Din
hija il-Liturgija ta' l-ahhar Hadd taz-zmien matul is-Sena (2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.
M’hemm l-ebda sens ta’
trijonfaliżmu meta l-Knisja tipproklama u xxandar li Kristu l-Għarus tagħha
huwa s-Sultan tal-Ħolqien kollu. M’hemm
l-ebda festa tar-rebħa fuq l-għedewwa.
Issaltan biss l-Imħabba għall-għadu.
Kristu huwa Sultan li jħaddan fiH il-Ħolqien kollu, għax huwa l-Waħdieni
li jħobbu b’tali mod li jmut għalih, li jinagħta mingħajr l-ebda ħjiel ta’
egoiżmu. Kristu huwa l-Waħdieni li kiber
billi ċċekken, li ġie mgħolli fuq kollox u kulħadd għax wettaq kenosi, tneżża minn kulma kellu biex
jgħolli lil kulħadd ’il fuq.
L-Antifona tad-Dħul
taċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika tal-lum, meħuda mill-Apokalissi, tiddiskrivi
eżatt il-karattru ta’ dan is-Sultan u din is-Saltna. “Jistħoqqlu
l-Ħaruf li kien maqtul li jirċievi l-qawwa u l-għana u l-għerf u s-saħħa u
l-ġieħ u l-glorja u t-tifħir; lilu l-glorja u s-setgħa għal dejjem ta’
dejjem. (Apok. 5, 12; 1, 6).
Dan hu Sultan, din hija Saltna, din hija Rebħa għal kollox
differenti minn dawk li toffri d-dinja.
Kristu rebaħ meta tilef. Meta
miet sar Ħaj għal Dejjem. Meta inagħta
fuq is-Salib bħala tpattija għal kulħadd, sar is-Sid ta’ kulħadd. Fir-rebħa hemm it-telfa għall-infern. Il-Mewt li hi l-frosta li biha l-infern
iwerwer lilna, saret l-istrument li bih l-Imħabba wriet li hi aqwa
mill-mibegħda, id-Dawl aqwa mid-dlam, il-Maħfra aqwa mid-dnub, il-Ħelsien aqwa
mill-jasar. L-infern jitriegħed quddiem
id-dehra tal-bniedem divinizzat, magħmul iben adottat minn Alla, mogħti natura
ġdida, dik ta’ Alla nnifsu.
Il-Knisja tagħlaq
is-Sena Liturġika tagħha billi tiftaħ garġiha u, bħal tromba, tħabbar
il-quċċata tal-Istorja tas-Salvazzjoni.
Il-Qaddej ta’ Jahweh, il-bniedem li bata, Dak li ġibed għal fuqu
l-mibegħda tad-dlam u l-ħaqq tal-Liġi, ġie mgħolli ’l fuq ’il fuq, u miegħu ġie
mgħolli l-bniedem mifdi. Il-bniedem ġie
maħtuf mill-mibegħda tal-infern li ried jaħkmu għal dejjem, u mill-ħaqq u
l-kastig tal-Liġi wkoll, għax laqa’ fuqu dan kollu l-Ħaruf innoċenti. L-Imħabba hi l-isem ta’ din is-Saltna
stramba, misterjuża, sorprendenti li biha Alla sikket l-infern. Il-bniedem jifraħ għax jekk Kristu jsaltan,
isaltan hu miegħU. Jekk Kristu ġie
mgħolli ’l fuq, anke l-bniedem, anke int u jien, ġejna mgħollija miegħU. Aħna lkoll, bħal ħatba li kienet ġa bdiet
ttixxawwat fin-nirien, ġejna maħtufa minn Kristu bil-Misteru tal-Għid tiegħu,
bil-Mewt u l-Qawmien tiegħu u issa aħna lkoll “ġodda”, aħna lkoll “ġusti”, aħna
lkoll “ulied Alla”, imma mhux bil-merti tagħna iżda bil-merti tal-Iben,
tal-Ħaruf li ħalla li għonqu jiġi mħanxar fuq l-artal tat-tpattija.
Din hija l-Aħbar li
jxandar il-Kristjaneżmu! Mhux liġijiet,
mhux preċetti, anke jekk dawn il-bniedem il-ġdid jgħixhom ukoll. Imma dak li jimmarka lin-Nisrani fuq kull
bniedem reliġjuż ieħor li hawn fid-dinja hu l-fatt li hu ġie meħlus mid-dnub
mhux bil-ħila tiegħu, mhux għax tħabat u kien stħaqqlu l-Ħelsien, mhux għax
kien aħjar mill-oħrajn, iżda bi Grazzja, b’Salvazzjoni mogħtija b’xejn, għax
favur tiegħu hemm jgħajtu l-merti tal-Ubbidjenza tal-Iben ta’ Alla lejn
Missieru. Mhux in-Nisrani jikseb
is-Saltna, iżda jagħtihielu Kristu.
Dan it-Teżor, in-Nisrani
kisbu fil-Magħmudija. Fil-Magħmudija
Kristu rebbieħ fuq il-Mewt ġie plażmat fih, ġie mwaħħad fih, ingastat, imlaqqam
fih, b’tali mod li dak kollu li hu ta’ Kristu huwa wkoll tan-Nisrani. Kristu tela’ fuq is-Salib? Mela n-Nisrani tela’ miegħU. Kristu obda lill-Missier sal-Mewt? Mela n-Nisrani obda miegħU. Kristu qam mill-Mewt u issa hu Ħaj għal
dejjem? Mela n-Nisrani qam mill-Mewt
miegħU u issa għandu l-eternità fih anke minn din id-dinja stess. Kristu huwa s-Sultan tal-Ħolqien kollu? Mela anke n-Nisrani huwa Sultan, kollox hu
tiegħu għax kollox hu ta’ Kristu u Kristu hu ta’ Alla.
Dan hu li jħabbar
il-Kristjaneżmu u allura l-Kristjaneżmu hu ferm aktar minn reliġjon. Il-kelma “reliġjon” hi dgħajfa wisq, fqira
wisq, “umana” wisq biex tfisser tassew x’inhu dak li jxandar il-Vanġelu u
l-kitibiet tal-Appostli. Ir-“reliġjon”
dejjem kienet l-attentat tal-bniedem biex jagħraf lil Alla, jilħaq lil Alla,
isib lil Alla, jitlob lil Alla biex jgħinu.
Imma l-Kerigma, l-Aħbar li jxandar Kristu, hija li mhux il-bniedem
ifittex lil Alla imma huwa Alla li niżel ifittex lill-bniedem. Mhux il-bniedem li jsalva lilu nnifsu imma hu
Alla li jaħtfu minn ħalq it-telfien.
Mhux il-Liġi, li jekk il-bniedem jobdiha, takkwistalu l-“paga”
għat-taħbit tiegħu, imma hi l-Grazzja mogħtija b’xejn fi Kristu li tagħtih is-Salvazzjoni
u ddaħħlu fis-Saltna. Għax kull reliġjon
tixhed ħaġa waħda: li l-bniedem qatt ma kien kapaċi jkun “ġust” quddiem il-Liġi
tal-Qdusija; qatt ma kien kapaċi jobdi l-Liġi għax il-Liġi hi anatema
għan-natura ta’ Adam li biha twelidna.
Wieħed jista’ jitqanżaħ kemm jiflaħ biex jitgħabba bil-Liġi,
bħall-Fariżej, biex imbagħad jeħel “fil-qattara” kif jgħid il-Malti. Quddiem din l-inkapaċità tal-bniedem, San
Pawl jgħajjat: “Minn se jeħlisni minn dan il-ġisem tal-mewt?” (Rum. 7, 24). Min se
jeħlisni minn din il-klawstrofobja ta’ għeluq ta’ jasar li donnu m’hemmx ħruġ
minnu?
Dak li deher impossibbli, f’daqqa
waħda sar faċli, għax għal Alla kollox hu possibbli. Jekk l-ebda bniedem m’għandu l-merti biex
jifqa’ s-saqaf li jifirdu mis-Sema, jaħsbu għalih il-merti ta’ Kristu! Qattra waħda mid-Demm ta’ Kristu hi biżżejjed
biex tifdi d-dnub tad-dinja kollha, jgħidu l-qaddisin. X’meravilja!
L-iskyscraper li x-xiħ qatt ma
seta’ jittama li jitilgħu sa fuq nett bit-taraġ, ara issa sar possibbli għalih
bil-lift tal-Grazzja li hemm fi
Kristu!
Imma jien u int nistgħu niċħdu din
is-Saltna, nagħtu daharna lil dan is-Sultan, għax l-Imħabba ħalqitna ħielsa li
ngħidu “Iva! Jew “Le!” lil din l-offerta tal-Grazzja. X’irrid “nagħmel” mela biex ngħid “Iva!” Nemmen fi Kristu u fil-Misteru tal-Għid
tiegħU u kollox jinagħtali! Jekk ma
nemminx li jeżisti l-lift, jew nitlaq
’il barra mit-torri, jew nipprova nitilgħu bil-mixi u nispiċċa naqta’ qalbi. Dak li ġie mogħti lilna fil-Magħmudija irid
jikber fil-qjies li tikber il-Fidi. Dan
hu li jagħti sens lil Ħajjitna. Ninsabu
fi Proċess Qaddis biex nirbħu b’xejn, gratis, iċ-ċittadinanza tas-Sema u dak
kollu li jiġrilna hu parti minn dan il-Proċess.
Fi tmiem din is-Sena Liturġika,
nawguraw lil xulxin il-wasla f’din is-Saltna eterna fejn m’hemmx iktar dmugħ,
lanqas biki, lanqas Mewt, iżda biss Imħabba.
Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:
QARI I
Il-ħakma tiegħu ħakma għal dejjem.
Dan 7:13-14
Qari
mill-Ktieb tal-Profeta Danjel
Billejl
deherli qiegħed nara
bħal iben ta’ bniedem,
ġej mis-sħab tas-sema,
li baqa’ sejjer sax-Xiħ fl-għomor
u ressquh quddiemu.
U tawh ħakma, ġieħ, u saltna,
biex lilu jaqdi kull ġens, u poplu, u lsien.
Ħakmietu ħakma għal dejjem li ma tgħaddix,
u saltnatu li ma tinqeridx.
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM RESPONSORJALI
Salm 92(93):1ab,1ċ-2,5
R/.
(1a): Il-Mulej isaltan; il-kobor libes.
Il-Mulej
isaltan; il-kobor libes,
libes il-Mulej u tħażżem bil-qawwa. R/.
Iżomm
sħiħa d-dinja; qatt ma titħarrek.
Imwaqqaf it-tron tiegħek fis-sod minn dejjem;
minn dejjem ta’ dejjem int. R/.
Il-kmandamenti
tiegħek ta’ min joqgħod fuqhom;
qdusija lil darek tixraq, Mulej,
sakemm itul iż-żmien. R/.
QARI II
Kristu huwa l-Prinċep tas-slaten tad-dinja.
Apok
1:5-8
Qari
mill-Ktieb tal-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu
Ġesù
Kristu hu x-xhud fidil, il-Kbir fost il-mejtin, il-Prinċep tas-slaten
tad-dinja. Lil Dak li ħabbna, u li ħallna minn dnubietna bis-saħħa ta’ demmu, u
li għamilna saltna, qassisin għal Alla tiegħu Missieru, lilu l-glorja u
s-setgħa għal dejjem ta’ dejjem. Amen.
Arawh,
ġej fis-sħab, u l-għajnejn kollha jarawh, ukoll dawk li kienu nifduh; u r-razez
kollha tal-art jibdew iħabbtu fuq sidirhom minħabba fih. Iva. Amen!
Jiena
huwa l-Alfa u l-Omega, jgħid il-Mulej Alla, li hu, u li kien, u li għad irid
jiġi, Dak li jista’ kollox!
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mk 11:9,10
Hallelujah.
R/. Hallelujah.
Imbierek min ġej f’isem il-Mulej!
Imbierka s-Saltna ta’ David missierna li ġejja!
R/. Hallelujah.
EVANĠELJU
Int qiegħed tgħid li jien sultan.
Ġw 18:33b-37
Qari mill-Evanġelju
skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, Pilatu
sejjaħ lil Ġesù u qallu: “Inti s-sultan tal-Lhud?”. Ġesù wieġeb: “Dan qiegħed
tgħidu int minn moħħok, jew kienu oħrajn li qalulek dan fuqi?”. Pilatu wieġeb:
“Mela jiena Lhudi? Kien il-poplu tiegħek u l-qassisin il-kbar li tawk f’idejja.
X’għamilt?”.
Ġesù wieġeb:
“Is-saltna tiegħi mhijiex ta’ din id-dinja. Li kieku saltnati kienet ta’ din
id-dinja, l-għases tiegħi kienu jiġġieldu biex ma ningħatax f’idejn il-Lhud;
imma tabilħaqq saltnati mhijiex ta’ hawn”.
Pilatu
qallu: “Mela int sultan?”. U Ġesù wieġeb: “Int qiegħed tgħidu; jien sultan.
Jien għalhekk twelidt, u għalhekk ġejt fid-dinja, biex nixhed għall-verità. U
kull min iħobb il-verità jisma’ leħni”.
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek,
Kristu.
|