Din
hija il-Liturgija tat-Tieni Hadd matul is-sena (2022) bi hsibijiet min Joe Rapa.
L-inbid hu sinjal ta’ ferħ, ta’ festa, ta’ ċelebrazzjoni fil-familja jew
mal-ħbieb. Il-frott tad-dielja huwa
msemmi bi prominenza kbira fil-Bibbja.
Lil Iżrael, għajjien wara erbgħin sena fid-deżert, Alla jfakkru li kien
se jdaħħlu f’Art fejn hu għad jiekol minn dwieli li ma ħawwilhomx hu, u fi
żmien il-profeti, bħala għelm ta’ paċi u sliem, lill-poplu kienu jgħidulu li
kull wieħed minnhom għad joqgħod bil-qiegħed b’serħan il-moħħ kull wieħed taħt
id-dielja tiegħu.
Mela l-inbid hu frott għażiż għall-bniedem, u żmien l-għasir tal-għeneb
kien ikun żmien ta’ festi u radd il-ħajr.
Kemm għandna bżonn nisimgħu fuq żminijiet ta’ ferħ, serħan il-moħħ u
festi hekk kif ninsabu assedjati minn għadu li ma jidhirx, minn pandemija li
faqqritilna kull aspett tal-Ħajja.
Kellna bżonnu żmien bħal dan, meta “skarsa l-inbid” biex ngħidu hekk,
biex nieqfu u naħsbu ftit li bl-avanzi kollha li għamilna, u li kollha huma
sbieħ u meravilji tal-moħħ li tana Alla, il-Ħajja fuq din l-art li tgħaddi, hi
dejjem prekarja. Din il-Ħajja, il-mod
kif ngħixu, il-kulturi, id-drawwiet, kollox hu bħall-baħar li jitkgħaweg,
jitqalleb, xejn mhu sod. Iżda l-Blata hi
Kristu!
Ngħiduha kif inhi: kemm aħna fqar biex nemmnu tassew li Blata waħda hemm
fejn il-bniedem jista’ jserraħ riġlejh u jħossu tassew fiż-żgur. Aħna nippruvaw fuq li nippruvaw li nagħmlu
minn din id-dinja pajjiżna għal dejjem.
Il-bniedem iqatta’ xagħru biex jibni sigurtà hawn, serħan il-moħħ
hawn... bis-saħħa ta’ ġismu, bil-garanżija tal-flus, bis-sodisfazzjon
tal-popolarità u l-istima tal-oħrajn... bil-qima lejn l-idoli.
Imma jiġi waqt meta tiġri xi ħaġa li ġġagħalu jħares lejn il-ġewwieni
tiegħu u jinduna li m’għandux inbid tal-festa ġewwa fih. Kull bniedem jiġih waqt ta’ kriżi qaddisa,
rigal ta’ Alla, meta jistaqsi lilu nnifsu: Fejn hu l-Ferħ? Għalfejn qed ngħix? Liema hu l-veru sens tal-eżistenza? Jidħol il-bniedem f’baħħ eżistenzjali meta
xejn ma jibqa’ jimlih. Jinduna li kollox
hu ‘tiben’. Dak li kien jgħammex lil għajnejh,
issa tilef il-maġija tiegħu. Jinduna li
dejjem kien qed jipprova jagħmel festa bl-ilma u mhux bl-inbid. Dejjem fettex il-Ħajja fejn kollox miexi lejn
il-Mewt, lejn it-tmiem, lejn it-taħsir.
In-Nisrani jxandar li hu sab minn fejn ħierġa l-Ħajja mimlija sens. Hu ma jxandarx teoriji imma l-esperjenza
tiegħu, dak li ġarrab, dak li għadda minnu.
Kristu waħdu kapaċi jibdel l-ilma tagħna f’Inbid Ġdid! Kristu waħdu kapaċi jibdel it-telqa,
l-għejja, il-qtigħ il-qalb tagħna fi żfin tal-festa! Kristu waħdu jibdel id-deżert fi ġnien
imsoqqi tajjeb. Hu waħdu jagħti ħelsien;
Hu waħdu jwiegħed il-Qawma mill-Mewt; Hu waħdu rebaħ għalina Ħajja bla tmiem,
eternità, Mewt maqsuma. Kristu hu
l-waħdieni li ma jiġġudikaniex imma ġie biex jieħu fuqU n-nuqqasijiet tagħna,
l-iżbalji tagħna, id-dnub kollu ta’ Ħajjitna. Hu l-Waħdieni li lil wieħed
kriminal li kien qed imut maġenbu, flok ħallih jieħu dak li ħaqqu, daħlu
fis-Saltna, fil-Festa, tah l-Inbid tal-Ferħ għax tgħabba Hu minfloku bil-ħtija
tiegħu.
Il-Liturġija tal-lum titfa ħarsitha fuq l-għemil ta’ Kristu fit-Tieġ ta’
Kana. Hu naturali li din il-ġrajja
tgħinna nimmedaw l-importanza taż-Żwieġ, id-don tal-Familja Nisranija fejn
titwieled il-Fidi tal-ulied, fejn il-bniedem ilissen l-ewwel talbiet imlaqalqa
tiegħu, fejn l-ulied jisimgħu fuq Kristu l-ewwel darba u jħarsu lejn
il-ġenituri tagħhom u jikkuppjawhom fl-għemejjel tajba tagħhom. “Il-Familja Nisranija”! L-għajn tal-Ħajja għall-Knisja kollha.
Iżda ż-żwieġ Nisrani huwa xbieha ta’ Żwieġ ieħor profond u iktar
qaddis. San Pawl ixebbaħ iż-żwieġ bejn
raġel u mara maż-Żwieġ mistiku bejn Kristu u l-Knisja, bejn Kristu u bejni,
bejnek, bejnna, aħna li r-ruħ tagħna hi femminili. Hu l-Għarus is-Sabiħ, jien, int, kull wieħed
minnha l-Għarusa. Hu n-Namrat mimli ħerqat
għall-maħbuba tiegħu li fuqu tgħanni l-“Għanja tal-Għanjiet” fil-Bibbja. Meta kien qed imut, San Ġwann tas-Salib,
Duttur tal-Knisja u Qaddis kbir Spanjol, talab lil sħabu l-patrijiet biex, issa
li kien wasal biex jieħu l-aħħar nifs,
jaqrawlu l-“Għanja tal-Għanjiet” u meta sħabu spiċċaw jaqraw il-“poeżija”
kollha, hu tenna: “Xi ġmiel!” u miet.
Għax hu, bħal kull Nisrani li jimxi ’l quddiem fil-mixi tal-Fidi, kien
jaf li Kristu kien iżżewweġ lilu. Hu u
Kristu ħaġa waħda, ġisem wieħed, imħabba waħda.
It-Testment l-Antik jitkellem fuq Kristu li ma jiqafx jipprova jirbaħ
l-Imħabba tar-ruħ li magħha jieħu grazzja.
Hu jfittixha f’postijiet maħmuġa, koroh, imdallma. Isibha liebsa mċerċra, tagħmel ta’ bir-ruħha
li hi ferħana, tixrob l-inbid, mhux tas-Saltna, mhux l-inbid li jrid jagħtiha
Hu iżda l-inbid qares ta’ ħwienet baxxi fejn hi kienet tinbiegħ lil kull min
jiġi. Sinjal ta’ Kristu l-Għarus kien
il-profeta Ħosegħa, li, miskin, Alla jgħidlu biex imur jiżżewwweġ waħda
prostituta magħrufa, Gomer. Hekk għamel
Ħosegħa, u kemm uġigħ ta’ ras kellu jgħaddi minnu! Dan il-profeta huwa s-sinjal ta’ Alla li
jiġri wara n-nagħġa sfrattata li taħseb li band’oħra tkun aħjar, li l-ħaxix ta’
ħaddieħor hu aktar aħdar u bnin minn dak tar-Ragħaj tagħha.
Hosegħa kellu jerġa’ jixtri bil-flus lil martu lura mingħand dawk li kienu
jinnegozjawha, bħalma Kristu xtara l-ħelsien tagħna. Kunu afu li intom kontu mifdija mill-ħajja tagħkom fiergħa li ħadtu
mingħand missirijietkom, mhux b’xi ħaġa li tintemm, bħalma hi l-fidda jew
id-deheb, imma bid-demm għażiż ta’ Kristu.
(1 Pt. 1, 18-19). Biex jurina
mħabbtu, biex jurina l-wisgħa, l-għoli u l-fond ta’ Mħabbtu lejna, Hu jgħidilna
“Daqshekk inħobbok jien!” u fetaħ idejH fuq is-salib u miet biex aħna ma
mmutux. Fuqu waqa’ l-kastig biex aħna,
l-midinbin ta’ veru, neħilsuha. Hu daħal
f’ħalq il-Mewt biex ikun il-velenu tagħha u jeqred minn moħħna l-biża’ tagħha
li jġagħalna ma nafdawx u nidinbu.
U f’Kana tidher ukoll Marija. Marija
hija Omm! Mhux Omm Ġesù biss, imma Omm
il-Knisja wkoll. Mhux Omm il-“Knisja”
biss iżda Omm tagħna wkoll... Ommi, Ommok, Ommna. L-Omm hi sensittiva mmens! Marija tara ħafna! Tinduna ħafna! Għandha l-intuwizzjoni ta’ Omm. “Dawn m’għandhomx inbid! Dawn m’għandhomx ferħ! Dawn għandhom biss ilma bla togħma!” Imma mhux Marija li tagħtina l-Inbid
tal-Festa, l-Inbid tat-Tieġ. Marija
tidħol għalina, iva. Hi turina lil Dak
li għandu biss hemm l-iktar Inbid tajjeb.
Hi dik li tal-Lvant isejħulha l-“Ħodiġitrija”, dik li turi lil
Ġesù. “Agħmlu kulma jgħidilkom Hu.”
(Ġw. 2, 5).
Hi tħares lejna u tara li l-inbid tagħna mhux inbid, il-ħajja tagħna
mhijiex Ħajja, il-ferħ tagħna hu maskra u mhux il-Ferħ veru. Hi teħodna għand Ġesù biex Hu jagħtina
l-Ħajja ta’ Dejjem, li nsibuha fil-milja tagħha fl-eternità, imma li tibda minn
hawn. Huwa hawn, f’din il-Ħajja li Hu
jagħtinia l-Inbid ħelu tiegħu. Dan hu
mportanti. Il-Ħajja ta’ Dejjem tibda
minn hawn! Min għandu l-Inbid tal-Ferħ
jidher u jkun sinjal hawn, f’din id-dinja, xhieda għal Kristu. U anke jekk jasal għandna dan l-Inbid, tard
f’Ħajjitna, x’jimporta? L-aqwa li
jasal. Wara kollox fir-rakkont
tal-Vanġelu, wasal tard l-Inbid it-tajjeb, wara li kien għeb il-qadim li kien
fqir, qares u medjokri bħall-affarijiet li nippruvaw nimlew ħajjitna aħna. Dan
hu l-kuntrast bejn Ġesù u d-dinja.
Il-Liturġija tal-Kelma għal-lum;
Qari I
Alla huwa
l-għarus li jitgħaxxaq b’għarustu.
Iż 62:1-5
Qari mill-Ktieb
tal-Profeta Iżaija
Minħabba
f’Sijon ma nehdiex,
minħabba
f’Ġerusalemm ma niskotx,
sa
ma tfeġġ bħal dija l-ġustizzja tagħha,
tħeġġeġ
bħal torċa s-salvazzjoni tagħha.
Il-ġustizzja
tiegħek għad jarawha l-ġnus,
u s-sebħ tiegħek
jarawh is-slaten kollha.
B’isem ġdid għad
isejħulek,
isem li għad jagħżlu
fomm il-Mulej.
Għad tkun kuruna ta’
ġmiel f’id il-Mulej,
u
dijadema ta’ sultan f’id Alla tiegħek.
Ma
jgħidulekx aktar l-Abbandunata,
lanqas lil artek
l-Imħarbta.
Lilek għad isejħulek
Għaxqti Fiha,
u lil artek għad
jgħidulha Għarusa,
għax l-għaxqa
tal-Mulej fik, u artek għad titgħarras.
Bħalma għarus
jitgħarras xebba,
hekk jitgħarrsek
il-Bennej tiegħek;
u bħalma l-għarus
jitgħaxxaq b’għarustu,
hekk jitgħaxxaq bik
Alla tiegħek.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/.
Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
Salm
95:1-2a,2b-3,7-8a,9-10aċ
R/.(3):
Xandru fost il-popli kollha l-għeġubijiet tal-Mulej.
Għannu lill-Mulej
għanja ġdida;
għannu lill-Mulej
fl-art kollha!
Għannu lill-Mulej,
bierku ismu! R/.
Ħabbru minn jum għal
ieħor is-salvazzjoni tiegħu.
Xandru fost il-ġnus
is-sebħ tiegħu,
fost il-popli kollha
l-għeġubijiet tiegħu. R/.
Agħtu lill-Mulej,
familji tal-popli,
agħtu lill-Mulej sebħ
u qawwa;
agħtu lill-Mulej
is-sebħ ta’ ismu! R/.
Inxteħtu quddiem
il-Mulej b’tiżjin qaddis;
triegħdu quddiemu,
nies kollha tal-art!
Għidu
fost il-ġnus: “Il-Mulej isaltan!”.
Hu
jiġġudika l-popli bis-sewwa. R/.
Qari II
L-istess
Spirtu wieħed, li jqassam lil kull wieħed kif jogħġbu.
1
Kor 12:4-11
Qari mill-Ewwel
Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
Ħuti,
hemm diversi doni, imma l-istess wieħed hu l-Ispirtu; hemm diversi ministeri,
imma l-istess wieħed hu l-Mulej; hemm diversi ħidmiet, imma l-istess Alla, li
jaħdem kollox f’kulħadd. Lil kull wieħed tingħata r-rivelazzjoni tal-Ispirtu
għall-ġid ta’ kulħadd: lil wieħed kliem l-għerf, mill-istess Spirtu; lil ieħor
il-kelma tas-sapjenza mill-istess Spirtu; lil ieħor il-fidi mill-istess Spirtu;
lil ieħor id-don tal-fejqan mill-istess Spirtu; lil ieħor is-setgħa
tal-mirakli; lil ieħor id-don tal-profezija; lil ieħor id-don tal-għażla
tal-ispirti; lil ieħor diversi ilsna; lil ieħor it-tifsir tal-ilsna. Dan kollu
jaħdmu l-istess Spirtu wieħed, li jqassam lil kull wieħed kif jogħġbu.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/.
Irroddu ħajr lil Alla.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ara
2 Tess 2:14
Hallelujah. R/.
Hallelujah.
Għal dan Alla
sejħilkom permezz tal-Evanġelju,
biex ikollkom sehem
fil-glorja ta’ Ġesù Kristu.
R/. Hallelujah.
Evanġelju
Dan li għamel Ġesù f’Kana
tal-Galilija kien l-ewwel wieħed fost is-sinjali tiegħu.
Ġw 2:1-11
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, sar tieġ
f’Kana tal-Galilija, u omm Ġesù kienet hemm. Ġesù kien mistieden għat-tieġ hu
wkoll flimkien mad-dixxipli tiegħu.
Billi ma kienx fadal
iżjed inbid, omm Ġesù qaltlu: “Ma għandhomx inbid”. U Ġesù qalilha: “X’hemm
bejni u bejnek, mara? Is-siegħa tiegħi għadha ma waslitx”. Omm Ġesù qalet
lill-qaddejja: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu”.
Issa kien hemm sitt
ġarar tal-ħaġar, imqiegħda hemm għar-rit tal-purifikazzjoni tal-Lhud, kull
waħda minnhom tasa’ xi mitt jew mija u għoxrin litru. Ġesù qal lill-qaddejja: “Imlew
il-ġarar bl-ilma”. U dawk imlewhom sax-xifer. Imbagħad qalilhom: “Issa ħudu
minnu u newluh lil dak li qiegħed jieħu ħsieb il-mejda”. U huma marru
jagħtuhulu. Hu daq l-ilma mibdul fi nbid; u billi ma kienx jaf mnejn ġie,
għalkemm il-qaddejja li ħadu mill-ilma kienu jafu, sejjaħ lill-għarus u qallu:
“Kulħadd l-inbid it-tajjeb iservi l-ewwel; meta mbagħad ikun ħadhom iġibu dak
li jkun inqas tajjeb. Imma int l-inbid it-tajjeb erfajtu sa issa”.
Dan li għamel Ġesù
f’Kana tal-Galilija kien l-ewwel wieħed fost is-sinjali tiegħu. Bih wera
l-glorja tiegħu u d-dixxipli tiegħu emmnu fih.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/.
Tifħir lilek, Kristu.
|