Sunday, 05 December 2021
           
Home arrow Home
IT-TMIENJA U GHOXRIN HADD MATUL IS-SENA (2021) JEW L-GHANA TA’ KRISTU JEW L-GHANA TAD-DINJA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 09 October 2021

Din hija il-Liturgija tat-Tnienja u Ghoxrin Hadd matul is-Sena (2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.

28gimgha.jpg

 

Hemm paġni fil-Vanġelu li meta naslu fihom tixgħel f’moħħna bozza ħamra li ġġagħalna nintefgħu fuq id-difiża; tibda ddoqq is-sirena li ma tħalliniex nisimgħu, u awtomatikament, bla ma nindunaw, ngħalqu l-bieb ta’ qalbna li ma jidħolx xi għadu u jeqirdilna l-kwiet u s-serenità tal-kuxjenza. Għax għalkemm f’xi wħud il-kuxjenza hi ddrogata waħda sew, f’oħrajn taf tkun prosekutur qawwi.  Il-Liturġija tal-Kelma f’dan il-Ħadd se twasslilna kif jaħsibha Alla dwar l-għana tad-dinja, l-għana li kkumulajna matul ħajjitna, li batejna, ħdimna u għaraqna l-għaraq għalih.  Għalhekk hawn il-Kelma tidħol f’territorju perikoluż ħafna!  Anke l-Omeliji ta’ dan il-Ħadd jafu jkunu l-itqal tas-sena għall-Presbiteri!

 

Huwa ċar li l-Vanġeli, speċjalment ta’ San Luqa, u anke l-Bibbja kollha, għandhom ħafna versi ddedikati lil dan is-suġġett u huwa suġġett jaħraq.  L-Iskrittura tasal biex tgħid li l-ikbar idolu tal-bniedem li jieħu post Alla mhux iż-żina jew xi tebgħa oħra fil-bniedem, iżda huwa l-kilba għall-għana.  Iżrael kien jibdel lil Alla kull meta kien jistagħna. Fi żmienna, u  anke fi żmien Kristu, l-idoli tar-reliġjonijiet pagani m’għadhomx iktar ikellmu lill-ispirtu tal-bniedem, imma satana xorta jibqa’ jippreżenta idolatrija lill-umanità, bħalma ppreżenta lil Kristu nifsu.  U l-eħfef triq għall-apostasija, għaċ-ċaħda ta’ Alla hija l-akkwist tal-għana li jagħmlek tiskopri b’ingann li “alla” mhux iktar l-Alla ta’ Ġesù Kristu, iżda int innifsek li jirnexxielek tasal biex, jekk trid, tagħmel kollox, għax kif kienu jgħidu missirijietna, bil-flus tagħmel triq fil-baħar.  Il-bniedem li jistagħna ma jibqax ifittex is-sigurtà tiegħu f’Alla imma f’dak li kapaċi jagħmel hu u billi l-flus jixtru ħafna setgħa f’din id-dinja, l-ingann huwa kbir.  Dan l-ingann jaħkem anke lill-fqir jew lil dawk tal-klassi tan-nofs li jħarsu lejn is-sinjuri u jixxennqu li anke huma jkunu bħalhom.  Dan hu l-Għoġol tad-Deheb li Iżrael ivvinta għalih taħt il-Muntanja Sinaj.

Alla  ħalaqna biex ngħixu kuntenti u ferħanin u żgur li ma jrid jeħdilna xejn, u lanqas qatt jista’ jkun li għandu bżonn xi ħaġa minn tagħna.  Il-ġid tal-art ħalqu Hu biex il-bniedem jaħkem fuqu u permezz t’hekk ikun grat lejH.  Huwa Alla li jagħti d-doni u l-kariżmi lill-bnedmin biex bihom jistagħnew u jagħmlu l-flus.  Jekk wieħed hu naturali għalih li jinnegozja u kulma jmiss b’idu jsir deheb, din il-kwalità u l-kapaċità ma ġabhiex hu jew għallimhielu xi ħadd iżda hija don ta’ dak Alla li sawru f’ġuf ommu. Dawn huma nies li Alla jgħinhom jistagħnew biex magħhom jiekol ħaddieħor u minnhom jiddependu tant familji oħra.

 

Alla hu Mħabba u l-Imħabba tagħti, tagħti, tagħti saħansitra lilha nnifisha.  Dan hu li Alla għamel ma kull wieħed minna.  Mhux biss tana l-Ħajja, li hi Misteru enormi, u żgur li ħadd ma xtraha, iżda abbanduna lill-Ibnu l-Waħdieni biex bil-merti tiegħu kull wieħed minna jkun jista’, bil-Fidi, jgħix għal dejjem!  X’jiswew ħdejn dan il-muniti msadda li jista’ jkollna, jew l-‘accounts’ fil-banek li malli jonfoħ il-maltemp fuq l-ekonomija, bħalma jagħmel kull għaxar snin bejn wieħed u ieħor, malajr jallarmaw lil kulħadd bil-kriżijiet tagħhom?

 

L-Għana hija barka ta’ Alla li lil wieħed jagħtih ħaġa u lill-ieħor jagħtih ħaġa oħra.  Alla jrid, imma, jħarisna mill-idolatrija li tippretendi mill-flus dak li Alla biss jista’ jagħtik.  Dan hu l-periklu l-kbir tal-Għana.  Din hi l-aljenazzjoni fina tiegħu.  Imma kif tista’ tippretendi mill-għana tiegħek is-sigurtà u s-serħan il-moħħ meta lill-Mewt ħadd ma jixtriha, u lanqas lis-Saħħa ma tista’ tixtri?  Ma tistax tippretendi mill-flus s-Sliem u s-serħan tal-moħħ.  Ma tistax mill-flus tippretendi l-Ferħ u s-sens tal-Ħajja.  Fuq kollox ma tistax tippretendi minn dan l-idolu l-Imħabba u l-Ħajja ta’ Dejjem u r-rebħa aħħarija fuq il-Mewt.  Dawn mingħand Alla biss jista’ jakkwistahom il-bniedem u ħafna, ħafna nies li daqu d-dinja jispiċċaw biex jammettu li ħlew ħajjithom jiġru wara r-riħ. 

 

Alla jgħir għall-Ferħ tagħna, jgħir għas-Salvazzjoni tagħna.  Hu jgħir b’għira qaddisa għalina għax iħobbna għall-aħħar.  Ma jistax jarana ninħlew fuq dak li jgħaddi.  Hu m’għandu bżonn lil ħadd minnha, iżda xorta waħda kull wieħed minna jiswa quddiem Alla d-Demm ta’ Kristu u għalhekk int u jien aħna l-mimmi ta’ għajnejn Alla.  Hu jimtela bil-qilla qaddisa tiegħu kotra l-għadu tagħna meta jarah jirnexxilu jinganna tant nies fostna bit-tentazzjoni tal-għana. 

 

Hemm żewġ tipi ta’ Għana, imma dawn huma għedewwa ta’ xulxin.  Hemm l-Għana tad-dinja, li fih innifsu huwa tajjeb sakemm ma nitjassrux bih u npoġġuh qabel Alla.  Imma hemm ukoll l-Għana tal-Gherf veru, mhux dak li takkwista mill-università, li hu don t’Alla wkoll, iżda l-Għerf li hu l-Għarfien ta’ Alla, l-Għarfien tal-Imħabba tiegħu li mhux kulħadd jagħrafha.  L-Ewwel Qari mill-Ktieb tal-Għerf se jkellemna fuq dan.  Kemm hu sabiħ, kemm jiswa aktar mid-deheb u l-fidda u l-muniti l-għarfien li bih int tinagħta bi Grazzja iċ-ċertezza tal-Ispirtu s-Santu li Alla lilek iħobbok tassew, li hu Missierek, li kulma jiġrilek fil-Ħajja hu għall-ġid, u li kollox se jispiċċa tajjeb għax Missierek huwa s-Sid tal-Ħajja u ta’ kollox.  Għalhekk San Pawl kien jiftaħar li għan-Nisrani, kollox hu tiegħu, kollox, kollox.  Hawn min hu għani għad-dinja, u minħabba l-biża’ għall-flus mhux kapaċi jgawdi d-dinja daqs wieħed fqir li għandu l-Għana ta’ Alla.

 

Minħabba f’hekk, il-Ktieb tal-Għerf jgħid: “L-Għerf (ta’ Alla) jien qistu aqwa mix-xettri u t-tronijiet, u ntbaħt li l-għana m’hu xejn ħdejh.  Anqas ma xebbaħt miegħu il-ħaġra l-aktar prezzjuża għax id-deheb kollu ħdejh mhux ħlief ftit ramel, u l-fidda qisha daqsxejn tajn jekk tqabbilha miegħu.  Jien dan il-Għerf ħabbejtu aktar mis-saħħa u għoġobni aktar mid-dawl għax id-dija tiegħu ma tgħib qatt.”  (Għerf 7, 8-10).  Din hija esperjenza, mhux xi tagħlim jew xi ħsieb jew xi teorija fl-ajru.  Il-bniedem li kiteb dan qiegħed jirrakkota l-iskoperta mmensa tiegħu li hi miftuħa għal kulħadd.  Mhux ta’ b’xejn li l-paġni tal-Iskrittura jħajruna induqu biex naraw kemm hu tajjeb il-Mulej. (S. 34, 9).  Kienet l-esperjenza tiegħu li lil San Pawl (u lil kull Nisrani veru) ġagħlitu jesklama kollu ferħan: Aħna nħabbru dak li għajn qatt ma rat u  widna qatt ma semgħet, u dak li qatt ma tnissel f’qalb il-bniedem, dak li Alla lesta għal dawk li jħobbuh. (1 Kor. 2, 9).   

 

Iżda li l-bniedem jiġi ngannat mill-ħolma tal-flus hi l-eħfef ħaġa, anzi hi xi ħaġa skont in-natura mwaqqa’ tad-dinja u ta’ dawk kollha li jgħixu fiha.  Hu faċli l-ingann.  Hu faċli li ngħidu: “Le, għalija l-flus m’humiex idolu, mhumiex tant importanti.  Jien nużahom lilhom u mhux huma jużaw lili!”  Ilkoll kemm aħna nistgħu naqgħu f’dan l-ingann u Alla jħallina ngħaddu minn xi waħda biex nindunaw.  Pereżempju dik li jidhrilna li tkun inġustizzja f’xi wirt.  Malajr nindunaw kemm huma mportanti l-flus għalina.  Ilkoll ninkwetaw ħafna fuqhom.  Inkunu sinċieri: ilkoll lesti nitilgħu il-Qorti jekk naħsbu li xi ħadd ħadilna xi ħaġa għax ikun serqilna parti minn Ħajjitna.  Kapaċi nibqgħu miġġieldin ma’ xi ħadd sal-Mewt fuq l-imbierek għana. 

 

Imma jekk aħna ningannaw ruħna, il-Kelma ta’ Alla ma tiġix ingannata.  Taqra lil qalbna bħal ktieb miftuħ.  Għalhekk l-Ittra lil-Lhud, fit-Tieni Qari, tgħidilna: “Il-Kelma t’Alla hi ħajja u qawwija, taqta’ aktar minn xabla b’żewġt ixfar; hija tagħrbel il-ħsibijiet  l-fehmiet tal-qalb.  Xejn m’hemm fil-ħolqien li hu moħbi għaliha.”  (Lhud 4, 12w).  Alla jridna ngawdu l-ġid, la tahulna Hu, imma gwaj għalina jekk nagħtu lill-flus il-qima li tixraq lil Alla waħdu.

 

L-ingann tal-flus iġibna lejn ir-rakkont tal-Vanġelu; Vanġelu twil li jitkellem bil-miftuħ fuq l-għana tad-dinja u l-periklu li hemm għal dawk li jistagħnew fih.  Quddiem Ġesù mar wieħed għani, li kellu ħafna intenzjoni tajba u kien “reliġjuż”, iżda, bla  ma kien jaf, kien immensament ingannat, bħalma ħafna jkunu.  Kien jaħseb li hu ġust u tajjeb, imma, milli jidher, dawn il-ġustizzja u t-tjubija tiegħu ma tantx tawh is-Sliem li huma wegħdu. 

 

“Inwettaq il-Kmandamenti kollha!  X’għandi nagħmel iktar?”  Biex wieħed jasal biex jgħid li hu jobdi l-Kmandameti kollha, irid ikun tassew miġnun, ingannat, moħħu mxerred, fi bżonn li xi ħadd jixxukkjah u jġibu fil-verità.  U dan hu li Ġesù jagħmel miegħu.  “La int hekk tajjeb, u la l-Kmandamenti huma tant ħfief għalik... tajjeb, aqbad ġidek u agħtih lil-foqra.  Imbagħad ejja warajja.”  Ġesù ma kienx sorpriż li din il-Kelma tefgħet lil dak il-bniedem fi kriżi tal-biża’.  “X’nagħmel?  Mela qed niġġennen!”  U  telaq ħafna iktar imdejjaq milli kien meta ġie.  Imma issa kien aktar għaref.  Induna li l-ebda Kmandament ma kien jobdi għax il-Flus kienu n-“number one” f’Ħajtu u kollox kien jiġi wara... il-qima lejn Alla, l-imħabba lejn il-ġenituri u l-proxxmu... kollox. 

 

Dan mhux faċli li niskopruh, iżda tkun Grazzja, bħalma rċieva dan il-bniedem tal-Vanġelu. Jekk nindunaw, min jaf, għandu mnejn nibdew nużaw ġidna skont Alla billi nagħmlu karità ma’ tant nies fil-bżonn, ngħinu l-Evanġelizzazzjoni li twettaq il-Knisja... u tibda tinduna kemm nies tferraħ.  Dawn se jkunu jgħajtu għalik quddiem Alla f’Jum il-Ħaqq għax int tkun “mellaħt” ġidek u għamiltu qaddis bil-karità tiegħek.

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

QARI I
Intbaħt li l-għana mhu xejn ħdejn il-għerf.
Għerf 7:7-11

Qari mill-Ktieb tal-Għerf

Jien tlabt u qlajt l-għaqal;
sejjaħt, u ġie fuqi l-ispirtu tal-għerf.
Dan l-għerf qistu aqwa minn kull xettru u tron,
u ntbaħt li l-għana mhu xejn ħdejh.
Ma xebbahtx miegħu l-ħaġra l-aktar prezzjuża,
għax id-deheb kollu ħdejh mhuwiex ħlief ftit ramel,
u l-fidda quddiemu qisha ftit tajn.
Aktar mis-saħħa u s-sbuħija ħabbejtu,
u għoġobni aktar mid-dawl;
għax id-dija tiegħu ma tgħib qatt.
Mal-għerf ġieni l-ġid kollu,
u miegħu ġiebli għana bla qies.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 89(90):12-13,14-15,16-17

R/. (14): Imliena bit-tjieba tiegħek, Mulej.

Għallimna ngħoddu jiem ħajjitna,
sabiex aħna nimxu bil-għaqal.
Dur lejna, Mulej! Kemm se ddum?
Ħenn għall-qaddejja tiegħek. R/.

Imliena kmieni bit-tjieba tiegħek,
biex nifirħu u nithennew ħajjitna kollha.
Ferraħna daqskemm għakkistna,
għas-snin li fihom rajna l-ħsara. R/.

Ħa jidher għemilek quddiem il-qaddejja tiegħek,
u l-kobor tiegħek quddiem uliedhom.
Ħa tkun fuqna l-grazzja ta’ Alla Sidna!
Wettqilna inti x-xogħol ta’ jdejna,
wettaq, iva, xogħol idejna. R/.

QARI II
Il-Kelma ta’ Alla tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb.
Lhud 4:12-13

Qari mill-Ittra lil-Lhud

Ħuti, il-kelma ta’ Alla hi ħajja u qawwija, taqta’ aktar minn xabla b’żewġt ixfar; hija tinfed sa tifred minn xulxin ir-ruħ u l-ispirtu u l-ġogi u l-mudullun; u tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb. Xejn ma hemm fil-ħolqien li hu moħbi għalih, imma kollox hu miftuħ għal għajnejn Alla, li lilu rridu nagħtu kont.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mt 5:3

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Henjin il-foqra fl-ispirtu,
għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
R/. Hallelujah.

EVANĠELJU
Mur, bigħ li għandek, u ejja u imxi warajja.
Mk 10:17-30

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġesù kien se jaqbad it-triq lejn Ġerusalemm, meta mar fuqu wieħed jgħaġġel, niżel għarkupptejh quddiemu u qallu: “Mgħallem tajjeb, x’għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?”.

Qallu Ġesù: “Għaliex qiegħed issejjaħli tajjeb? Ħadd mhu tajjeb ħlief Alla biss. Inti l-kmandamenti tafhom: la toqtolx, la tiżnix, la tisraqx, la tixhidx fil-falz, la tiħux bil-qerq dak li hu ta’ ħaddieħor; weġġaħ lil missierek u ’l ommok”.

U dak wieġbu u qallu: “Mgħallem, jiena dan kollu ili nħarsu minn żgħożiti”. Imbagħad Ġesù xeħet fuqu ħarsa ta’ mħabba u qallu: “Ħaġa waħda tonqsok: mur bigħ li għandek, agħtih lill-fqar, u jkollok teżor fis-sema; imbagħad ejja u imxi warajja”. Imma għal dan il-kliem ir-raġel qarras wiċċu u telaq b’qalbu sewda, għaliex kellu bosta ġid.

Ġesù mbagħad ħares ħarsa madwaru u qal lid-dixxipli tiegħu: “Kemm hi iebsa għall-għonja li jidħlu fis-Saltna ta’ Alla!”. Id-dixxipli stagħġbu għal din il-kelma, imma Ġesù raġa’ qalilhom: “Kemm hi iebsa, uliedi, li wieħed jidħol fis-Saltna ta’ Alla! Eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn ta’ labra milli wieħed għani jidħol fis-Saltna ta’ Alla”. Huma stagħġbu wisq aktar, u bdew jgħidu wieħed lill-ieħor: “Mela min jista’ jsalva?”. Ġesù ħares lejhom u qalilhom: “Għall-bnedmin dan ma jistax ikun, imma għal Alla iva; għax għal Alla kollox jista’ jkun”.

Qabeż Pietru u qallu: “Tajjeb! Aħna ħallejna kollox u ġejna warajk”. Qallu Ġesù: “Tassew ngħidilkom, li fost dawk kollha li minħabba fija u l-Evanġelju jħallu lil darhom jew lil ħuthom jew lil ommhom jew lil missierhom jew lil uliedhom jew l-għelieqi tagħhom, ma hemm ħadd fosthom li minn issa, f’din id-dinja stess, ma jirċevix, għal mitt darba iktar, djar, aħwa, subien u bniet, ommijiet, ulied u għelieqi flimkien ma’ persekuzzjonijiet, u l-ħajja ta’ dejjem fiż-żmien li ġej”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/.
Tifħir lilek, Kristu.

 
< Prev   Next >