Saturday, 02 July 2022
           
Home arrow News arrow Latest arrow IR-RABA’ HADD TAL-AVVENT (2021) MIN JISTENNA JITHENNA FIL-MULEJ
IR-RABA’ HADD TAL-AVVENT (2021) MIN JISTENNA JITHENNA FIL-MULEJ PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 18 December 2021

Din hija il-Liturgija tar-Raba' Hadd ta' l-Avvent (2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.

4hadd_avvent2021.jpg

 

Meta Abraham ġie ġġustifikat minn Alla, jiġifieri magħmul “bniedem ġust”, għax kien emmen li Alla kien kapaċi jżomm il-Kelma tiegħu li jagħtih iben, anke jekk hu u martu kienu xjieħu bla tfal, hu sar il-Missier ta’ ġens li kellu jissejjaħ “il-Poplu ta’ Alla”.  Alla ħabb lil Iżrael u għamlu tiegħU b’mod partikulari minħabba f’Abraham missieru.  

 

Iżda nafu, li meta Alla ħalla lill-bniedem ħieles li jagħmel jew it-tajjeb jew il-ħażin, il-bniedem dejjem spiċċa jintrebaħ mill-ħażin.  L-istess Iżrael.  Iżda f’Iżrael, Alla dejjem refa’ għaliH “Fdal” ta’ nies ġusti li kienu jitbekkew meta jaraw x’kien qed jiġri madwarhom.  Anke llum hawn nies li jibku b’dak li qed jiġri lill-Knisja f’pajjiżna, fl-Ewropa, fil-Punent.  Hawn nies illum li jistħu jsemmu l-kelma “Christmas” għax fiha hemm Isem Kristu!  Tassew li l-Ewropa bil-“lajċità” tagħha, bir-“reliġjon” ġdida tal-kultura moderna, fejn il-bniedem huwa alla, din l-Ewropa rremettiet lil Kristu minn fommha u ma tridx li ssemmi Ismu!

 

Imma Alla dejjem iħalli “Fdal” għaliH,  jibża’ għalih u jiddefendih, u f’dan il-“Fdal” Hu jara lil Ibnu u lill-Fidwa tal-bniedem, anke tal-bniedem għadu tiegħU.  Il-Missier iħares lejn il-“Fdal” u jara l-Inkarnazzjoni u l-Misteru tal-Għid li kellu jseħħ.  Meta Elija ħaseb li kien waħdu li baqa’ jemmen f’JHWH minn Iżrael kollu, Alla wieġbu li ma kienx hekk għax “jiena nħalli f’Iżrael sebat elef, jiġifieri dawk kollha li ma niżlux għarkupptejhom quddiem Bagħal, u dawk kollha li ma bisuhx b’xufftejhom.” (1 Slat. 19, 18).  Dan ġara f’kull ġenerazzjoni.

 

Dan il-“Fdal” hu magħmul minn dawk li fl-Antik emmnu f’JHWH u għarrxu biex jaraw jekk kienx qed jidher ħjiel li sseħħ il-Wegħda li kien għamel il-Mulej li għad jibgħat il-Messija.  Anke llum dan il-“Fdal” jgħarrex biex jara kif il-Mulej Ġesù qiegħed jaħdem fil-Knisja tiegħU, x’lingwaġġ se jagħtiha li tuża biex ixxandar dak li Hu għamel għall-bniedem.  Sikwit dan il-“Fdal” ma jarax sinjali.  Iħares lejn “il-Lvant” minn fejn titla’ x-xemx, minn fejn jgħidu li għad jidher is-Sultan, “ix-Xemx tal-Ġustizzja”, imma jaraw dlam, tweigħir, persekuzzjoni dejjem taħt forma ġdida.  Per eżempju llum inbniet “ekonomija” fil-Punent fejn hu mpossibbli għal koppja li jersqu lejn knisja matul il-ġimgħa, jew għal xi laqgħa fejn jistgħu jikbru fil-Fidi.  Xogħol, xogħol, xogħol!  Kulħadd “bil-għaqal” Alla jbierek!  Naħdmu “għall-familja”, “għat-tfal”, bla ma nindunaw li qed inbusu sieq “Bagħal” kif kienu jagħmlu n-nies ta’ żmien Elija...

 

Il-“Fdal” jgħid lil Alla: “Sirna bħall-ġnus li int qatt ma ħkimt fuqhom, u lanqas ismek ma jissejjaħ fuqhom.  Mhux li kont iċċarrat is-smewwiet u tinżel minn hemm, u jitheżżu l-muntanji quddiemek!”  (Is. 63, 19).  Dan il-Kliem qaddis jgħidu biss min għandu l-Fidi u qed jistenna mogħdija ġdida tal-Mulej.  Hija Kelma li tgħaddina għall-Antifona tal-Ewkaristija tar-Raba’ Ħadd tal-Avvent:  “Qattru smewwiet mill-għoli, u ħallu s-sħab iraxxax il-Qaddis, ha tinferaq l-art u tinbet is-salvazzjoni.”  (Is. 45, 8).

 

Għax tassew għandna bżonn Miġja, kull wieħed minnha li jittama fil-Mulej, Miġja personali li fuqha tkellem San Bernard: it-Tielet Miġja tal-Mulej.  “Ejja u agħmel minna Qaddisin, għax aħna m’għandniex il-ħila nkunu fidili lejk, ħadd minna!”   Għax jekk iraxxax is-sħab lill-Qaddis ifisser li jgħaddi Alla bil-Grazzja tal-Fidi, bil-Grazzja ta’ Fidi akbar, għax għandna tant bżonnha!  U jekk tinferaq l-art ifisser li qalbi, qalbek tinfetaħ għaliH, bibienna jinfetħu beraħ għat-taħbita tiegħu.  Dan hu l-Avvent.  Din hi l-Istennija dejjiema tal-“Fdal”, tal-Insara.

 

Din li l-Mulej iċarrat is-smewwiet, il-Fdal ta’ Iżrael kien jitlobha fi żmien ta’ kriżi.  It-tweġiba ta’ Alla dejjem tkun waħda ta’ ħniena, mogħdrija, “understanding”.  Hu dejjem iwieġeb fl-Istorja.  Dan jgħid il-Mulej: “Żommu s-sewwa u agħmlu l-ġustizzja, għax is-salvazzjoni tiegħi għodda waslet, u l-ġustizzja tiegħi dalwaqt tfeġġ.”  Hieni r-raġel li jagħmel dan, u l-bniedem li jżomm sħiħ fih.  (Is. 56, 1-2). 

 

Dak kollu li kien il-“Fdal” kien insawwab fi tfajla tal-Galilija minn fejn qatt ma ħarġu profeti.  Hemm, fejn ġeografikament kien post ħawli, sterili għal Alla, poplu li jħares ’l isfel lejn it-tajn tal-art u mhux ’il fuq lejn il-kwiekeb, gelgel il-Messija bħalma gelgel l-ilma fid-deżert minn blata samma u xotta.  Kemm iħobb jaħdem Alla bid-dgħajfin, b’dawk li jafu x’inhu l-falliment, b’dawk li qalbhom muġugħa għax ma jemmnux fihom infushom!  Ahhh!  Imma hu fid-deżert li jgelgel l-ilma ta’ Alla u dan Alla biss jaf jagħmlu.  F’Marija gelgel l-ilma fid-deżert għax tqalet bla  intervent ta’ raġel.  Fid-deżert ma tistax tnibbet il-Ħajja u lanqas f’Marija, għax ma kinitx tagħraf raġel.  Imma fiħa tnissel l-għarar ta’ Alla u tqalet, hi, li bħal Sarah, ma setgħetx titqal.  Fejn m’hemmx sinjali ta’ Ħajja, Alla jsawwar il-Ħajja.  U mill-ġdid ngħid li dan Hu biss jista’ jagħmlu!

 

Hienja Eliżabetta, li anke fiha gelgel l-ilma ta’ Alla fid-deżert!  Hienja Eliżabetta li bħalma Pietru, ħafna żmien wara, kien hieni għax “ra” ħwejjeġ li urihomlu biss il-Missier, anke hi “rat” f’Marija l-OPRA glorjuża ta’ Alla għall-umanità.  Eliżabetta kienet l-ewwel bniedma li xandret l-Aħbar it-Tajba għax hi kienet l-ewwel li “rat”, bi Grazzja, il-fetus li kien se jkun il-Messija li l-Profeti u n-nies ġusti xtaqtu tant jaraw! 

 

X’mument ta’ Grazzja!  X’mument li fih iċċarrtu s-smewwiet!  Hi tiftaħ garġiha u nfexxet f’għajta kbira u qalet:  “Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek!  U minn fejn ġieni dan li omm Sidi tiġi għandi?  Għax ara, malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija qabżet u tqanqlet bil-ferħ fi ħdani.  Iva, hienja dik le emmnet li jseħħ kull ma ntqalilha min-naħa tal-Mulej.”  (Lq. 1, 42-45). 

 

Anke għalina jistgħu jiċċartu s-smewwiet, għax il-Kelma ta’ Alla hi għalina!  Anzi!  Aħna tnissilna f’ġuf ommna u twelidna f’din id-dinja biex nirċievu l-Magħmudija u nikbru f’Insara ta’ veru li, bi Grazzja u mhux għax aħna aħjar minn ħadd, jinagħtawlna għajnejn li jaraw lill-Messija, is-Salvatur!  Ħa jkollna l-Grazzja li niftħu garġina f’għajta kbira għax malli “narawH” kollox jieħu sens ġdid, sens glorjuż, sens imbierek u qaddis.  Mhux li kien li ninagħtaw l-“għajnejn” ta’ Eliżabetta, omm il-Battista, u “naraw” il-Misteri ta’ Alla li bihom aħna mdawrin u li fihom ngħixu bħalma jgħix il-ħut fl-ilma.

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

QARI I
Minnek għad joħroġli dak li jkun prinċep f’Iżrael.
Mik 5:1-4a

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Mikea

Dan jgħid il-Mulej:
“Int, Betlehem ta’ Efrata,
ċkejkna fost il-familji ta’ Ġuda,
minnek għad joħroġli
dak li jkun prinċep f’Iżrael;
hu għandu l-bidu tiegħu mill-qedem,
sa minn dejjem ta’ dejjem.
Għalhekk il-Mulej jitlaqhom
sa meta teħles dik li hi fl-uġigħ tal-ħlas;
imbagħad il-bqija ta’ ħutu
jerġgħu lura fost ulied Iżrael.
U hu joqgħod jirgħa l-merħla tiegħu
bil-qawwa tal-Mulej, bil-glorja ta’ isem il-Mulej, Alla tiegħu.
U huma jgħammru fiż-żgur,
għax issa tkun kbira setgħetu,
sa trufijiet l-art.
U dan ikun is-sliem!”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/.
Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 79(80):2aċ,3b,15-16,18-19

R/.(4): Mulej, itfa’ fuqna d-dija ta’ wiċċek, u nkunu salvi.

O Ragħaj ta’ Iżrael, agħti widen,
int li qiegħed fuq il-kerubini, iddi.
Qajjem il-qawwa tiegħek,
u ejja ħa ssalvana. R/.

Erġa’ ejja, Alla tal-eżerċti;
ħares mis-sema, u ara,
u żur ’il din id-dielja.
Ħu ħsieb dak li ħawlet lemintek,
ir-rimja li int kabbart għalik. R/.

Ħa tkun idek fuq il-bniedem ta’ lemintek,
fuq il-bniedem li int saħħaħt għalik.
Aħna ma nitbegħdux minnek;
roddilna l-ħajja, u aħna nsejħu ismek. R/.

QARI II
Hawn jien, ġejt biex nagħmel ir-rieda tiegħek.
Lhud 10:5-10

Qari mill-Ittra lil-Lhud

Ħuti, Kristu meta daħal fid-dinja qal:
“Sagrifiċċju u offerta int ma ridtx,
imma ġisem int ħejjejt għalija;
vittmi maħruqa u vittmi għad-dnubiet
lilek ma għoġbukx.
Jien imbagħad għedt:
‘Hawn jien, ġejt
biex nagħmel ir-rieda tiegħek, o Alla,
kif fil-ktieb hemm miktub fuqi’”.

L-ewwel qal: “Sagrifiċċji u offerti, vittmi maħruqa u vittmi għad-dnubiet, la ridthom u lanqas għoġbuk”, għalkemm dawn titlobhom il-Liġi. Imbagħad qal: “Hawn jien, ġejt biex nagħmel ir-rieda tiegħek”. B’hekk Alla neħħa s-sagrifiċċji tal-ewwel biex iqiegħed flokhom tat-tieni. Bis-saħħa ta’ din ir-rieda aħna konna mqaddsin, permezz tal-offerta tal-ġisem ta’ Ġesù Kristu magħmula darba għal dejjem.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Lq 1:38

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej:
ħa jsir minni skont kelmtek!
R/. Hallelujah.

EVANĠELJU
U minn fejn ġieni dan li omm il-Mulej tiegħi tiġi għandi?
Lq 1:39-45

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dawk il-ġranet Marija qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet, f’belt tal-Lhudija. Daħlet għand Żakkarija u sellmet lil Eliżabetta. Malli Eliżabetta semgħet lil Marija ssellmilha, it-tarbija qabżet fil-ġuf tagħha u Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu; u nfexxet f’għajta kbira u qalet: “Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek! U minn fejn ġieni dan li omm il-Mulej tiegħi tiġi għandi? Għax ara, malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ. Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kulma bagħat jgħidilha l-Mulej”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/.
Tifħir lilek, Kristu.

 
< Prev   Next >