Sunday, 05 December 2021
           
Home arrow News arrow Latest arrow ID-DISGHA U GHOXRIN HADD MATUL IS-SENA (2021) IL-KNISJA-OMM
ID-DISGHA U GHOXRIN HADD MATUL IS-SENA (2021) IL-KNISJA-OMM PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 16 October 2021

Din hija il-Liturgija tad-Disa u Ghoxrin Hadd matul is-Sena (2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.

004-james-john.jpg

 

Martinu Luteru, li fis-seklu sittax beda x-xiżma protestanta fi ħdan il-Knisja, ma kienx bniedem ta’ intenzjoni ħażina, anke jekk qajla kien jaf jikkontrolla lilu nnifsu u fl-aħħar spiċċa biex qasam il-Kristjanità, ħaġa li oriġinarjament qatt ma ħolom li jagħmel.  Imbagħad kien hemm oħrajn, fi żmienu u warajh, li komplew iwessgħu il-firda bejn l-Insara.  Għal-Luterani u l-protestanti l-oħra, il-Knisja ma baqgħetx dak is-sinjal qawwi ta’ Omm li takkompanja l-mixja ta’ wliedha lejn il-pajjiż li qed jistennihom.  Huma għafsu aktar fuq ir-relazzjoni personali tal-bniedem ma’ Alla... int u Alla... il-bqija ma tantx hu mportanti.

 

Dan l-individwaliżmu li jeħodha kontra min irid jikkontrolla kien żball kbir li jmur kontra t-tradizzjoni Bibblika.  Alla sejjaħ bniedem wieħed, Abraham, imma mhux biex jibqa’ waħdu, jew ikollu esperjenza waħdu ta’ Alla, imma biex minnu joħroġ il-Poplu Magħżul.  U lanqas dan il-Poplu ta’ Alla ma kien fil-pjan qaddis li jibqa’ waħdu imma li kellu jasal iż-żmien meta minnu tixtered ma’ wiċċ l-art kollha il-leħen jirbombja tal-Kerigma, tal-Aħbar it-Tajba li l-Mewt intrebħet, Halleluja!  Poplu, Ġens, Knisja.  Illum dan il-leħen għadu jiġri sal-ibgħad irkejjen ixandar bil-ferħ li Alla hekk ħabb lill-bniedem li Hu bagħat lil Ibnu l-Waħdieni biex kull min jemmen fih ikollu l-Ħajja ta’ Dejjem.  (Ġw. 3, 16).   Din ir-rebħa hu akkwistaha bil-Misteru tal-Għid li għex b’risq ta’ kull wieħed u waħda minna. 

Imma malli bniedem jemminha din l-Aħbar, iħoss il-bżonn li jakkompanja u jkun akkompanjat minn ġens li bħalu emmen il-Kelma.  Għax il-Fidi hija Mixja.  Hija Mixja bħal ta’ Abraham, bħal ta’ Iżrael.  Mixja mimlija ġrajjiet li jew isaħħu jew idgħajfu l-Fidi.  Mixja ta’ rebħiet u ta’ telfiet.  Mixja ta’ passi kollhom enerġija, imma wkoll ta’ waqgħat għal wiċċna fl-art, minn fejn ikollna bżonn li xi ħadd jgħinna nqumu.  Iżrael kellu l-esperjenza tad-deżert.  Erbgħin sena fid-deżert!  Għaliex?  Kien għadu mhux lest biex jiret il-Wegħdiet.  Dan ifisser li l-Fidi tiegħu kienet għadha dgħajfa mmens.  Ħoloq l-idolu fid-deżert.  Gerger fid-deżert.  Ried jerġa’ jmur lura lejn l-Eġittu fid-deżert.  Ħadha għat-tbaħrid fid-deżert u meta ltaqa’ ma ġens imħassar, taha għaż-żina bħalu. 

 

Nittama li ħadd minna ma jitkaża b’dan.  Iżrael huwa jien, huwa int.  Dan kollu kellna esperjenza tiegħu f’ħajjitna.  Bi ftit dawl tal-Kelma nindunaw b’dan.  Id-deżert, il-Mixja ta’ konverżjoni, il-Mixja lejn is-sema pajjiżna, hija esperjenza wisq tqila u perikoluża biex wieħed ifettilu jimxiha waħdu.  Hawn żbalja Luteru meta naqqas il-ħtieġa ta’ Knisja fil-Ħajja tan-Nisrani.  Wieħed jgħid: “Ngħaddu minn hawn”, l-ieħor ma jaqbilx miegħu u jgħid: “Le! Naħseb li minn hemm aħjar”,  u billi issa aħna demokratiċi għandna d-dritt naqbdu liema triq togħoġobna!  U jitwieldu s-settet u x-xiżmiet.

 

Id-deżert hu post imwiegħer biex wieħed jaqsmu waħdu.  Jiġu mumenti meta fis-sħana jispiċċalek l-ilma... il-Kelma ma tibqax tolqtok.  Jew, bla ma tinduna, is-sriep jersqu lejk inkiss inkiss u tingidem mit-tentazzjoni bla ma jkollok min iwissik.  Jew taqa’ taħt idejn il-banda tal-ħallelin li jsawtuk u jisirqulek il-għana tal-Wegħda tal-pajjiż sabiħ li riesaq lejh.  Barra minn dan kollu, fid-deżert il-bniedem iħossu waħdu u jivvinta l-idoli.  Aktarx li wara dan kollu jispiċċa jrid jerġa’ jdur lura lejn il-qagħda, il-post li minnu kien telaq, bħalma xxenqu l-Lhud!  “Kif kont qabel, kont aħjar”, jgħid, “mingħajr Alla, l-Eġittu, aħjar!”

 

Kien għalhekk li l-Mulej Ġesù waqqaf il-Knisja biex tkun Omm li tindokra, li tagħti sigurtà, li tkun taf it-triq minn qabel u hekk kull min hu fidil lejha ma jaqbadx triq b’oħra.  Kemm hu sabiħ il-ħsieb tal-Knisja-Omm!  Imma din il-Knisja jkollha taħdem b’istituzzjonijiet.  Hemm il-Knisja bħala Omm, bħala l-Ġisem mistiku ta’ Kristu, u hemm il-Knisja-istituzjoni, u hawn jibda l-inkwiet.  L-appostli kollha riedu jilħqu xi post prominenti fis-Saltna, fil-Knisja.  Il-Vanġelu tal-lum jurina dan.  Huma riedu jogħlew fl-istituzzjoni, fil-ġerarkija tal-Knisja.  Din hija n-natura mwaqqa’ tal-bniedem.  Il-vjaġġ fid-deżert mhu xejn għajr Mixja lil hemm min-natura ambizzjuża li biha jitwieled kull bniedem għal natura ġdida, in-natura ta’ Alla nnifsu, in-natura tal-Qaddej ta’ Jahweh.

 

L-ewwel qari jitkellem fuq dan il-Qaddej li neża’ għal kollox minnu nnifsu.  Kienet l-Imħabba li neżżegħtu mill-“Jien” tiegħu u ħsiebu biss kien kif jaqdi lil Alla u lill-oħrajn.  Isaija ra iktar minn darba d-dehra ta’ dan il-Qaddej, li kellu jkun Ġesù, l-Mulej tagħna.  Il-Kelma tgħid li jekk jofri lilu nnifsu b’sagrifiċju ta’ tpattija, huwa għad jara nisel bla tmiem.  (Is. 53, 10).  Ekku l-Knisja!  Il-Knisja titwieled mill-Qaddej ta’ Jahweh li jobdi lil Alla sal-Mewt tas-Salib.  Huwa ħa fuqU il-ħtijiet kollha tal-umanità u ħassarhom kollha, kollha fuq is-Salib. Mhux biss, imma Hu rebaħ il-Mewt u sar Spirtu li jinagħta lil kull min jemmen fih.  Kristu huwa l-Ispirtu li jixtered u jimmultiplika ruħu f’dawk li jemmnu fiH... il-Knisja. 

 

Għalhekk il-Knisja dejjem hi xbiha ta’ dan il-Qaddej, għax minn ġenbu ħarġet fuq is-Salib bħalma Eva ħarġet minn ġenb Adam.  Inħarsu lejn din il-Knisja u mhux lejn ix-xbieha umana tagħha, l-istituzzjonijiet tagħha li kull tant, mhux dejjem, kull tant jiżbaljaw u jkunu ta’ skandlu.  Il-Knisja, li hija l-Qaddejja ta’ Jahweh tinagħta għal kull bniedem, tmut għal kull bniedem, tilqa’ fiha t-tgħajjir, l-akkużi bla ma tirritalja għax fiha jgħammar dejjem l-Ispirtu ta’ Ġesù li miet propju għal dawk li bdew jgħajtu: “Sallbu!  Sallbu!”.  Il-Knisja tifraħ meta dawk li jaħqruha jiltaqgħu mal-Grazzja u jkunu bħal dawk li ħadmu fl-aħħar siegħa imma tħallsu l-istess bħal dawk li ħadmu l-jum kollu.  Din hija l-Knisja vera li mingħajrha ma nsibux lil Kristu li jsalvana.

 

Fil-Knisja hemm it-tron tal-grazzja minn fejn nirċievu l-Ispirtu rebbieħ fuq il-biża’ tal-Mewt, rebbieħ fuq il-ġibdiet tad-dnub.  Dan it-tron tal-Grazzja mhu ħadd ħlief Ġesù Kristu l-Iben ta’ Alla li jgħader in-nuqqas ta’ ħila tagħna, li ġie mġarrab bħalna f’kollox, minbarra d-dnub.  (Lhud 4, 15).  Huwa hu l-Qassis il-Kbir tagħna.  FiH jinsab ingastat kull min jemmen.  Hu huwa t-tmiem tal-Mixja tagħna megħjuna mill-Knisja-Omm f’dan id-deżert li huwa d-dinja.

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

QARI I
Is-sagrifiċċju ta’ Kristu.
Is 53, 10-11

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

Il-Mulej għoġbu jgħakksu bil-mard.
Talli joffri ruħu b’sagrifiċċju ta’ riparazzjoni,
huwa għad jara nisel u jtawwal jiemu;
u r-rieda tal-Mulej isseħħ bih.
Wara t-tbatija tiegħu għad jara d-dawl,
jixba’ bit-tagħrif tiegħu.
Il-ġust jiġġustifika lill-qaddej tiegħu quddiem il-kotra,
u l-ħażen tagħhom jitgħabba bih hu.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 32 (33), 4-5.18-19.20.22

R/. (22): Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna,
kif fik hi t-tama tagħna

Sewwa hi l-kelma tal-Mulej,
kollox bil-fedeltà huwa għamel.
Hu jħobb id-dritt u s-sewwa;
bit-tjieba tal-Mulej mimlija l-art. R/.

Ara, għajnejn il-Mulej fuq dawk li jibżgħu minnu,
fuq dawk li jittamaw fit-tjieba tiegħu,
Biex jeħilsilhom mill-mewt ħajjithom,
u jaħjihom fi żmien il-ġuħ. R/.

Ruħna tixxennaq għall-Mulej,
hu l-għajnuna u t-tarka tagħna.
Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna,
kif fik hi t-tama tagħna. R/.

QARI II
Nersqu b’qalbna qawwija lejn it-tron tal-grazzja.
Lhud 4, 14-16

Qari mill-Ittra lil-Lhud

Ħuti, meta aħna għandna l-qassis il-kbir, li hu tassew kbir, qassis li daħal fis-smewwiet, Ġesù, Bin Alla, ħa nżommu sħiħa l-fidi tagħna u nistqarruha. Għax aħna ma għandniex qassis il-kbir li ma jistax jagħder id-dgħufija tagħna, imma għandna wieħed li kien imġarrab bħalna f’kollox, minbarra d-dnub.

Ħa nersqu, mela, b’qalbna qawwija lejn it-tron tal-grazzja, biex naqilgħu ħniena u nsibu f’waqtha l-grazzja li neħtieġu.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mk 10, 45

Hallelujah. R/. Hallelujah
Bin il-bniedem, ma ġiex biex ikun moqdi,
imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Bin il-bniedem ġie biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra.
Mk 10, 35-45

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew, resqu lejh u qalulu: “Mgħallem, dak li se nitolbuk irriduk tagħtihulna”. “Xi triduni nagħmlilkom?” staqsiehom. U huma weġbuh: “Ħallina noqogħdu wieħed fuq il-lemin tiegħek u l-ieħor fuq ix-xellug fil-glorja tiegħek”.

Imma Ġesù qalilhom: “Ma tafux x’intom titolbu. Għandkom ħila tixorbu l-kalċi li se nixrob jien, u titgħammdu bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien?”. ”Għandna”, qalulu. Imbagħad qalilhom Ġesù: “Il-kalċi li se nixrob jien tixorbuh, iva, u titgħammdu wkoll bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien; imma li wieħed joqgħod fuq il-lemin jew fuq ix-xellug tiegħi, din mhijiex ħaġa tiegħi li nagħtiha jien, imma hi għal dawk li għalihom kienet imħejjija”.

L-għaxra l-oħra, meta semgħu dan, saħnu għal Ġakbu u għal Ġwanni. Imma Ġesù sejħilhom u qalilhom: “Tafu intom, dawk in-nies, li l-bnedmin jgħodduhom bħala kapijiet tal-pagani, jaħkmu fuqhom, u l-kbarat tagħhom iħaddmu s-setgħa tagħhom fuqhom. Fostkom ma għandux ikun hekk, imma min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom, u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu joqgħod ilsir ta’ kulħadd. Għax hekk ukoll Bin il-bniedem, hu ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/.
Tifħir lilek Kristu

 
< Prev   Next >