibda minn hawn stess.  F’daqqa waħda jidher quddiem il-bniedem xenarju ġdid, orizzont tal-għaġeb, żerniq ta’ eżistenza ħielsa, mhix egoista għax issa jibda jgħib il-biża’ tal-Mewt li jġagħalna niġbdu lejna u nidinbu.  U dan kollu, ġa minn hawn!

 

Imma inutli wieħed jitkellem iż-żejjed fuq il-Fidi, għax ikun qiegħed jitkellem fuq riċetta ta’ kejk prim, tajjeb ħafna, imma li dak li jkun jibqa’ mhux impressjonat.  X’jimpressjonah mela?  Agħtih iduqu!  Il-Fidi trid idduqha biex tiskopra l-meravilja tal-Imħabba li aħna mdawrin biha.  Il-Fidi hi rigal tal-Missier. 

 

Huwa l-Missier li jagħżel lil min jagħti l-Fidi.  Jista’ jkollok elf intenzjoni tajba, imma l-Fidi tiġi għandek jekk jagħtihielek “gratis” il-Missier.  Għalhekk li diġa semmejna li ħadd m’għandu biex jiftaħar, lanqas l-aqwa qaddis, għax kulma għandu ġej mill-Missier b’rigal gratis, b’xejn, bla ma hu mistħoqq.  Din hi l-Grazzja.  U aħna, fir-reliġjożità tagħna, nagħmlu wegħdi  biex “nixtru” l-Grazzja, meta kull Grazzja hi b’xejn, isimha magħha, gratis, b’xejn.

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

QARI I
Aħna rridu naqdu ’l-Mulej, għax hu Alla tagħna.
Ġoż 24:1-2a,15-17,18b

Qari mill-Ktieb ta’ Ġożwè

F’dak iż-żmien, Ġożwè ġema’ t-tribujiet kollha ta’ Iżrael f’Sikem u sejjaħ lix-xjuħ, lill-kapijiet, lill-imħallfin, lill-uffiċjali u resqu quddiem Alla. U Ġożwè qal lill-poplu kollu: “Jekk ma jogħġobkomx taqdu l-Mulej, għażlu llum lil min tridu taqdu; jekk hux l-allat li kienu jaqdu missirijietkom lil hemm mix-xmara, jew l-allat tal-Amurrin li f’arthom qegħdin tgħammru. Imma jien u dari naqdu l-Mulej”.

U l-poplu kollu wieġeb u qal: “Ma jkun qatt li aħna nħallu l-Mulej biex naqdu allat oħra! Għax kien il-Mulej, Alla tagħna, li talla’ lilna u ’l missirijietna mill-art tal-Egittu, minn dar il-jasar, u li għamel quddiemna stess dawn il-ħwejjeġ kbar, u ħarisna matul it-triq kollha li minnha għaddejna u fost il-popli li minn ġo nofshom qsamna. Għalhekk aħna wkoll lill-Mulej naqdu, għaliex hu Alla tagħna”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 33(34):2-3,16-17,18-19,20-21,22-23

R/. (9a): Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej.

Kull ħin inbierek il-Mulej;
tifħiru dejjem fuq fommi.
Bil-Mulej tiftaħar ruħi;
jisimgħu l-fqajrin u jifirħu. R/.

Għajnejn il-Mulej lejn il-ġusti,
u widnejh miftuħa għall-għajta tagħhom.
Il-ħarsa tal-Mulej fuq il-ħżiena,
biex jeqred minn fuq l-art tifkirithom. R/.

Jgħajtu l-ġusti għall-għajnuna, u l-Mulej jismagħhom;
mid-dwejjaq kollha tagħhom jeħlishom.
Qrib il-Mulej lejn dawk b’qalbhom maqsuma,
jgħin lil dawk b’ruħhom mifnija. R/.

Kbar huma l-ħsarat tar-raġel sewwa,
iżda minnhom kollha jeħilsu l-Mulej.
Iħarislu għadmu kollha,
ebda waħda ma titkissirlu. R/.

Il-ħażin ħżunitu teqirdu;
min jobgħod il-ġust iħallas għall-ħtija.
Jifdi l-Mulej il-ħajja tal-qaddejja tiegħu;
kull min jistkenn fih ma jkollux xi jpatti. R/.

QARI II
Dan il-misteru – qiegħed ngħid għal Kristu u għall-Knisja – huwa kbir.
Efes 5:21-32

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin

Ħuti, oqogħdu għal xulxin fil-biża’ ta’ Kristu. Intom in-nisa oqogħdu għal żwieġkom bħallikieku għall-Mulej, għax ir-raġel hu ras il-mara, bħalma Kristu hu ras il-Knisja, is-salvatur tal-Ġisem tiegħu. Għalhekk, bħalma l-Knisja toqgħod għal Kristu, hekk ukoll in-nisa għandhom joqogħdu għal żwieġhom f’kollox.

Intom, l-irġiel, ħobbu n-nisa tagħkom, kif Kristu ħabb il-Knisja u ta ħajtu għaliha. U dan għamlu biex iqaddisha u jnaddafha bil-ħasil tal-ilma u l-kelma u biex iressaqha quddiemu, din il-Knisja, sabiħa, bla tebgħa, bla tikmix, bla għajb, u b’xejn minn dan, imma qaddisa u bla tmaqdir minn ħadd. Hekk għandhom ukoll l-irġiel iħobbu n-nisa tagħhom bħallikieku ġisimhom stess. Min iħobb ’il martu jkun iħobb lilu nnifsu. Qatt ħadd ma bagħad ’il ġismu stess, iżda jmantnih u jieħu ħsiebu, bħalma jagħmel Kristu mal-Knisja, għax aħna lkoll membri tal-Ġisem tiegħu.

Għalhekk ir-raġel iħalli lil missieru u ’l ommu u jingħaqad ma’ martu, u jsiru t-tnejn ġisem wieħed. Dan il-misteru – qiegħed ngħid għal Kristu u għall-Knisja – huwa kbir!

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 6:63ċ,68ċ

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Il-kliem li jiena għedtilkom huwa spirtu u ħajja.
Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.
R/. Hallelujah.

EVANĠELJU
Mulej, għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.
Ġw 6:60-69

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù tkellem fuq il-ħobż tal-ħajja. Ħafna dixxipli tiegħu, meta semgħuh, qalu: “Iebes dan il-kliem! Min jiflaħ jisimgħu?”. Ġesù ntebaħ waħdu li d-dixxipli tiegħu kienu qegħdin igergru fuq hekk, u qalilhom: “Dan il-kliem qiegħed ifixkilkom? Mela xi tgħidu kieku kellkom taraw lil Bin il-bniedem tiela’ fejn kien qabel? Hu l-Ispirtu li jagħti l-ħajja, il-ġisem ma jiswa għal xejn. Il-kliem li jiena għedtilkom huwa spirtu u ħajja. Iżda hemm xi wħud fostkom li ma jemmnux”. Għaliex Ġesù kien jaf sa mill-bidu min kienu dawk li ma emmnux u min kien dak li kellu jittradih. U ssokta jgħidilhom: “Kien għalhekk li jiena għedtilkom li ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk il-Missier ma jagħtihx li jiġi”.

Minn dakinhar bosta mid-dixxipli tiegħu telquh u ma baqgħux imorru warajh. Imbagħad Ġesù qal lit-Tnax: “Tridux titilqu intom ukoll?”. Wieġbu Xmun Pietru: “Mulej, għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem, u aħna emminna u għarafna li inti l-Qaddis ta’ Alla”.

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Tifħir lilek, Kristu.

 

 

 
< Prev   Next >