Din
hija il-Liturgija tas-Solennita' tat-Twelid ta' Sidna Gesu Kristu (2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Il-Kristjaneżmu
mhux “reliġjon” bħalma huma r-reliġjonijiet l-oħra kollha organizzati tajjeb
ħafna mill-bnedmin, bit-tempji, l-liturġiji u l-preċetti tagħhom. F’kultura materjalista
li fiha ninsabu ngħixu, fejn il-Knisja ta’ Kristu hi ppersegwitata b’mod fin
bħalma qatt qabel, qed tinxtered l-ereżija tar-relattività, li tmur kontra li
teżisti Verità, u Verità waħda. Skont
il-kultura li qed nibilgħu kuljum, hawn veritajiet daqs kemm hawn bnedmin,
kulħadd għandu d-dritt jemmen li jrid għax Verità waħda ma teżistix...
Dan hu l-velenu li
dieħel inkiss inkiss fil-‘memorja’ ta’ moħħna u jibni sur bejnna u l-Fidi vera
fi Kristu bħala s-Salvatur waħdieni tal-umanità kollha. Għax moħħna qed jiġi ttrenjat jaħseb li skont
il-pajjiż, il-Verità, u allura kollox hu veru u xejn mhu veru. Imma l-Kristjaneżmu mhux “reliġjon”
oħra. Hu ’l fuq mir-reliġjonijiet. Hu Ġrajja storika, fatt li seħħ fuq elfejn
sena ilu.
Ir-reliġjonijiet
twieldu f’moħħ il-bniedem għax, b’intenzjoni tajba, hu xtaq isib lil Alla li
tiegħU kien jara sinjali kullimkien fil-ħolqien. Il-bniedem ried tweġiba għall-mistoqsijiet
misterjużi: “Minn fejn ġejt jien? Fejn
sejjer? X’sens għandha l-Ħajja? Minn fejn ġie dan il-ħolqien tal-għaġeb meta
x-xjenzi kollha jgħidu li xejn ma jiġi minn xejn?” Minn dawn il-mistoqsijiet twieldu
r-reliġjonijiet, imma dawn qatt ma waslu biex isibu lil Alla, biex jitwaħdu
miegħU, biex iduqu s-Salvazzjoni tiegħU.
Saħansitra l-Profeti u n-nies ġusti tal-poplu ta’ Iżrael, l-iktar ġens
imdawwal f’din it-tfittxija umana għal Alla, saħansitra huma ma rawx dak li
xtaqu jaraw u ma semgħux dak li xtaqu jisimgħu.
Imbagħad seħħet
Ġrajja fil-qalba ta’ dan il-poplu: tfajla tqalet b’Alla! Inkredibbli!
Fit-tfittxija tiegħu l-bniedem sab biss Verità waħda: li lil Alla ma
tistax tifhmu, ma tistax issibu, ma tistax taraĦ. Iżrael kien jgħid li min jara lil Alla jmut. U allura, issa ġara l-kontra. Alla niżel ifittex lill-bniedem biex juri Hu
lilu nnifsu lilu! U f’dan il-punt
ir-reliġjonijiet kollha tal-bniedem saru bla sens u barra minn żmienhom. Tfajla tqalet b’Alla u bl-intervent tiegħU
biss. Alla ġie jgħammar fuq il-pjaneta
tagħna u libes laħam il-bniedem biex laħam il-bniedem jitwaħħad ma’ Alla u
jiret in-natura divina u eterna. Din
it-tqala tat frott f’Betlehem tal-Lhudija, belt li għadha teżisti, f’post eżatt
li nafu liema kien. Geografija u Storja.
Hawn m’għandniex
lil xi bniedem kariżmatiku mxennaq għall-Verità, li joħlom bi struttura, liġijiet,
postijiet sagri, saċerdozju, u hekk, mix-xejn, jislet reliġjon oħra. Hawn għandna fatt storiku li seħħ fi żmien
storiku, f’dak iż-żmien meta Ċesari
Awgustu ħareġ digriet biex isir iċ-ċensiment tad-dinja kollha. Dan iċ-ċensiment, l-ewwel wieħed, sar meta
Kirinu kien gvernatur tas-Sirja. (Lq. 2,
1-2). Importanti dina
l-introduzzjoni ta’ Luqa għar-rakkont tiegħU tat-twelid tal-Messija. Mattew jinnota: Meta twieled Ġesù f’Betlehem tal-Lhudija fi żmien is-sultan
Erodi... (Mt. 2, 1).
L-Evanġelisti
jisħqu fuq id-dati storiċi għax huma
kienu ċerti li Kristu ma ġiex fid-dinja biex iwaqqaf “reliġjon” oħra imma biex
iwassal Aħbar. Alla niżel Hu
nnifsu fil-persuna ta’ Ġesù ta’ Nazaret biex juri lilU nnifsu lill-bniedem, u
dan ikun id-Dawl li l-bniedem kien ilu jfittex bla ma sab. Kristu ġie bħala t-tweġiba għall-mistoqsijiet
eżistenzjali tiegħu; il-Ġrajja tal-għaġeb kienet li Alla ġie mal-bniedem biex
il-bniedem isir bħal Alla. Dak li Adam
ixxennaq għalih fl-Għeden u ried isir bħal Alla f’kompetizzjoni ma’ Alla, issa
Alla qed jofrih lill-bniedem bħala rigal, bħala Grazzja: in-natura divina tiegħU; il-Ħajja eterna tiegħU; ir-rebħa fuq
il-Mewt li Hu biss għandu; il-kapaċità li jħobb bla limitu li hi kwalità
divina.
Imma din il-Ġrajja
ta’ dan it-Twelid, li bih il-Missier kien qed jerġa’ joħloq l-umanità għax
issa, fl-aħħar, kien deher bniedem kollu kemm hu ta’ Alla iktar minn Adam qabel
il-waqgħa, din il-Ġrajja hi Misteru. Hi
Misteru għax għalkemm ġrat storikament fi żmien Ċesari Awgustu u l-gvernatur
Kirinu, hi Storja li baqgħet tirrepeti ruħha b’mod meraviljuż f’kull
ġenerazzjoni u f’kull min jilqa’ l-Fidi Nisranija.
Bħal Marija,
il-bniedem li jibda l-mixja ta’ Fidi fi Kristu... għax il-Fidi dejjem hi
proċess, mixja, esperjenza ta’ ħajja, minn Fidi għal Fidi akbar jgħidilna San
Pawl... dan il-bniedem jitqal anke hu bi Kristu b’mod spiritwali. Dan hu tal-għaġeb! Kull bniedem jista’ jsir Omm Kristu fuq
livell spiritwali, int, jien, aħna lkoll!
Fil-qjies li tikber il-Fidi, fil-qjies li jikbru d-doni li nżergħu fina
fil-Magħmudija, fl-istess qjies jikber dan il-fetus qaddis li hu Kristu, sakemm
jasal biex ikun irid joħroġ, jidher, jixhed fl-ambjent ta’ madwar dak li
jkun. Kristu jikber fil-bniedem imma ma
jridx jibqa’ hemm fil-bniedem biss iżda jrid jidher, jimmanifesta ruħu. Għax kull min inagħtatlu l-Fidi, din ma
nagtatlux għalih biss iżda b’risq il-Knisja, b’risq l-oħrajn li bħal għanqud
għeneb huma mdendlin miegħu biex isalvaw permezz tax-xhieda tiegħu. It-tqala hi sigrieta. Il-bniedem jikber fil-Fidi bla ma jkun għadu
lest li juriha. Imma jasal waqt meta ma
jkunx jista’ jżomm iktar din it-tarbija ġewwa fih għalih biss għax, bħalma qal
Ġeremija: “Iżda f’qalbi hemm bħal nar jaqbad, magħluq f’għadmi. Għejejt inżommu magħluq fija, ma niflaħx
aktar għalih!” (Ġer. 20, 9). Ekku l-Inkarnazzjoni spiritwali!
Il-Knisja hija
frott ta’ dan l-avveniment misterjuż, li ġara darba storikament f’Betlehem,
imma li baqa’ jiġri u qed jiġri bħalissa f’ħafna nies. Bħalma Marija semgħet Kelma mingħand
l-“Anġlu”, kelma li tfisser “Messaġġier”, hekk ukoll int tista’ tisma’ Kelma
mingħand Messaġġier ta’ Alla, xi bniedem sempliċi, jew xi Katekista, jew xi
bniedem imsejjaħ biex jaqdi lil Alla, jew minn xi Storja li tgħaddi
minnha. Din il-Kelma f’Marija wetqet
“għaġeb” kontra n-natura. L-istess
tagħmel fik! San Pawl tqal bi Kristu u
qal: “Ngħix, imma mhux iżjed jien, iżda jgħix fija
Kristu.” (Gal. 2, 20). U Pawlu welled
lil Kristu kull fejn mar.
Imma din
il-Grazzja, l-Mulej ma jaħdimhiex ma’ xi bniedem uniku mogħni b’kariżmi
speċjali, wieħed f’miljun. Il-Mulej
joħloq poplu ta’ wemmiena, Ġemgħa ta’ nies li jemmnu, biex il-Knisja tkun
tassew Dawl fid-dlam, Melħ f’dinja bla togħma, Inbid tal-festa f’dinja li nsiet
kif tifraħ, Nar ta’ Mħabba bla kundizzjoni f’ħolqien egoista ta’ “tini u
nagħtik”; Xmara ta’ Ħajja f’wied mimli għadam tal-mejtin. Kristu jerġa’ u jerġa’ u jerġa’ jitwieled
mill-ġdid. Kemm għandna bżonnU!!
L-Avvent hu s-sena
kollha għax hu ritratt tal-Ħajja Nisranija: stennija li nesperjenzjaw din
it-tqala ta’ Marija. Marija hija
l-Knisja li għandha ġuf kbir li hu l-vaska tal-Magħmudija fejn il-ħin kollu qed
jitwieldu ulied għal Alla. Din hija
t-Tama tad-dinja. Dan hu li jiswa. F’dan il-Milied ejjew nitolbu biex ikollna
din l-esperjenza hienja, din id-dispożizzjoni li jitnissel fina l-Waħdieni,
jikber fina, biex fl-aħħar joħroġ minna għad-dawl bix-xhieda quddiem
il-bnedmin. U meta nagħtu din ix-xhieda,
jkun hemm is-Sema tistenniena.
Il-Liturġija
tal-Kelma tal-lum/il-Quddiesa ta’ bil-lejl:
QARI I
Ingħatalna iben.
Iż 9:1-6
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija
Il-poplu li kien miexi fid-dlam
ra dawl kbir;
in-nies li joqogħdu f’art id-dlam
dawl idda fuqhom.
Int kattart il-ġens,
kabbart l-hena;
huma ferħu quddiemek,
bħalma jifirħu fi żmien il-ħsad,
bħalma jifirħu fi qsim il-priża.
Għax il-madmad li kien itaqqlu,
u l-ħatar ta’ fuq spallejh,
u l-bastun tal-argużin,
int kissirthom bħal f’jum Midjan.
Għax kull qorq li jħabbat fit-taqtigħa,
kull mantell mgħargħar fid-demm
jispiċċa għall-ħruq,
biex jieklu n-nar.
Għax tweldilna tifel,
ingħatalna iben;
is-setgħa tkun fuq spallejh, u jsemmuh:
Kunsillier tal-għaġeb, Alla setgħan,
Missier għal dejjem, Prinċep tas-sliem.
Kbira tkun setegħtu,
u s-sliem bla qies
fuq it-tron ta’ David u s-saltna tiegħu.
Hu jwettaqha u jsaħħaħha
bil-ħaqq u s-sewwa,
minn issa u għal dejjem.
Il-ħeġġa tal-Mulej tal-eżerċti tagħmel dan.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM
RESPONSORJALI
Salm 95(96):1-2a,2b-3,11-12,13
R/. (ara Lq 2, 11): Illum twildilna Salvatur, li hu
Kristu l-Mulej.
Għannu lill-Mulej għanja ġdida;
għannu lill-Mulej fl-art kollha!
Għannu lill-Mulej, bierku ismu! R/.
Ħabbru minn jum għal ieħor is-salvazzjoni tiegħu.
Xandru fost il-ġnus is-sebħ tiegħu,
fost il-popli kollha l-għeġubijiet tiegħu. R/.
Ħa jifirħu s-smewwiet u tithenna l-art,
ħa jħabbat il-baħar u kulma fih,
ħa jifraħ ir-raba’ u kulma fih,
u jgħannu bil-ferħ is-siġar kollha tal-bosk. R/.
Quddiem il-Mulej, għax ġej,
għax ġej biex jagħmel ħaqq mill-art.
Hu jagħmel ħaqq mid-dinja bil-ġustizzja,
u mill-popli bis-sewwa tiegħu. R/.
QARI II
Dehret il-grazzja ta’ Alla lill-bnedmin kollha.
Tit 2:11-14
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Titu
Għażiż, dehret il-grazzja ta’ Alla,
għas-salvazzjoni lill-bnedmin kollha; hi trawwimna nwarrbu l-ħażen u l-ġibdiet
tad-dinja, biex ngħixu bir-rażna u l-ġustizzja u t-tjieba f’dan iż-żmien, u
nistennew it-tama hienja u d-dehra tal-glorja tal-kbir Alla u Salvatur tagħna,
Ġesù Kristu. Hu li ta lilu nnifsu għalina biex jifdina minn kull ħażen u
jnaddafna u jagħmel minna poplu magħżul għalih, poplu mħeġġeġ għall-għemil
it-tajjeb.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Lq 2:10-11
Hallelujah. R/. Hallelujah.
Qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir:
illum twildilkom Salvatur, Kristu l-Mulej!
R/. Hallelujah.
EVANĠELJU
Illum twildilkom Salvatur.
Lq 2:1-14
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dik il-ħabta Ċesari Awgustu ħareġ digriet biex isir ċensiment
fid-dinja kollha. Dan kien l-ewwel ċensiment li sar meta Kirinu kien gvernatur
tas-Sirja. U kulħadd mar biex jinkiteb, kull wieħed fil-belt tiegħu.
Ġużeppi wkoll mar mill-Galilija, mill-belt ta’ Nazaret, u tala’
l-Lhudija, fil-belt ta’ David jisimha Betlehem – għax hu kien mid-dar u
l-familja ta’ David – biex jinkiteb flimkien ma’ Marija l-għarusa tiegħu, li
kienet tqila.
Ġara li, meta kienu hemm, Marija għalqilha ż-żmien biex teħles, u wildet
l-ewwel iben tagħha, fisqietu u medditu f’maxtura, għax ma kienx hemm post
għalihom fil-lukanda.
F’dawk l-inħawi kien hemm xi ragħajja fir-raba’, għassa mal-merħla
tagħhom billejl. U dehrilhom anġlu tal-Mulej, il-glorja tal-Mulej iddiet
madwarhom, u qabadhom biża’ kbir. Iżda l-anġlu qalilhom: “Tibżgħux, għax araw,
qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir, ferħ li se jkun għall-poplu kollu. Illum,
fil-belt ta’ David, twildilkom Salvatur, li hu l-Messija, il-Mulej. U bħala
sinjal ikollkom dan: issibu tarbija mfisqija u mimduda f’maxtura”.
F’daqqa waħda ngħaqdu mal-anġlu għadd kbir ta’ qtajja’ tas-sema, ifaħħru
lil Alla u jgħidu: “Glorja lil Alla fl-ogħla tas-smewwiet, u sliem fl-art
lill-bnedmin li jogħġbu lilu!”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.
|