Din
hija il-Liturgija tat-Tletin Hadd matul is-Sena (2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Ninsabu fi żmien
delikat u mportanti għall-Knisja. Żmien
ta’ mportanza epokali, sejjaħlu San Ġwann Pawlu II. Dawk li jiftakru l-Knisja tal-imgħoddi u
mikulin bin-nostalġija għaliha, jiftakru l-knejjes mimlija bin-nies anke
kuljum. Jiftakru ħajja li kienet iddur
madwar il-Knisja u ċ-ċelebrazzjonijiet tagħha.
Kien żmien li fih meta wieħed kien jaqa’ fi kriżi ta’ Fidi minħabba xi
ċirkostanzi diffiċli, kien jibqa’ jittama fil-Mulej, għax kienet ħaġa tal-biża’
li wieħed jitlef il-Fidi.
Għal dawn in-nies
nostalġiċi, donnu li kollox qiegħed jikkrolla u jaqa’. Jistagħġbu meta jaraw kif inbidlu l-valuri
ta’ poplu. Fil-verità, il-Fidi ġġagħalna
naħsbu mod ieħor. Alla huwa Sid
l-Istorja. Kollox qed jiġri bħala parti
minn Pjan Qaddis ta’ Alla li jrid ineżża’ l-Knisja minn dak li hu żejjed, li
kien jagħti frott fl-imgħoddi imma għadda żmienu. Kif qal xi ħadd: “Kif jista’ jkun li xi darba
l-Knisja tkun fi kriżi, tinfixel, taqta’ qalbha, tħossha mhedda li l-għedewwa
ser jirbħulha... kif jista’ jkun dan meta l-Kelma ta’ Alla turina li dan
il-Poplu li jemmen huwa l-Ġisem mistiku ta’ Kristu rebbieħ fuq il-Mewt? Il-Mewt ma tistax taħsad il-ħajja mill-Knisja
għax, Kristu, ir-Ras tagħha, rebaħ darba għal dejjem il-mostru tal-Mewt. Il-Knisja hija l-Ġisem glorjuż tal-Mulej
rebbieħ fuq dak kollu li jkidd il-bniedem. Huwa l-poplu, mhux il-Knisja, li
jinsab miexi fid-dlam. Huwa l-poplu, li
qed jitlef id-Dawl u qed jagħma. Huwa
l-poplu, li safa mqarraq mill-kultura dominanti neo-pagana tal-lum li qegħda
tofrilu t-tlellix inutli tal-għana.
Din mhix storja
ġdida. Iżrael għaddha mill-istess
esperjenza. Stagħna. Simen.
Nesa l-bżonn ta’ Alla li ħarġu mill-Eġittu u li fiH kellu għeruqu. Ikkopja l-kultura tal-ġirien pagani. Tilef id-Dawl u agħma. Dak li kien jagħmlu differenti u jagtih
l-identità, ċedieħ. Bħal Għeżaw, ħu
Ġakobb, hu biegħ il-primoġenitura għal platt għazz. Sar komuni, bħall-oħrajn. Ir-riżultat?
Ġie eżiljat minn pajjiżu, l-Art tal-Wegħda. Ġerusalemm meqruda; it-Tempju mikul min-nar;
u l-kotra tal-poplu misjuqa mill-għedewwa lejn l-art ta’ Babilonja.
Ġeremija kien
il-profeta li quddiem għajnejh ġara dan id-diżastru kollu. Kien għex il-missjoni tiegħu jipprova jsalva
dak li kien mitluf. Kien jaf x’hemm
imdendel fuq il-poplu għax kellu d-dixxerniment tal-Ispirtu. Imma l-poplu ddieħaq bih u l-kbarat
ippersegwitawh. Iżda, għalkemm Alla kien
imwarrab, Hu kien għadu s-Sid ta’ kollox.
Hu ried li jsaffi mhux jeqred. Hu
ried li jġedded mhux jikkastiga. Għal
Alla kollox fih sens. Il-poplu kellu
bżonn jgħaddi minn esperjenza ta’ ġiri wara r-riħ biex jinduna li anke jekk
ikollok id-dinja kollha, jekk m’għandekx lil Alla int tlift l-għeruq tiegħek li
bihom terda’ l-Ħajja. Ġew l-għedewwa u l-gwerra
għamlet dak li dejjem tagħmel. Il-poplu
li kien bla Alla spiċċa fl-Eżilju.
Imma fil-qalba ta’ dan
kollu ġara fatt kurjuż. Alla jgħid lil
Ġeremija biex imur jixtru biċċa
art. Ġeremija jistagħġeb. Bil-belt se taqa’ l-aħħar nett f’idejn
l-għedewwa rrabbjati għaliha, bil-pajjiż imkisser, u bl-Eżilju fil-qrib, kien
tal-ġenn li xi ħadd jixtri xi ħaġa biex jiżviluppaha! U l-profeta, li sadanittant kien il-ħabs,
jagħmel kif qallu Alla għax fehem li Iżrael għad jerġa’ lura lejn artu,
imġedded, imsoffi, u mqaddes, u mill-ġdid għad jithenna bl-Art li Alla kien
tah. Għalhekk l-Ewwel Qari tal-lum
jikkwota lil Ġeremija li kollu ferħan, waqt id-dieqa nazzjonali, jgħid: “Dan jgħid il-Mulej: Għannu bil-ferħ għal
Ġakobb, sellmu lill-ewlieni fost il-ġnus!
Il-Mulej se jsalva l-poplu tiegħu.
Arawni se niġborhom mit-tramuntana.
Jiena nfarrraġhom u ngħaddihom minn triq dritta li ma jitfixklux
fiha. Għax jien sirt missier għal
Iżrael, u Efrajm it-tifel il-kbir tiegħi.” (Ġer. 31, 7w).
Il-Knisja hija
l-Iżrael ta’ Alla llum. Hija l-“Fdal” li
tibqa’ fidila lejn il-Mulej. Hija d-Dawl
li tkeċċi d-dlam tad-dinja. Hija l-Ġisem
tal-Qassis il-Kbir li huwa Kristu kif tgħid l-Ittra lil-Lhud. Għal Kristu, u allura għall-Knisja li hija
mwaħħda fiH, Alla jgħid: “Ibni int;
illum jien nissiltek.” U kif tgħid ukoll band’ oħra: “Int Qassis għal dejjem
skont l-ordni ta’ Melkisedek.” (Lhud 5,
6). Hi dejjem tħares lejn il-bnazzi
li riesaq fil-qalba tal-maltemp għax taf f’min emmnet. Il-Papa Benedittu XVI kien profeta meta fis-sena
1969 qal:
“Mill-kriżi se toħroġ Knisja li ssir ċkejkna. Se titlef segwaċi u magħhom ħafna
mill-privileġġi tagħha fis-soċjetà. Se
tippreżenta ruħha bħala komunità ħielsa, li fiha tista’ tidħol biss permezz ta’
deċiżjoni, (u mhux għax idaħħlek ħaddieħor, jew
minħabba l-kultura tal-pajjiż). Li tkun komunità żgħira, se titlob ħafn’aktar
inizjattiva minn kull wieħed mill-membri tagħha.
Imma f’dan it-tibdil, il-Knisja se terġa ssib dak li hu essenzjali
għaliiha: il-fidi fl-Alla Trinitarju, f’Ġesù Kristu, Bin Alla, magħmul bniedem,
l-għajnuna tal-Ispirtu li se tibqa’ sal-aħħar.
Il-Knisja għal darb’oħra se terġa’ tagħraf il-veru ċentru tagħha
fil-fidi u fit-talb u se terġa’ tgħix is-sagramenti bħala ċelebrazzjoni.
Imma wara l-prova ta’ dal-firdiet, se toħroġ qawwa kbira minn Knisja li
daħlet daħla fiha nfisha u li saret sempliċi, għax il-bnedmin se jkunu weħidhom
b’mod li ma jingħadx f’dinja għalkollox kontrollata. Se jġarrbu l-faqar assolut u tal-waħx
tagħhom, meta Alla jgħib totalment minn ħajjithom. U mbagħad se jiskopru l-komunità żgħira ta’
dawk li jemmnu bħala xi ħaġa għalkollox ġdida.
Bħala tama għalihom, bħala tweġiba li dejjem fittxew.
Jidhirli li żminijiet diffiċli ħafna qed jistennew lill-Knisja. Żgur li ma tibqax il-forza dominanti
fis-soċjetà fil-qies li kienet sa ftit żmien ilu. Imma se terġa’ twarrad u se terġa’ tidher
lill-bnedmin bħala art twelidhom li ttihom il-ħajja u t-tama lil hinn
mill-mewt.”
L-Insara, dalwaqt
ikunu dawk li wara li jkunu daqu żmien twil ta’ agħma, ta’ vojt, iduru mimlija
ħerqa lejn Kristu u jgħajtulu: “Ġesù,
bin David, ikollok ħniena minni!” (Mk.
10, 47). Għax bħall-agħma Bartilmew
bin Timew se jgħarfu li fi Kristu biss, għaddej minn quddiemhom fil-figura
tal-Knisja, hemm tama. Il-poplu, bħal
adoloxxenti li qed jara d-dinja għall-ewwel darba, jintilef warajha,
jimpressjona ruħu b’li jgħid u jagħmel ħaddieħor barra mill-ġenituri tiegħu li
minnhom irċieva kollox. Imma jasal jum
meta jgħid f’qalbu: “Ma missieri u ommi
kont aħjar; kellhom raġun!” U jerġa
lura, matur, konvint, imġedded.
Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:
QARI I
Il-Mulej salva l-poplu tiegħu.
Ġer 31:7-9
Qari
mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija
Dan
jgħid il-Mulej:
“Għannu bil-ferħ għal Ġakobb,
sellmu lill-ewlieni fost il-ġnus.
Xandru, faħħru u niedu:
‘Il-Mulej salva l-poplu tiegħu,
il-fdal ta’ Iżrael’.
Arani,
se nġibhom minn art it-tramuntana,
niġborhom minn truf l-art,
ilkoll kemm huma,
l-għomja u z-zopop,
in-nisa bit-tfal u n-nisa fil-ħlas:
kotra kbira terġa’ lura hawn.
Jiġu bil-biki,
imma nfarraġhom jiena u nġibhom lura.
Immexxihom lejn l-ilma ġieri,
minn mogħdijiet watja biex ma jitfixklux.
Għax jien missier għal Iżrael,
u Efrajm hu ibni l-kbir”.
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM RESPONSORJALI
Salm 125(126):1-2ab,2ċd-3,4-5,6
R/.(3):
Kbir f’għemilu l-Mulej magħna!
Meta
l-Mulej reġġa’ lura l-imjassra ta’ Sijon,
konna qisna mitlufa f’ħolma;
imbagħad bid-daħk imtela fommna,
u bl-għajat ta’ ferħ ilsienna. R/.
Imbagħad
bdew jgħidu fost il-ġnus:
“Kbir f’għemilu l-Mulej magħhom”.
Kbir f’għemilu l-Mulej magħna!
U aħna bil-ferħ imtlejna. R/.
Biddel,
Mulej, xortina
bħall-widien tan-Negeb!
Dawk li jiżirgħu fid-dmugħ
jaħsdu bl-għana ta’ ferħ. R/.
Huma
u sejrin imorru jibku,
iġorru ż-żerriegħa għaż-żrigħ.
Iżda huma u ġejjin lura jiġu b’għana ta’ ferħ,
iġorru l-qatet f’idejhom. R/.
QARI II
Int qassis għal dejjem.
Lhud 5:1-6
Qari mill-Ittra
lil-Lhud
Kull qassis il-kbir
meħud minn fost il-bnedmin, hu mqiegħed għall-bnedmin f’dak li għandu x’jaqsam
ma’ Alla, biex joffri doni u sagrifiċċji għad-dnubiet. Hu dak li jista’ jagħder
’il dawk li ma jafux u li jiżbaljaw, għax huwa mlibbes bid-dgħufija; u minħabba
f’hekk għandu joffri sagrifiċċji għad-dnubiet tiegħu wkoll, bħalma joffrihom
għad-dnubiet tal-poplu.
Ħadd m’għandu jieħu
b’idejh dal-ġieħ għalih innifsu, imma biss min hu msejjaħ minn Alla, sewwasew
kif kien imsejjaħ Aron. Għax hekk ukoll Kristu ma tax lilu nnifsu l-ġieħ li
jkun il-qassis il-kbir, imma dan tahulu Alla, li qallu: “Ibni int; illum jien
nissiltek”. U kif jgħid ukoll band’oħra: “Int qassis għal dejjem skont l-ordni
ta’ Melkisedek”.
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara 2 Tim 1:10
Hallelujah. R/.
Hallelujah.
Is-Salvatur tagħna Kristu Ġesù qered il-mewt
u dawwal il-ħajja permezz tal-Evanġelju.
R/. Hallelujah.
EVANĠELJU
Mgħallem, agħmel li jiena nara.
Mk 10:46-52
Qari mill-Evanġelju
skont San Mark
F’dak iż-żmien, waqt
li Ġesù kien ħiereġ minn Ġeriko flimkien mad-dixxipli tiegħu u ma’ kotra kbira
ta’ nies, kien hemm wieħed tallab agħma, jismu Bartimew, bin Timew, bilqiegħda
mal-ġenb tat-triq. Dan, meta sama’ li kien Ġesù ta’ Nazaret, qabad jgħajjat u
jgħid: “Ġesù, bin David, ikollok ħniena minni!”.
Kien hemm ħafna li
bdew jgħajtu miegħu biex jiskot imma hu aktar beda jgħajjat: “Bin David,
ikollok ħniena minni!”.
Ġesù waqaf u qal:
“Sejħulu”. Huma sejħu l-agħma u qalulu: “Agħmel il-qalb! Qum, qiegħed
isejjaħlek”. Dak tajjar il-mantar minn fuqu, qabeż fuq riġlejh u mar ħdejn
Ġesù.
U Ġesù kellmu u qallu:
“Xi tridni nagħmillek?”. “Li nerġa’ nara, Rabbuni”, wieġbu l-agħma.
U Ġesù qallu: “Mur, il-fidi tiegħek fejqitek”. U minnufih raġa’ beda jara, u
baqa’ miexi warajh fit-triq.
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.
|