Sunday, 19 September 2021
           
Home arrow News arrow Latest arrow L-ERBGHA U GHOXRIN HADD MATUL IS-SENA (2021) IL-METODU LI BIH ALLA JIMXI MAGHNA
L-ERBGHA U GHOXRIN HADD MATUL IS-SENA (2021) IL-METODU LI BIH ALLA JIMXI MAGHNA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 11 September 2021

Din hija il-Liturgija ta' l-Erbgha u Ghoxrin Hadd matul is-Sena (2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.

 maxresdefault.jpg

 

Biex wieħed jagħmel ir-Rieda ta’ Alla irid ikun armat b’doża qawwija ta’ umiltà.  Din hi l-virtu li mingħajrha ninfixlu u naqgħu wiċċna fl-art malli nibdew nimxu.  U jekk ma jkollna xejn minnha fil-bidu tar-relazzjoni tagħna ma’ Alla, malajr nibdew nikbru fiha għax it-Triq tal-konverżjoni ma tiħux ’il fuq mill-ewwel.  L-ewwel tibda nieżla ’l isfel... nagħrfu min aħna aħna qabel ma nibdew biex ngħarfu xi ftit min hu l-Mulej.  Ngħarfu li aħna midinbin ħafna iktar milli konna naħsbu, biex meta jasal il-waqt, il-Mulej jurina li Hu jħobbna anke bid-dnub tagħna f’idejna, u ssallab għalina appuntu għax aħna midinbin.  Huwa min hu konvint mid-dnub tiegħu biss li jista’ jifhem il-misteru ta’ Kristu msallab għalih.  L-Umiltà hija l-Verità u l-Verità tgħidllna li aħna lkoll midinbin u għandna bżonn urġenti ta’ Salvazzjoni li m’aħniex kapaċi nakkwistawha aħna iżda hija Grazzja li l-Missier jixtieq jagħtina.

 

L-Umiltà qaddisa tagħtina s-skiet quddiem il-metodu li juża Alla biex jimxi mal-bniedem lejn is-Salvazzjoni.  Dan, għaliex Alla ma jirraġunax bħalna u “daqs kemm huma ogħla s-smewwiet mill-art daqshekk ieħor huma triqati ’l fuq minn triqatkom, u l-fehmiet tiegħi mill-fehmiet tagħkom.”  (Is. 55, 9). Il-bniedem supperv jirvilla malli l-Istorja li jippreżentalu Alla ma tkunx dik li għandu f’moħħu hu, u huwa bħal dik iż-żerriegħa li taqa’ fejn hemm biss ftit ħamrija.  Tieħu mill-ewwel, ħafna entużjażmu fil-bidu, imma kollox jinxef u jmut malli titfaċċa ftit tbatija.  Jien u int għandna bżonn skiet u fiduċja u anke dawl biex naraw li l-mod kif jimxi magħna l-Missier uriehulna l-Iben; u dan il-mod huwa l-Misteru tal-Għid. 

L-umli jaċċetta li Alla ma jirraġunax bħalu għax jaf li dak li jidher tant importanti għalina l-bnedmin mhu xejn ħlief ġiri wara d-dinja, waqt li għal Alla l-importanti hu li nikbru fil-Fidi li biha biss naħtfu l-Ħajja ta’ Dejjem li tibda minn hawn imma li tilħaq il-milja f’eżistenza oħra li hi eterna.  Huwa Hu li jgħallimna nemmnu f’dak li ma jidhirx, u barra mill-Kelma u s-Sagramenti tal-Knisja, jinqeda wkoll bl-Istorja tagħna.  L-Istorja hi qaddisa.  L-Istorja hi Kelma ta’ Alla.  Xejn ma jiġri għal xejn u xejn ma jseħħ b’kumbinazzjoni.  Kollox jieħu sens fid-dawl tal-Misteru tal-Għid ta’ Kristu.  Barra minnu kollox jidher konfus, xorti tajba jew ħażina, bħal xini f’nofs ta’ baħar immens bla ma ħadd jaf fejn jibda u fejn jispiċċa.

 

Fil-Vanġelu nsibu lil Ġesù jitkellem ċar fuq il-Ħajja tiegħu u l-Ħajja tagħna.  Mill-Ħajja aħna rridu suċċessi, għana, kumdita, saħħa.  Fuq kollox ma rridux li jidher is-Salib.  Dan hu li jifridna minn Alla.  Mhux għax aħna ħżiena.  Dak il-bniedem li forsi int iġġudikajt illum, assolutament mhux ħażin, almenu mhux eħżen minnek.  Hu bniedem bħali u bħalek, jibbies meta jidher is-Salib u ma jridx jarah b’għajnejh.  Din hija n-natura li twelidna biha.  La jien u lanqas int ma tlabniha din in-natura.  Uritniha mingħand l-antenati tagħna, mingħand Adam. 

 

Il-Verita hi li l-Misteru tal-Għid jiddomina kollox u s-Salib, it-tbatija, il-fallimenti, xi aħbar ħażina, il-mard... dan u tant affarijiet li jidhru negattivi, dawn huma l-ewwel faċċata tal-munita tal-Għid.  Mingħajr is-Salib m’hemmx Qawmien!  Il-bniedem irid isolvi s-Salib bil-flus, bit-teknoloġija, bil-poter, biex trid.  Imma min ma jidħolx fis-Salib u jimxi wara Kristu ma jduqx il-Qawmien.  Fil-Vanġelu, l-Appostli, li bħalna ma kinux għadhom fehmu l-Misteru tas-Salib li hu l-Misteru tal-Qawmien, bdew jirrakkontaw lil Ġesù kemm kienu jaħsbu tajjeb fuqu n-nies u kemm suċċess kien qed ikollu. 

 

It-tweġiba ta’ Ġesù għal dan kienet li Hu beda jgħallimhom fuq li kien meħtieġ li Bin il-bniedem ibati ħafna, ikun miċħud mix-xjuħ u mill-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u wara tlitt ijiem jerġa’ jqum.  (Mk. 8, 31).  Ma kienx aljenat Ġesù!  Ilkoll ninħasdu waħda sew meta tfaqqa xi waħda bħal sajjetta fil-bnazzi.  Imma hu b’dan il-mod li Alla “jisraqna” minn idejn il-ħażin biex jaħtafna għall-Ħajja ta’ Dejjem li tibda minn hawn.  Hu b’dan il-mod li jgħallimna nemmnu, jingasta l-Fidi fina.  Lil Iżrael ħejjieh bil-jasar biex imbagħad dewqu l-Ħelsien.  Hu għaddieh minn erbgħin sena fid-deżert, esperjenza-Salib, biex tgħallem li kull tbatija tieħu lejn il-Ħajja, lejn Fidi dejjem akbar.  Hu ħalla li David jgħaddi ħafna snin maħrub quddiem is-Sultan Sawl li kien jobogħdu għall-mewt, biex imbagħad tah is-Saltna.  Il-paġni tal-Iskirttura kollha jitkellmu fuq l-Għid, jiġifieri esperjenza ta’ Mewt li tieħu għal Qawmien.

 

Anke n-natura stess tikkatekiżżana.  L-istaġuni; iż-żerriegħa li tmut taħt l-art biex tagħti ħajja ġdida; ċikli dejjiema minn mewt għal Ħajja.  Dan hu d-Dawl li l-Fidi fi Kristu tagħtina dwar l-Istorja tagħna.  Min jaf kemm għexna din il-Mogħdija mid-dlam għad-dawl, mill-mewt għall-Ħajja, mid-dieqa għall-festa, imma bla ma ndunajna.  Dan hu l-mod kif Alla jimxi magħna biex bil-mod il-mod jeqred il-biża’ tal-Mewt li jagħmilna egositi bla kapaċità li nħobbu tassew.

 

Fil-Liturġija tal-lum, il-Profeta jgħid: Sidi l-Mulej fetaħli widinti, u jiena ma webbistx rasi, ma rġajtx lura.  Tajt dahri lil dawk li kienu jsawtuni, ħaddejja li l dawk li kienu jnittfuli lħiti; ma ħbejtx wiċċi mit-tagħjir u l-bżieq.  (Is. 50, 5).  Kien qed jgħid għal Kristu, imma wkoll għal kull bniedem ġust.  Għaliex seta jagħmlu dan? Għax kien imdawwal.  Kien jaf li l-Mulej ma jitilqux fil-Mewt iżda l-Mewt hija t-triq lejn il-Glorja ta’ Ħajja bla tmiem.  Hu jkompli:  Sidi l-Mulej jgħinni, għalhekk ma nitħawwadx.  (Is. 50, 7).  Ġesù nnifsu qatt ma semma’ t-tbatija li kellu jgħaddi minnha mingħajr ma jsemmi wkoll il-Qawmien li kien riesaq lejH.

 

San Ġakbu jisħaq li m’hemmx Fidi li ma tidhirx mis-Sinjali tal-Fidi.  Il-bniedem li l-oħrajn jarawh taħt is-Salib u jibqgħu mistagħġba bis-sabar tiegħu, ikun qed jagħmel dan għax ikun imdawwal mill-Fidi tiegħu li tgħidlu: “Stenna!  Tiddisprax!  Dalwaqt tara l-Ħelsien, il-Qawmien.  Dalwaqt jaħrab il-lejl tat-tbatija u jżernaq dawl il-jum.”  Min m’għandux id-Dawl tal-Fidi jispiċċa jisħet xortih bħal wieħed pagan.

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

QARI I
Tajt dahri lil dawk li kienu jsawtuni
Iż 50:5-9a

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija

Sidi l-Mulej fetaħli widinti,
u jiena ma webbistx rasi,
ma rġajtx lura.
Tajt dahri lil dawk li kienu jsawtuni,
ħaddejja lil dawk li kienu jnittfuli lħiti;
ma ħbejtx wiċċi mit-tagħjir u l-bżieq.
Sidi l-Mulej jgħinni,
għalhekk ma nitħawwadx;
għalhekk għamilt wiċċi bħaż-żnied:
jien naf li ma jkollix mniex nistħi.
Dak li jagħmel ġustizzja miegħi jinsab fil-qrib.
Min se jeħodha miegħi?
Ħa noqogħdu għall-ħaqq flimkien!
Min hu kontrija? Ħa jersaq lejja!
Ara, Sidi l-Mulej jgħinni:
min se jagħtini t-tort?

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 114(116):1-2,3-4,5-6,8-9

R/.(9): Jien nimxi quddiem il-Mulej f’art il-ħajjin.

Inħobb il-Mulej,
għax sama’ leħen it-tħannin tiegħi;
għaliex hu tani widen
fil-jum li fih sejjaħtlu. R/.

Il-ħbula tal-mewt dawruni,
l-irbit tal-imwiet ħakimni;
fin-niket u l-hemm sibt ruħi.
Imma isem il-Mulej sejjaħt:
“Mulej, nitolbok, salvani!”. R/.

Ħanin il-Mulej, u ġust;
twajjeb hu Alla tagħna.
Iħares id-dgħajfa l-Mulej;
jien kont magħkus, u hu ħelisni. R/.

Għax mill-mewt ħelisli ’l ħajti,
lil għajnejja mid-dmugħ
u ’l riġlejja mit-tfixkil.
Jien nimxi quddiem il-Mulej
f’art il-ħajjin. R/.

QARI II
Il-fidi mingħajr l-għemil hi mejta.
Ġak 2:14-18

Qari mill-Ittra ta’ San Ġakbu Appostlu

X’jiswa, ħuti, li wieħed jgħid li għandu l-fidi jekk ma jurihiex fl-għemil tiegħu? Jaqaw tista’ ssalvah din il-fidi? Jekk ħuk jew oħtok ma jkollhomx x’jilbsu u jonqoshom l-ikel ta’ kuljum, u wieħed minnkom jgħidilhom: “Morru bis-sliem, isħnu u kulu sa tixbgħu”, bla ma jagħtihom dak li hu meħtieġ għall-ġisem, dan x’jiswa? Hekk ukoll il-fidi: jekk tkun weħidha u ma jkollhiex l-għemil, tkun mejta fiha nfisha.

Imma xi ħadd jista’ jgħid: “Int għandek il-fidi, u jiena l-għemil”. Urini l-fidi tiegħek mingħajr l-għemil, u jien nurik il-fidi tiegħi mill-għemil tiegħi.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Gal 6:14

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Ma jkun qatt li niftaħar
jekk mhux bis-salib ta’ Ġesù Kristu,
li bih id-dinja hi msallba għalija u jien għad-dinja.
R/. Hallelujah.

EVANĠELJU
Hu meħtieġ li Bin il-bniedem ibati ħafna.
Mk 8:27-35

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, telaq Ġesù flimkien mad-dixxipli tiegħu lejn l-irħula ta’ Ċesarija ta’ Filippu. Huma u mexjin, lid-dixxipli tiegħu għamlilhom din il-mistoqsija: “Min jgħidu n-nies li jien?”. Weġbuh u qalulu: “Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, wieħed mill-profeti”. Staqsiehom: “Imma intom, min tgħidu li jien?”.

Qabeż Pietru u qallu: “Inti l-Messija”. Imbagħad ordnalhom ħafna biex ma jitkellmu ma’ ħadd fuqu. U beda jgħallimhom fuq li kien meħtieġ li Bin il-bniedem ibati ħafna, ikun miċħud mill-anzjani u mill-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u wara tlitt ijiem jerġa’ jqum. Fuq dan kellimhom ċar. Pietru ġibdu lejh u beda jlumu. Iżda hu dar iħares lejn id-dixxipli tiegħu, u ċanfar lil Pietru u qallu: “Itlaq minn quddiemi, ja xitan, għax m’intix taħseb fil-ħwejjeġ ta’ Alla, imma f’dawk tal-bnedmin!”.

Sejjaħ lejh in-nies flimkien mad-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja. Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi u tal-Evanġelju, isalvaha. Għax x’jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ħajtu?”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/.
Tifħir lilek, Kristu.

 
< Prev   Next >