Din
hija il-Liturgija tat-Tieni Hadd ta' l-Avvent (2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Fomm l-Arkanġlu, il-Ħabbar, kellem lill-qassis li ma
kellux ħila jemmnu. “Hu ġej qabel il-Mulej, mimli bl-ispirtu u l-qawwa ta’ Elija.” (Lq. 1, 17).
Quddiem il-mogħdija tal-Mulej fil-ħajja tal-bniedem dejjem tqum
taqtigħa bejn Fidi u Raġuni. Żakkarija
ma kienx Abraham. Ma sabx fih innifsu
Fidi biex jemmen li l-wegħda li kien qed jagħmillu dan ix-“Xi Ħadd” li kellu
quddiemu setgħet isseħħ. Hu u martu
kienu lil hemm fiż-żmien mill-età tal-prokrejazzjoni bħalma kienu Abraham u
Sarah imma waqt li Abraham ta Glorja lil Alla billi emmen li Hu kien kapaċi
jagħmel dak li jgħid u għalhekk ġie meqjus “ġust” minn Alla, Żakkarija mmuta,
ma setax jagħti Glorja lill-Mulej għax m’emminx l-Aħbar it-Tajba.
Imma Żakkarija ma setax iżomm ir-“ritorn” tal-Profeta
tan-Nar, Elija, milli jitwieled fil-figura tal-iben imwieled mill-ġewwieni
tiegħu. Il-poplu kien jemmen li qabel
il-wasla tal-Messija, kellu jidher Elija li kellu jqajjem lil Iżrael mir-raqda,
mit-telqa ta’ sekli. Hekk kien ħabbar il-Profeta.
Dan il-personaġġ imponenti kellu jqanqal l-ilma qiegħed, kellu jmur lejn
il-periferiji u jinkesa bir-riħa timbuttak tan-ngħaġ mitlufa minn dar
Iżrael. Kellu jitbiegħed mill-“kumdità”
tat-Tempju, tal-Liturġiji vojta għax ma kinux jirriflettu iktar dak li hemm
fil-qalb. Anke jekk kien mir-razza tal-qassisin, Ġwanni telaq
lejn id-deżert minflok lejn Ġerusalemm u hemm niżel il-kenosi tiegħu fl-inħawi tal-Qumran ma’ sħabu l-Esseni, grupp imwarrab mis-soċjetà, imma li kienu qed ifittxu li
jkunu mħejjija għall-wasal ta’ Dak li kien imwiegħed.
Kemm hu tqil għalina
nifhmu lil dawn in-nies li kellhom tensjoni li kienet timbuttahom lejn
Alla bħala s-sens waħdieni tal-Ħajja!
X’aljenazzjoni terribbli daħħlitna fiha l-kultura materjalista li sibna
ruħna fiha! X’saqaf tal-konkrit hemm
jifridna minn Alla! Tlifna s-sens
tas-Sagru. Missirijietna sawru statwi
tal-Qaddisin kważi għal kull kantuniera tat-triq għax kullimkien kien Sagru
għalihom mhux miz-zuntier ’il ġewwa biss.
Ġwanni huwa l-frott ewlieni li ħareġ minn dawn in-nies Esseni tad-deżert, nies “kbar” għax saru
“żgħar”. Ġwanni kien il-bniedem
“tan-Nar”, Elija l-ġdid, dak li qatta’ minn fuqu l-irbit tad-dinja u
tal-użanzi. Bħal Ġeremija seta’ jgħid li
ma setax ma jitkellimx bla kontrol u bla diplomazija anke quddiem is-setagħna
għax kellu Nar jaqbad f’għadmu li ma setax iżommu. In-Nar tal-Ispirtu s-Santu! In-Nar tal-Kelma!
Kellu għajnejn, Ġwanni, li fihom in-nies kienet tara dan
in-Nar jaqbad. Kellu għajnejn li bihom
kien jaqra lil kull min kien jieqaf quddiemu.
Kien iħares u jilmaħ qalb il-Fariżej, l-iskribi u s-Sadduċej u kien
jimtela b’qilla qaddisa quddiem il-faċċjoliżmu ta’ tant nies kemm
fir-“reliġjon” kif ukoll barra minnha.
Kien jinħall quddiem in-nies sempliċi, komuni, trasparenti, li kienu
jiġu għajjiena quddiemu jittamaw f’xi Kelma, jittamaw fil-mistrieħ tar-rit
sempliċi tiegħu.
Bħalma Baruk farraġ lill-għajjiena ta’ żmienu, hekk
Ġwanni xegħel bit-Tama tal-Messija lill-mitluqa maġenb il-Ġordan. “Neħħi
minn fuqek, Ġerusalemm, ilbies il-vistu u n-niket tiegħek, u ilbes għal dejjem
id-dija tal-glorja ta’ Alla. Għax Alla
għad juri sbuħitek lid-dinja taħt ix-xemx.”
(Bar. 5, 1w). Baruk kien
“xamm” il-Glorja tal-Kristu, imnissel minn Alla nnifsu f’ġuf il-Verġni ta’
Iżrael. Ġarra dgħajfa u mxaqqa kien
Iżrael, imma x’Teżor ġarr fih innifsu! “Qum, Ġerusalemm, itla’ fl-għoli, u ħares
madwarek lejn il-Lvant, ara ’l uliedek miġmugħa minn fejn tinżel ix-xemx sa
fejn titla’, għall-Kelma tal-Qaddis.”
(Bar. 5, 5). Anke llum,
il-Knisja għandha bżonn tisma’ din il-Kelma ta’ faraġ! Anke
jien u int, kull wieħed minnha.
Kull min iħobb lill-Knisja ta’ Kristu hu mistieden jitlob biex
jinagħtawlu għajnejn li jaraw l-Opra kbira li l-Missier qiegħed iwettaq
fil-Knisja. Ħafna jgħid li l-Knisja hi
fi kriżi, hi fl-Eżilju fejn marret Ġerusalemm qabilha.
Imma l-Avvent ixandar ħaġa waħda: Alla jeżisti!
Alla deher fostna fil-ġisem, fil-Persuna ta’ Kristu Ġesù, Ibnu, li rebaħ
il-Mewt għal dejjem. Hu ħalla warajh
Ġemgħa ta’ nies bin-Nar tal-Fidi mqabbad fihom.
Dawn huma l-Knisja, il-Ġisem ta’ Dak li ma jista’ jmut qatt. Qatt mhi fi kriżi l-Knisja, għax kif jista’
l-Ġisem ta’ Dak li rebaħ il-Mewt jimrad jew imut? Iżda, kif qal San Pawlu VI: “Hemm bżonn li
f’kull ġenerazzjoni l-Knisja titwieled mill-ġdid bħal donnha qatt ma kienet
teżisti!” “Ecclesiam semper riformanda”, jekk qed nikteb b’Latin tajjeb! Il-Knisja dejjem tirriforma ruħha, mhux għax
in-nies, di natura, jħobbu jirriformaw ruħhom, iżda għax jirriformaha Alla. U dak hu li qed jagħmel bħalissa, bħalma
għamel f’kull seklu.
Kuraġġ! Nisimgħu
lil Ġwanni jiftaħ garġih u jgħajjat: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnub
tad-dinja!” (Ġw. 1, 29). L-Għammiedi ra dak li l-Profeti kollha,
in-nies ġusti ta’ qablu, is-Slaten u l-għorrief ta’ Iżrael xtaqu fuq li xtaqu
li jaraw u ma rawhx! Dak li Kristu qal
lil Pietru, joqgħod fuq li joqgħod għal Ġwanni: “Hieni int, Ġwanni bin Żakkarija, għax mhux bniedem tad-demm u l-laħam
uriek dan, imma Missieri li hu fis-smewwiet.”
(Mt. 16, 17).
Mhux li kien li anke aħna tmissna din ix-xorti hienja li
naraw fil-Messija it-tweġiba tal-Missier għal kulma jtaqqalna, kulma nixtiequ
nibdlu f’Ħajjitna, il-Mewt li theddidna, il-ġrieħi ġewwinija li nġorru
fina. Kristu huwa s-soluzzjoni ta’
kollox. Kulma jivvinta l-bniedem huwa
biss tweġiba kożmetika, li tagħmel il-ġid tassew, imma għal ftit. Kristu jfejjaq il-qalb. Hu biss jidħol hemm ġew fejn hemm it-tiċrita
li minnha ħiereġ il-gass li jivvelenana u jagħlaqhielna. Nistennew!
Nittamaw! Nishru!
Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum
QARI I
Alla għad juri sbuħit Ġerusalemm lid-dinja.
Baruk 5:1-9
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Baruk
Neħħi minn fuqek, Ġerusalemm, ilbies il-vistu u
n-niket tiegħek,
u ilbes għal dejjem id-dija tal-glorja ta’ Alla.
Ilbes mantar il-ġustizzja ta’ Alla,
qiegħed fuq rasek id-dijadema tal-glorja ta’ Alla ta’ dejjem.
Għax Alla għad juri sbuħitek lid-dinja taħt ix-xemx,
Alla jsemmik għal dejjem:
“Sliem tal-Ġustizzja” u “Glorja tal-Qima ta’ Alla”.
Qum, Ġerusalemm, itla’ fl-għoli, u ħares madwarek lejn il-Lvant,
ara ’l uliedek miġmugħa, minn fejn tinżel ix-xemx sa fejn titla’,
għall-kelma tal-Qaddis, ferħana li Alla ftakar fihom.
Telqu mingħandek bil-mixi, imkarkra mill-għedewwa,
u issa Alla se jġibhomlok,
merfugħin fil-ġieħ bħalkieku fuq tronijiet is-slaten.
Għax Alla ordna; jitniżżlu l-muntanji għolja, u l-għoljiet ta’ dejjem,
jimtlew il-widien u titwitta l-art,
biex hemm Iżrael jimxi ’l quddiem, bla tfixkil ta’ xejn,
taħt il-ħarsien ta’ Alla.
U l-foresti u s-siġar tal-fwieħa jixħtu dellhom għal fuq Iżrael,
bl-ordni ta’ Alla.
Għax Alla jmexxi lil Iżrael ferħan,
b’dawl il-glorja tiegħu,
imsieħba mill-ħniena u l-ġustizzja ħierġa minnu.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM
RESPONSORJALI
Salm 125(126):1-2ab,2ċd-3,4-5,6
R/.(3): Kbir f’għemilu l-Mulej magħna!
Meta l-Mulej reġġa’ lura l-imjassra ta’ Sijon,
konna qisna mitlufa f’ħolma;
imbagħad bid-daħk imtela fommna,
u bl-għajat ta’ ferħ ilsienna. R/.
Imbagħad bdew jgħidu fost il-ġnus:
“Kbir f’għemilu l-Mulej magħhom!”.
Kbir f’għemilu l-Mulej magħna!
U aħna bil-ferħ imtlejna. R/.
Biddel, Mulej, xortina
bħall-widien tan-Negeb!
Dawk li jiżirgħu fid-dmugħ
jaħsdu bl-għana ta’ ferħ. R/.
Huma u sejrin, imorru jibku,
iġorru ż-żerriegħa għaż-żrigħ.
Iżda huma u ġejjin lura,
jiġu b’għana ta’ ferħ, iġorru l-qatet f’idejhom. R/.
QARI II
Kunu safja u bla ebda ħtija fil-jum ta’ Kristu.
Fil 1:4-6,8-11
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin
Ħuti, nitlob dejjem ferħan fit-talb tiegħi
għalikom, minħabba s-sehem li intom ħadtu fix-xandir tal-Evanġelju, mill-ewwel
jiem sal-lum. Jiena żgur minn dan: li dak li beda din l-opra tajba fikom,
iwassalha għat-tmiem tagħha sa ma jasal il-jum ta’ Kristu Ġesù. Iva, jixhidli
Alla kemm jien miġbud lejkom bil-qalb ta’ Kristu Ġesù! U jien dan nitlob: li
l-imħabba tagħkom tikber u toktor dejjem iżjed bl-għerf u b’kull dehen, biex
tistgħu tagħrfu tagħżlu l-aħjar, u mbagħad tkunu safja u bla ebda ħtija fil-jum
ta’ Kristu, mimlijin bil-frott tal-ġustizzja li ġejja permezz ta’ Ġesù Kristu,
għall-glorja u l-foħrija ta’ Alla.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
AKKLAMAZZJONI
QABEL L-EVANĠELJU
Lq 3:4,6
Hallelujah. R/. Hallelujah.
Ħejju t-triq tal-Mulej,
iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu:
u l-bnedmin kollha jaraw is-salvazzjoni ta’ Alla.
R/. Hallelujah.
EVANĠELJU
Il-bnedmin kollha jaraw is-salvazzjoni ta’ Alla.
Lq 3:1-6
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
Fis-sena ħmistax tal-ħakma ta’ Tiberju Ċesari, meta Ponzju Pilatu kien
gvernatur tal-Lhudija, Erodi tetrarka tal-Galilija, ħuh Filippu tetrarka
tal-artijiet tal-Iturija u t-Trakonija, u Lisanja tetrarka ta’ Abileni,
fiż-żmien meta l-uffiċċju ta’ qassis il-kbir kien f’idejn Anna u Kajfa,
il-kelma tal-Mulej ġiet fuq Ġwanni bin Żakkarija, fid-deżert. U ġie fl-inħawi
kollha ta’ madwar il-Ġordan, ixandar magħmudija ta’ ndiema għall-maħfra
tad-dnubiet, kif hemm imniżżel fil-ktieb tal-profeziji ta’ Iżaija:
“Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert:
Ħejju t-triq tal-Mulej,
iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu.
Kull wied jimtela,
kull muntanja u għolja titbaxxa,
il-mogħdijiet mgħawwġa jiddrittaw,
u t-triqat imħarbta jitwittew.
U l-bnedmin kollha jaraw is-salvazzjoni ta’ Alla!”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.
|