Din
hija il-Liturgija tal-Maghmudija tal-Mulej (2022) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Ninsabu fi żmien l-Epifanija tal-Mulej, il-Wirja tiegħU lill-popli li kienu miexja fid-dlam u raw dawl
kbir; huma li joqogħdu f’art id-dlam dawl idda fuqhom (Is. 9, 1). Il-Festa tal-lum hija parti
mill-Epifanija tal-Mulej għax il-Missier xehed għal Ibnu quddiem Iżrael waqt li
kien qed ikun mgħammed minn Ġwanni l-Għammiedi.
Dewa l-leħen li xandar il-Kelmiet: “Inti
Ibni l-għażiż; fik il-għaxqa tiegħi.”
(Lq. 3, 22). Il-Knisja
Primittiva tal-ewwel sekli rat fl-Epifanija mezz kif ixxandar il-Bxara t-Tajba.
Infatti kienet l-ewwel Festa wara l-Għid li daħlet fil-kalendarju liturġiku
tagħha.
Wara millenji ta’ dlam deher id-Dawl li qalb il-bniedem kienet tishar
għalih. Eluf ta’ snin kulħadd jivvinta
r-reliġjjonijiet għax il-bniedem kellu l-vojt f’qalbu; kien jaf li jinsab miexi
fid-dlam bla ma jaf minn fejn ġie u fejn kien sejjer. Il-Vanġelu tal-lum jgħid: “Il-poplu kien qiegħed jistenna.” (Lq. 3, 15).
Kien hemm tensjoni fl-arja għax il-bniedem kellu intuwizzjoni
qaddisa li żmien il-Wegħda kien wasal. U
meta seħħet il-milja taż-żmien, bħal meta tazza timtela qatra qatra sakemm
l-ilma jċarċar għal barra, id-dinja ferħet għall-Epifanija tal-Mulej!
Din il-Festa fiha tifsir enormi, u l-Knisja fl-imgħoddi kienet tfakkar
tliet okkażjonijiet mill-Vanġelu: is-sejba tat-tarbija f’Betlehem mill-Maġi,
il-Magħmudija tal-Mulej fil-Ġordan u l-miraklu fit-Tieġ ta’ Kana, fejn Kristu
ntwera lid-dinja bħala Dak li kapaċi jbiddel l-ilma bla togħma f’Inbid
tal-Festa, l-Inbid tal-Ferħ u l-eżultanza li aħna mistiedna li jkollna, dejjem
jekk nemmnu f’Dak li ġabilna dan kollu.
Illum qed niċċelebraw u nimmeditaw il-Magħmudija tal-Mulej għaliha. Il-post fejn Ġwanni kien qed jgħammed kien
il-Ġordan, mhux tant bogħod mill-Baħar il-Mejjet. Dawn l-inħawi huma meqjusa mix-xjenza bħala
l-aktar postijiet baxxi fid-dinja, ’l isfel fil-fond, saħansitra ’l isfel minn
wiċċ il-baħar. Din ix-xmara titma
l-ilmijiet tal-Baħar tal-Galilija fejn ġa qegħdin 700 pied taħt
il-Mediterran. Iktar ’l isfel hemm
il-Baħar il-Mejjet jistenna l-ilmijiet tagħha, u hawn ninsabu 1,290 pied ’l
isfel mil-livell tal-baħar! Kien f’dawn
l-inħawi li Ġwanni l-Battista, wara ħajja fid-deżert, ħareġ quddiem Iżrael
jgħammed Magħmudija ta’ ndiema.
Dawn il-punti ġeografiċi huma mportanti għax ikellmuna fuq in-niżla
profonda li għamel l-Iben li minn ħdan il-Missier fl-ogħla tas-smewwiet, niżel
sa fil-qiegħan tal-art fejn poġġa ruħu fil-fila mal-midinbin. San Pawl jiddiskrivi din in-niżla, din il-kenosi ta’ Kristu b’dan il-Kliem: Hu li kellu n-natura ta’ Alla, ma qagħadx
ifittex tiegħu li hu daqs Alla, iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’
lsir, sar jixbah lill-bnedmin, u deher minn barra bħala bniedem; ċekken lilu
nnifsu, billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib. (Fil. 2, 6-8).
Hu, li kollox kien tiegħu, sar xejn biex ikun magħna. Umilta!
Mhux biss, imma Hu li ma kienx jaf x’inhu “Dnub”, x’inhi “Mewt”, x’inhu
“Egoiżmu” mar qagħad fil-kju għall-“qrar” (biex insejħulu hekk) tal-ħasil
bl-ilma ta’ Ġwanni. Ħadd ma għarfu, ħadd
ma ta kasu, kien “midneb” fosti tant midinbin!
Għax Alla ried jiġi jgħammar fid-dinja biex jintilef fost il-kotra
tal-midinbin, il-kotra ta’ dawk li “minħabba
l-biża’ tal-mewt, kienu mjassra għal għomorhom kollu. (Lhud 2, 15).
Kristu indiehes ma’ dawk li normalment huma mwarrba, iġġudikati, bid-dnub
tagħhom jidher, umiljati għax mhumiex “tajbin”; għax Hu kien jaf li huma kienu ‘fil-verità’
għax ma setgħux jaħbuha. Dawn kienu dawk
li kienu jafu li huma midinbin, u n-nies kienet tafhom bħala midinbin. Imma Hu kien jaf li kull min jgħix fuq l-art
huwa midneb. Differenza waħda hemm: hemm
dawk li jaħbu dnubhom u jirnexxilhom jikkonvinċu lin-nies li huma “għaqlin”, “tajbin”,
“ħbieb ta’ Alla”, u hemm l-oħrajn li dan ma jirnexxilhomx jagħmluh. Imma kulħadd hu midneb xorta waħda għax
ilkoll aħna ulied Adam li sar bniedem li jmut għax tilef is-sigurta li kellu
ta’ Alla.
Kristu dan kien jafu tajjeb!
Għalhekk ġie hawn biex fis-siegħa tiegħu jitgħabba b’dak kollu li qed
joqtol lili u lilek. Hu jaf xi flaġell
kbir hu l-biża’ tal-Mewt li semmitilna l-Ittra lil-Lhud. Din hija espressjoni
psikoloġika profonda ħafna. Mad-dnub ta’
Adam, il-bniedem għotor taħt dan il-flaġell kbir, u qalbu inbelgħet
mill-insigurtà ta’ ma jafx x’jista jiġrilu.
Dan kollu ngħixuh, daqqa ftit u daqqa wisq, kważi kuljum. Kelma toqtolna. F’illi bnazzi, f’illi s-sema jissaħħab għax
b’xi mod inħossuna m’aħnex maħbubin.
Tlifna ’l Alla, u l-bniedem ħaġa jagħmel il-ħin kollu: jittallab
l-Imħabba. Dan il-Mulej jafu tajjeb,
għalhekk hu jagħder, iħenn, jiskuża, jiddefendi, jilqa’ għall-midneb. Kif jgħid Isaija llum: “Ma jgħajjatx, ma jgħollix leħnu, qasba mġelġla ma jiksirhiex, musbieħ
inemnem ma jitfihx.” (Is. 42, 2w).
Hu ġie fid-dinja biex jitlobna nitfgħu fuqu l-ħtijiet kollha ta’ ħajjitna,
id-dnubiet kollha li għamilna, l-egoiżmi kollha li ħassru r-relazzjonijiet ta’
bejnietna, il-passjonijiet u l-idolatriji kollha tagħna, is-suppervja mmensa li
tgħammar f’kull wieħed minna bla ma ħadd ma jaf l-għoli u l-fond tagħha. Kollox ħa fuqu, u tela’ bihom lejn l-għolja
tal-kastig li titlob il-Liġi tal-Qdusija minn kull dnub, u hemm, imneżża minn
ħwejġu kollha, laqa’ fuqu l-kundanna li hemm imdendla fuq kull bniedem. Miet Hu biex aħna ngħixu għal dejjem! Id-“Dnub” tagħna qatel lil Alla tassew! Hieni l-bniedem li jagħraf dan!
Lil San Ġirolmu, Ġesù f’dehra qallu: “X’se tagħtini Ġirolmu?” Ġirolmu prova jagħmel lista... “Il-fatt li ma
żżewwiġtx biex naqdi lilek... l-istudji kbar tiegħi tal-Iskrittura biex
naqlibha fi lsien li kulħadd jifhmu... is-sawm u l-penitenzi...
il-predikazzjoni tiegħi... il-fatt li qed ngħix ġo għar bħala eremita...” U kull darba Ġesù jerġa jistaqsih: “X’se
tagħtini Ġirolmu?” U meta rah li,
miskin, kien infixel, Ġesù qallu: “Ġirolmu, agħtini dnubietek kollha, biex
inġorrhom jien u mmut bihom jien għax lilek irridek tgħix għal dejjem!” Dan tagħmel l-Imħabba!
Imma quddiem din il-Festa tal-Magħmudija tal-Mulej ma nistgħux ma ngħixux
mill-ġdid il-Magħmudija tagħna, is-Sagrament kbir li jagħtina identita. Bil-Magħmudija, mhux biss jinħafer id-dnub
imma hemm grazzji oħra. Ninagħtaw
in-natura ta’ Alla nnifsu! Kristu
rebħilna d-dritt għan-natura divina li mhux biss tagħtina Ħajja ta’ Dejjem imma
taħsad l-għerq tad-dnub minn ġo fina.
Dak li qabel kien tant tqil nagħmlu, issa jsir naturali għalina. Imma jekk int u jien inħarsu lejn żokritna,
jiġrilna bħal Pietru li mallii ħares lejn il-mewġ tal-baħar beda nieżel! Għax dawn il-ħwejjeġ mhumiex xogħolna imma
xogħolU. Il-Magħmudija torbot lil Alla
(jekk ngħidulu “Iva!” aħna!), li jħaddem proċess ta’ twelid ġdid għalina. Il-Magħmudija hija din il-Mixja, dan
il-Proċess Qaddis tal-Opra manjifika ta’ Alla fina, jekk nemmnu li Hu daqshekk
fidil u li l-Imħabba tiegħu tisboq kull dnub li nistgħu nagħmlu aħna. Il-Magħmudija żergħet fina żerriegħa li hi
Teżor moħbi. Żerreigħa li fiha d-DNA ta’
Alla nnifsu! ‘Mamma mia’, x’ħin toqgħod
taħseb! Kulma jiġri f’Ħajjitna hi parti
mill-avventura tal-Magħmudija. Għal dawk
li Hu għażel, Alla jdawwar kollox għall-ġid biex il-Magħmudija li jkun tahom
tilħaq il-milja glorjuża tagħha u tagħmel minna Knisja li tkun tassew xhieda
tal-Mewt u l-Qawmien ta’ Kristu, Kewkba li turi lill-imbegħdin fejn tassew
jinsab Kristu.
Imma... aħna nistgħu inkunu wkoll fost dawk li jżommu ż-żerriegħa magħluqa
f’kaxxa tas-sulfarini, fejn tmut bla ma tagħti frott. Għax Kristu qal li l-bidwi li ħareġ iferrex
iż-żerriegħa ġratlu waħda! Ħafna waqgħet
fil-mogħdija, oħrajn qalb ix-xewk, u oħrajn fuq il-blat. Aħna maħluqin liberi li nemmnu lil Kristu jew
nagħtu daqqa ta’ sieq lil kollox.
Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:
Qari I
Tfiġġ
il-glorja tal-Mulej, u l-bnedmin jarawha lkoll f’daqqa.
Iż 40:1-5,9-11
Qari mill-Ktieb
tal-Profeta Iżaija
“Farrġu,
farrġu l-poplu tiegħi”, jgħid
Alla tagħkom.
Kellmu
lil qalb Ġerusalemm
u
għidulha li ntemm il-jasar tagħha,
tħallset
ħżunitha,
ħadet
mingħand il-Mulej darbtejn għal dnubietha kollha”.
Leħen
jgħajjat:
“Ħejju
t-triq għall-Mulej fid-deżert,
wittu
għal Alla tagħna mogħdija fix-xagħri.
Jintradam kull wied,
u jitniżżlu
l-muntanji u l-għoljiet;
kull art imħabbta
titwitta
kull art imħarbta
ssir maqgħad.
U
tfiġġ il-glorja tal-Mulej,
u
l-bnedmin jarawha lkoll f’daqqa,
għax
fomm il-Mulej tkellem”.
Itla’
fuq il-muntanja għolja,
int
li ġġib il-bxara t-tajba lil Sijon!
Għolli
leħnek bil-qawwa kollha,
int li tagħti l-aħbar
it-tajba lil Ġerusalemm;
għajjat, la tibżax.
Għid lill-ibliet ta’
Ġuda:
“Hawn hu Alla
tagħkom!
Hawn hu Sidi l-Mulej,
li ġej bil-qawwa,
u jaħkem bil-qawwa
ta’ driegħu.
Hawn hu bi ħlasu
miegħu,
u r-rebħa tiegħu
quddiemu.
Bħal
ragħaj li jirgħa l-merħla tiegħu;
bi
driegħu jiġmagħha,
u
l-ħrief fi ħdanu jerfagħhom;
u
n-nagħaġ ireddgħu bil-mod imexxihom”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/.
Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
Salm
103(104):1b-2,3-4,24-25,27-28,29-30
R/.(1):
Bierek, ruħ
tiegħi, il-Mulej!
Mulej,
Alla tiegħi, inti kbir bil-bosta!
Bis-sebħ u l-ġmiel
inti mlibbes,
bid-dawl, bħal b’mantell,
inti mkebbeb.
Inti frixt
is-smewwiet bħal tinda. R/.
Waqqaft fuq l-ilma
l-għamajjar għolja tiegħek.
Inti tagħmel is-sħab
mirkeb tiegħek,
fuq ġwienaħ ir-riħ
tiġġerra.
L-irjieħ tagħmilhom
ħabbara tiegħek,
u l-ilsna tan-nar
qaddejja tiegħek. R/.
Kemm huma kotrana
l-għemejjel tiegħek, Mulej!
Kollha bl-għerf
għamilthom;
mimlija l-art
bil-ħlejjaq tiegħek.
Dan
il-baħar ta’ kobor u wisa’ bla tarf,
li
fih jimraħ ħut bla għadd;
bhejjem
żgħar u bhejjem kbar. R/.
Minnek
jistennew il-ħlejjaq kollha
li
tagħtihom ikilhom f’waqtu.
Inti
tagħtihom, u huma jiġbru;
tiftaħ
idejk, u jixbgħu bil-ġid. R/.
Jekk
taħbi wiċċek, huma jinfixlu;
jekk teħdilhom
nifishom, imutu,
u lejn it-trab
jerġgħu jmorru.
Malli tibgħat in-nifs
tiegħek, jinħolqu,
u inti ġġedded
il-wiċċ tal-art. R/.
Qari II
Il-Mulej salvana
bil-ħasil ta’ twelid ġdid u t-tiġdid tal-Ispirtu s-Santu.
Titu 2:11-14; 3:4-7
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl lil Titu
Ibni, dehret
il-grazzja ta’ Alla, għas-salvazzjoni lill-bnedmin kollha; hi trawwimna nwarrbu
l-ħażen u l-ġibdiet tad-dinja, biex ngħixu bir-rażna u l-ġustizzja u t-tjieba
f’dan iż-żmien, u nistennew it-tama hienja u d-dehra tal-glorja tal-kbir Alla u
Salvatur tagħna, Ġesù Kristu. Hu ta lilu nnifsu għalina biex jifdina minn kull
ħażen u jnaddafna u jagħmel minna poplu magħżul għalih, poplu mħeġġeġ
għall-għemil it-tajjeb.
Iżda meta feġġet
it-tjieba ta’ Alla, Salvatur tagħna, u l-imħabba tiegħu għall-bnedmin, hu
salvana bil-ħasil ta’ twelid ġdid u t-tiġdid tal-Ispirtu s-Santu, mhux minħabba
l-opri tajba li stajna għamilna aħna, iżda minħabba l-ħniena tiegħu. Dan
l-Ispirtu hu xerrdu bil-kotra fuqna b’Ġesù Kristu, is-Salvatur tagħna, biex
bis-saħħa tal-grazzja tiegħu nitqaddsu u nsiru werrieta tal-ħajja ta’ dejjem
skont it-tama li għandna.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/.
Irroddu ħajr lil Alla.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara Lq 3:16
Hallelujah. R/.
Hallelujah.
Ġej wieħed aqwa
minni, jgħid Ġwanni;
hu jgħammidkom
bl-Ispirtu s-Santu u n-nar.
R/. Hallelujah.
Evanġelju
Ġesù tgħammed u
waqt li kien qiegħed jitlob, is-smewwiet infetħu.
Lq 3:15-16,21-22
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien,
il-poplu kien qiegħed jistenna ħerqan, u kulħadd kien jistaqsi lilu nnifsu dwar
Ġwanni, jekk kienx hu l-Messija. Għalhekk Ġwanni qabad u qal lil kulħadd: “Jien,
ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma, imma ġej wieħed aqwa minni, li ma
jistħoqqlix inħollu l-qfieli tal-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu
u n-nar”.
Ġara li, wara li
tgħammed il-poplu kollu, Ġesù tgħammed ukoll u, waqt li kien qiegħed jitlob,
is-smewwiet infetħu, u niżel l-Ispirtu s-Santu u deher fuqu fis-sura ta’
ħamiema. U mis-sema ġie leħen jgħid: “Inti Ibni l-għażiż; fik sibt l-għaxqa
tiegħi”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/.
Tifħir lilek, Kristu.
|