Din
hija il-Liturgija tal- Wiehed u Tletin Hadd matul is-Sena (2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Kemm hu mportanti
l-Qari li għandna għall-Ewkaristija ta’ dan il-Ħadd! Ninsabu resqin lejn tmiem is-Sena Liturġika u
daqt nidħlu fl-istennija ħelwa tal-Avvent.
Se jkun żmien li fih nittamaw li nidħlu iktar ’il ġewwa fl-għarfien
tal-għaġeb qaddis tal-Inkarnazzjoni, meta Alla jiċċekken, jiċċekken sa min
jinżel saħansitra ’l isfel minna, biex ikun jista’ jerfagħna ’l fuq lejn
l-Eternità. Fi Kristu Alla wera min
hu: Alla hu Mħabba għal ħbiebu, għal min
iħobbu, għal min kien xi darba ħabib imma issa bired, għal min ma jagħtix kasu,
għal min ma jħossx li għandu bżonnu, għal min jadura ‘allat’ oħra u saħansitra
għal min jobogħdu! Min hu Alla,
allura? Alla hu Mħabba.
Il-Qari tal-lum se
jitkellem fuq l-Imħabba. Mhix l-Imħabba
umana, anke jekk din hi sabiħa u fiha għaxqa fost it-taqlib li fih ngħixu. Imħabba waħda hemm li ssalva l-bniedem u din
hi l-Imħabba ta’ Alla: l-agapè; Imħabba bla limiti, bla kondizzjoni u għal
kulħadd. Jekk int imbiegħed minn Alla,
irrabjat għaliH għax għaddejt minn Storja diffiċli u determinat li tfittex
is-sens u l-Ferħ tal-Ħajja band’oħra ’l bogħod minnU, kun af li tagħmel
x’tagħmel, Hu jħobbok, jgħadrek, jifhmek, kollu sabar quddiem l-opinjonijiet
tiegħek.
San Pawl kien bniedem
li għex żewġ estremi kbar. L-ewwel parti
ta’ ħajtu kienet iddominata mill-ossessjoni marida li kellu dwar il-Liġi. Kien Fariżew prim! Fil-Liġi ta’ Mosè u l-preċetti li ssawru
madwar din il-Liġi mir-rabbini matul is-sekli, kien jara lil “Iżrael
il-perfett”. Dan ġagħlu jiġġudika u
jobgħod lil dawk l-Iżraelin li, fl-opinjoni tiegħu, kienu tbegħedu minn dan
l-idejal. U hekk waqa’ fin-nasba
“reliġjuża” tal-isforzi għall-ittra tal-Liġi waqt li jfalli u lanqas biss jibda
biex ikun “perfett” quddiem Alla billi jħobb lill-proxxmu. Meta sab lil Kristu, bi Grazzja u mhux
bil-ħila tiegħu, hu tbellah quddiem l-għeġubijiet tal-Verità li hi l-Imħabba
murija fi Kristu Ġesù. Fuq l-Imħabba
ġdida, immensa, li skopra meta nduna x’għamel għalih l-Iben ta’ Alla, hu
qal: Imqar li kont nitkellem bl-ilsna tal-anġli, jekk m’għandix Imħabba,
x’jiswa? Imqar li kelli d-don
tal-profezija u kont naf il-misteru kollha; u kieku kelli fidi tant sħiħa li
biha nqanqal il-muntanji, jekk m’għandix Imħabba x’jiswa? Imqar li kelli nqassam ġidi kollu lill-foqra
u nagħti ġismi biex jinħaraq, jekk m’għandix Imħabba, x’jiswa? (1 Kor. 13, 1-3). Għax
il-bniedem kapaċi jagħmel ħafna affarijiet, anke jqassam ġidu, anke jkun kapaċi
jħoll il-qlub bil-mod kif jitkellem dwar Alla, imma, jekk m’għandux Imħabba,
dan kollu jagħmlu għas-sodisfazzjon tiegħu innifsu, biex jikber hu quddiem
għajnejh u għajnejn in-nies. Ħafna
affarijiet kapaċi jagħmel il-bniedem, ħlief ħaġa waħda: li jħobb lill-għadu
tiegħu. Din l-Imħabba impossibbli
tinsab għand Alla biss. Il-bniedem hu
bil-wisq miġrugħ minn ġewwa, u limitat mill-biża’ tal-Mewt li jagħmlu egoista
f’kollox, anke fl-imħabbiet tiegħu.
Mela jekk din l-Imħabba, din l-agapè, hi ħaġa divina u mhux umana,
x’tama għandna aħna? Kif se
nakkwistawha, la n-Nisrani għandu jintagħraf minn din l-Imħabba li ma tinsabx
fid-dinja madwaru? Santa Teresina
tal-Bambin Ġesù, waqt li kienet titħasseb fuq dan, ħolmot li rat lilha nnifisha
tifla ċkejkna ħafna, quddiem taraġ kbir li jinfed is-sħab u jwassal sas-Sema,
sas-Saltna ta’ Alla. Kemm xtaqet titla’
dan it-taraġ, imma meta ppruvat, bl-isforzi tagħha, titla’, rat li kull tarġa
kienet ħafna ikbar minnha. Lanqas kienet
kapaċi titla’ l-ewwel waħda! U qagħdat
bilqegħda fl-art u bdiet tibki. Imma dak
il-ħin stess tara id nieżla mis-sema li poġġietha fuq il-pala tagħha u, ħaġa
tal-għaġeb, tellegħtha malajr, malajr it-taraġ kollu! Il-Grazzja! Dak li hu mpossibbli għalina jsir
tassew possibli f’Alla, bil-qawwa tiegħU.
Din il-Grazzja hi mftuħa għalina,
anzi hi mwegħda lilna li ġejna mgħammda fi Kristu u fuqna tnissel l-Isem tiegħu
dak in-nhar. Min xtralna l-kapaċita li
nħobbu fil-qjies ta’ Alla nnifsu? Min
fejn ġiena dan li nsiru nies ġodda?
Bil-Misteru tal-Għid tiegħU, jiġifieri bil-Mewt u l-Qawmien tiegħU,
Kristu rebaħ merti eterni, bla qjies, bla tmiem għalija, għalik u għal kull min
jemmen fiH. Bit-tbatija u l-Mewt tiegħU
Hu patta għad-dnubiet kollha ta’ Ħajjitna, ħasilna fil-Maħfra bla tmiem tiegħU,
u meta l-Missier qajmu mill-Mewt għamlu Spirtu Qaddis li jinagħta lill-bnedmin
li jemmnu fih. B’dan l-Ispirtu, għalina
issa sar possibbli li nħobbu bil-mod tiegħU.
Ara ma jkunx hemm xi ħadd fostna li
jgħid: “Sabiħ, kieku, li wieħed iħobb
saħansitra lill-għadu tiegħu, imma jien m’inix Kristu!” Dan hu dak li jemmnu ħafna, u jċekknu
l-Kristjaneżmu tagħhom bħal dak li ħares l-ewwel darba lejn skyscraper u qal: “Impossibbli li nitla’
hemm fuq jien. Nixtieq, imma għoli
wisq.” U meta qalulu li hemm il-lift li jtellgħek malajr, hu ma emminx.
Meta wieħed kittieb qal lil Kristu,
li kellu raġun jgħid li l-Imħabba-agapè
li tintiret minn Alla hi l-vera qima lejn Alla, Ġesù qallu: “M’intix ’il bogħod mis-Saltna ta’
Alla.” (Mt. 12, 34). Il-Lhud minn dejjem kellhom ħjiel ta’
dan. Fid-Dewteronomju nsibu l-iktar
versi mportanti tat-Testment il-Qadim: “Isma’, O Iżrael: Wieħed hu l-Mulej Alla
tagħna. Ħobb, mela, lill-Mulej Alla
tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’saħħtek kollha.” (Dewt. 6, 4-5). Din hija t-Talba l-aktar Qaddisa
tal-poplu Lhudi. Issibha miktuba fuq
karta u poġġuta f’kaxxa ċkejkna mdaħla f’ħofra fil-koxxa tal-bieb ta’ barra ta’
kull dar. Ibusuha meta joħorġu u meta
jidħlu. Imma quddiem dan l-għamar ta’
Alla, Iżrael falla, bħallma nfallu aħna wkoll li kieku mhux għax nittamaw li
iktar kemm insiru midħla ta’ Ġesù u intimi miegħu, iktar nersqu lejn din
l-Imħabba li, fil-fatt, hija l-Ħajja ta’ Dejjem li tibda ġa minn hawn.
Din hi l-Imħabba li tirbaħ il-Mewt u
tkeċċi ’l barra l-biża u t-tħassib. Għax
min għandu din l-Imħabba jaf li Alla hu Missieru, il-Pa tiegħu, u jista’,
bil-libertà kollha jsejjaħlu: “Abba!
Missier!” Dan l-“Abba” ma jitilqek qatt u jwitti quddiemek it-toroq
kollha li minnhom għandek tgħaddi.
Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:
QARI I
Isma’, o Iżrael: Ħobb lill-Mulej b’qalbek kollha.
Dewt 6:2-6
Qari
mill-Ktieb tad-Dewteronomju
Mosè
kellem lill-poplu u qal: “Ibża’ mill-Mulej, Alla tiegħek, billi int, ibnek u
bin ibnek, tħarsu dejjem il-liġijiet u l-kmandamenti kollha tiegħu, li jien
qiegħed nagħtik, biex ikollok għomor twil.
Isma’,
o Iżrael, u ħu ħsieb agħmilhom, biex ikollok il-ġid u toktor ħafna, bħalma
wiegħed il-Mulej, Alla ta’ missirijietek, li jagħtik art tnixxi ħalib u għasel.
Isma’,
o Iżrael: Alla tagħna l-Mulej, il-Mulej waħdu. Ħobb, mela, lill-Mulej, Alla
tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u b’saħħtek kollha. Żomm f’qalbek dan
il-kliem u dawn il-kmandamenti li qiegħed nagħtik illum”.
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM RESPONSORJALI
Salm 17:2-3a,3bċ-4,47,51ab
R/.(2):
Inħobbok, Mulej, qawwa tiegħi!
Inħobbok,
Mulej, qawwa tiegħi!
Il-Mulej blata tiegħi,
fortizza u ħellies tiegħi! R/.
Alla
tiegħi, sur tal-kenn tiegħi u tarka tiegħi,
qawwa tas-salvazzjoni tiegħi u kenn tiegħi!
Insejjaħ il-Mulej, li hu ta’ min ifaħħru,
u nkun meħlus mill-għedewwa tiegħi. R/.
Ħaj
il-Mulej! Imbierek hu, il-blata tiegħi!
Ikun imfaħħar Alla tas-salvazzjoni tiegħi!
Hu jkabbar ir-rebħ lis-sultan tiegħu,
juri mħabbtu mal-midluk tiegħu. R/.
QARI II
Ġesù għandu saċerdozju li ma jintemm qatt.
Lhud 7:23-28
Qari
mill-Ittra lil-Lhud
Ħuti,
dawk tal-imgħoddi kienu jsiru qassisin f’għadd kbir, għax minħabba fil-mewt ma
kinux jistgħu jibqgħu għal dejjem. Imma Ġesù, billi jibqa’ għal dejjem, għandu
saċerdozju li ma jintemm qatt. Għalhekk ukoll huwa jista’ jsalva għalkollox ’il
dawk li bih jersqu lejn Alla, ladarba hu jibqa’ għal dejjem ħaj biex jidħol
għalihom.
Dan
hu, tabilħaqq, il-qassis il-kbir li kien jgħodd għalina: qaddis, innoċenti,
safi, maqtugħ mill-midinbin, merfugħ ’il fuq mis-smewwiet; li ma għandux bżonn,
bħall-qassisin il-kbar l-oħra, joffri kuljum is-sagrifiċċju, l-ewwel
għad-dnubiet tiegħu stess, imbagħad għad-dnubiet tal-poplu. Dan hu għamlu darba
għal dejjem, meta offra lilu nnifsu.
Għax
il-Liġi tqiegħed bħala qassisin il-kbar bnedmin li huma dgħajfa; iżda l-kelma
tal-ġurament, li ġiet wara l-Liġi, tqiegħed Iben, li ġie magħmul perfett għal
dejjem.
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 14:23
Hallelujah.
R/. Hallelujah.
Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, jgħid Ġesù,
u Missieri jħobbu u aħna niġu u ngħammru għandu.
R/. Hallelujah.
EVANĠELJU
Il-kmandament tal-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu.
Mk 12:28b-34
Qari mill-Evanġelju
skont San Mark
F’dak iż-żmien, wieħed
mill-kittieba resaq fuq Ġesù u staqsieh: “Liema wieħed fost il-kmandamenti
kollha huwa l-ewwel?”. Ġesù wieġbu: “L-ewwel wieħed huwa dan: Isma’ Iżrael!
Il-Mulej, Alla tagħna, Mulej wieħed hu, u int għandek tħobb lill-Mulej, Alla
tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek
kollha. U t-tieni hu dan: Ħobb lil għajrek bħalek innifsek. Ma hemmx kmandament
ieħor akbar minn dawn”.
Qallu l-kittieb:
“Sewwa qiegħed tgħid, Mgħallem; għandek raġun tgħid li wieħed hemm, u li ma
hemmx ieħor ħliefu. Iva, li tħobb lilu b’qalbek kollha, b’moħħok kollu, u
bil-qawwa tiegħek kollha, u li tħobb lil għajrek bħalek innifsek, huwa aqwa
minn kull sagrifiċċju tal-ħruq u mis-sagrifiċċji kollha”.
Ġesù, meta rah kemm
kien wieġeb bil-għaqal, qallu: “M’intix ’il bogħod mis-Saltna ta’ Alla”. U ħadd
ma kellu l-ħila jistaqsih iżjed.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.
|