Friday, 27 May 2022
           
Home arrow News arrow Latest arrow IT-3 HADD MATUL IS-SENA (2022) L-IMHABBA LEJN L-ISKRITTURA SSAWWARNA FIL-GISEM TA’ KRISTU
IT-3 HADD MATUL IS-SENA (2022) L-IMHABBA LEJN L-ISKRITTURA SSAWWARNA FIL-GISEM TA’ KRISTU PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 22 January 2022

Din hija il-Liturgija tat-Tielet Hadd matul is-sena (2022) bi hsibijiet min Joe Rapa.

 jesus-reading-scroll.jpg

 

Il-Liturġija tal-Kelma ta’ dan it-3 Ħadd taż-Żmien Matul is-Sena tkellimna bil-ħlewwa dwar rejaltà li hi mportanti wisq għalina li ngħarfu: il-Ħajja Nisranija hija “Mixja”, “Proċess”, “Żvilupp”, “Vjaġġ”, “Moviment kontinwu”.  Tlaqna minn post u mexjin lejn destinazzjoni li għadna ma nagħrfuhiex u allura dejjem għaddejjin minn toroq li ma nafuhomx u huma dejjem ġodda, bħalma jgħid San Ġwann tas-Salib.  Imma għalkemm id-destinazzjoni għadna ma nagħrfuhiex għax għadna ma rajnihiex, aħna nafu li l-Wegħda li hemm marbuta magħha hi Kelma fidila ta’ Alla li tgħid dwarha: “Għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet, u dak li qatt ma tnissel f’qalb il-bniedem, dak li Alla lesta għal dawk li jħobbuh.”  (1 Kor. 2, 9). 

 

Mela l-Ħajja Nisranija hi ferm aktar serja milli wieħed jgħammduh ta’ tarbija, jibda jmur lezzjonijiet tad-duttrina biex jieħu s-Sagramenti tal-Ewkaristija, tal-Qrar u tal-Griżma tal-Isqof u mbagħad kollox OK, wasalna fejn kellna naslu... issa obdu r-regolamenti tal-istatut tal-Għaqda!  Li nkun Nisrani huwa bħal xitla li nżergħet bħala żerriegħa, saret pjanta ċkejkna, dgħajfa quddiem in-nuqqas ta’ ilma u l-qawwa tar-riħ, imbagħad, jekk Alla jrid, jissaħħaħ mhux ħażin iz-zokk, jinżlu l-għeruq dejjem aktar ’l isfel, u jikbru u jissaħħu l-friegħi... u ssir siġra li għall-ewwel mhix kapaċi tagħti frott.  Imma l-bidwi, f’dan il-kas Alla l-Imbierek, jaf jistabar, sakemm dik li darba kienet ħaxixa titriegħed quddiem ir-riħ, tagħti frott bla sforz, għax fiha hemm natura li minnha nnifisha tnissel il-frott li jferraħ lin-nies.

Dan hu li jrid jagħmel Alla minn Ħajjitna, dejjem jekk ngħidulu l-famuża “Iva!” għax il-Ħajja hija “żifna”, u ma niżfinhiex waħdi, u lanqas jiżfinha Alla waħdu, imma jien u Alla flimkien.  “It takes two to tango!” jgħidu, u dan jgħodd ħafna għar-relazzjoni tagħna mal-Mulej.  Mela, niżfnu waqt li nimxu!!  U mhux ma’ Alla biss niżfnu u nimxu, imma ma’ oħrajn, ma’ aħwa li huma mħeġġin bħalna li naslu f’dak l-imkien imwiegħed... nimxu mal-Knisja u fil-Knisja.  U iktar ma nimxu ’l quddiem tibda sseħħ xi ħaġa tal-għaġeb: nibdew insiru nixbħu lil Dak li sejħilna; nibdew insiru nixbħu aktar lil Dak li hemm miexi quddiemna; nibdew insiru nixbħu lil Dak li għajnejna huma dejjem iffissati fuq dahrU hekk kif narawħ jitbandal minn sieq għall-oħra hu u jgħaddina minn toroq li għalina huma strambi, kultant skomdi, kultant kollhom twegħir, daqqa fuq għoljiet, daqqa matul pjanuri, u xi minn daqqiet ninżlu ’l isfel, ’l isfel ġo widien fondi u mudlama.  Mhux dawn huma li jiffurmaw l-Istorja tagħna, Storja li hi Kelma ta’ Alla?

 

U mhux biss insiru nixbħuH imma wkoll insiru parti minnU, parti mill-Ġisem mistiku ta’ Kristu.  Iktar kemm insiru nixbħuĦ iktar ninbidlu fiH għax niġu mlaqqmin fiH, bħal meta jlaqqmu s-siġar.  Insibu ruħna ngastati fiH.  It-Tieni qari tal-lum meħud mill-Ewwel Ittra lill-Korintin jitkellem b’għerf dwar dan il-Ġisem ta’ Kristu li hu l-Knisja.  “Issa intom il-ġisem ta’ Kristu, u kull wieħed minnkom membru tiegħu.”  (1 Kor. 12, 27).  Din mhix teorija!  Dan hu fatt.  U kif inkunu nafu li aħna tassew parti minn Kristu?  Mill-opri li nwettqu, anke bla sforz bħal dik is-siġra.  Kif nista’ nkun parti minn Kristu jekk niżni, jekk nisraq, jekk nikkalunja, jekk nitkellem dwar il-ħażin ta’ ħaddieħor anke meta dan hu veru?  Kif nista’ nkun parti minn Kristu jekk għad m’għandix l-Imħabba tiegħu taqbad bħal Ħuġġieġa qaddisa ġewwa fija?

 

Għalhekk, huwa ċar li min-natura tagħna li biha twelidna, ma nistgħux nitwaħħdu mal-Mulej.  Hemm bżonn natura oħra, natura divina; hemm bżonn nitwieldu mill-ġdid.  Hu dan li jseħħ tul il-Proċess, il-Mixja, il-Vjaġġ li semmejna fil-bidu.  Għalhekk qatt u qatt ma nista’ jien ngħid li wasalt!  Kieku tafu kemm inkun tad-daħq jekk ngħid dan!  Hemm mogħdija, moviment matul Ħajjitna, ċaqlieq dejjem ’il quddiem.

 

U f’dan kollu hemmm diversi għajnuniet li Dak li miexi fuq quddiem jagħtina biex ma ngħejjewx mexjin, ma naqtgħux qalbna, jew addirittura ma niqfux u nerġgħu lura għax nixbgħu mexjin!  Fost dawn l-għajnuniet hemm waħda li, fl-opinjoni tiegħi, u mhux tiegħi biss, aħna fqar bil-bosta fiha.  Bħala Knisja aħna fqar fl-Iskrittura!  Kienet il-Knisja, li wara li esperjenzjat u għexet dak li kien qal Ġesù, niżlitu f’kotba.  Kulma hemm miktub fil-Vanġeli huma possibbli li jingħexu min-nies għax inkitbu minn Knisja li kienet għexithom. Mhux biss, imma matul is-sekli kienet il-Knisja li għasset fuqhom dawn il-kitbiet, ħarsithom, u qabbdet aħwa li “ħlew” ħajjithom dejjem jikkupjawhom, għax ma kienx hemm magni li jistampawlek kulma trid dak iż-żmien.

 

Allura, wara din l-Imħabba kbira li l-Knisja għandha lejn l-Iskirttura kollha kemm hi, kemm it-Testment il-Qadim kif ukoll il-Ġdid, għaliex naraw “Insara” ta’ knejjes oħra li huma ferm aktar midħla minna tal-Kotba Mqaddsa.  Dan hu dnub!  Għaliex il-Bibbja għadha ktieb tqil, magħluq b’seba’ siġilli, meta s-siġilli kissirhom il-Ħaruf bla tebgħa li miet għalina?  Bl-Ispirtu tal-Ħaruf ninagħtaw għerf (mhux tal-iskola!) li bih nindunaw li l-Bibbja titkellem fuqi daqs kemm titkellem fuq Alla!  Huwa dan li hemm bżonn niskopru: li Abraham huwa jien; li Iżrael huwa jien; li David huwa jien; li Ġuda huwa jien; Pietru, l-għamjin u l-lebrużi li tfejqu huma jien; l-esperjenza ta’ Marija hija l-esperjenza tan-Nisrani...

 

Fuq kollox il-Bibbja hija Kristu l-Ħaruf tal-Għid, iċ-ċentru ta’ kollox.  Kull paġna tal-Iskrittura titkellem fuq il-Mulej Ġesù u iktar kemm insiru midħla ta’ dan l-għana kollu, iktar nitwaħħdu ma’ Dak li hu kollox f’kollox.  Kemm nies bkew biki ta’ qsim il-qalb, biki ta’ ndiema fuq il-paġni tal-Ktieb Qaddis!  Kemm nies innamraw miegħu, tant li jqattgħu il-jum kollu jgħoxew jistudjaw, jiskrutinaw, jirriflettu fuqu.  Kemm midinbin kbar bidlu ħajjithom fuqu.  Santu Wistin, li ma kienx xempju tal-qdusija f’żogħżitu, darba sema tfajjel ikanta: “Ħu f’idejk u aqra!  Ħu f’idejk u aqra!”  It-tifel kien qed jilgħab, imma għal dan il-bniedem kbir fl-Istorja tal-Knisja dik għalih kienet Kelma ta’ Alla.  Hu qabad l-Iskrittura u sar bniedem ġdid.  Sant Anton Abbati, li għadna kif għamilna l-festa tiegħu it-Tnejn li għadda, darba daħal il-knisja u kien qed jinaqara l-Vanġelu ta’ San Mattew fejn hemm il-Kliem: “Mur biegħ il-ġid li għandek, agħtih lill-foqra  jkollok teżor fis-sema; imbagħad ejja u imxi warajja!”  (Mt. 19, 21).  Kienet Kelma bħal sajjetta!  Hekk għamel u kieku m’għamilx hekk kien jintesa malli difnuh, imma llum huwa wieħed mill-qaddisin kbar tal-Knisja u għadna nitkellmu fuqu.

 

Il-Qari minn Neħemija jurina ċar x’effett għandha l-Bibbja fuq in-nies għax, bid-Dawl tal-Ispirtu s-Santu, il-qlub jinħallu u l-bniedem jinbidel.  “Għax il-poplu kollu kien qabad jibki malli sema’ l-kliem tal-Liġi.”  (Neħ. 8, 9).  Anke l-mod kif tinqara l-Kelma qaddisa juri jekk int tħobbx il-Kelma jew le.  Kristu daħal fis-sinagoga, jgħidilna l-Vanġelu llum, u qara minn Isaija.  Minn fommu l-Kelma ħarġet ħajja tant li għajnejn kulħadd fis-sinagoga kienu msammrin fuqu.  (Lq. 1, 20).  Xi ġmiel!  Il-bniedem għandu għatx għall-Ħajja vera.  Tajjeb, din tinsab magħluqa fil-Ktieb Qaddis.

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

Qari I

Qraw mill-Ktieb tal-Liġi.

Neħ 8:2-4a,5-6,8-10

 

Qari mill-Ktieb ta’ Neħemija

 

F’dak iż-żmien, Esdra l-qassis ġieb il-Ktieb tal-Liġi quddiem il-ġemgħa, li kienet magħmula minn irġiel, nisa u oħrajn, li kienu jifhmu dak li jisimgħu. U mis-sebħ sa nofsinhar qara minnu quddiem l-irġiel, in-nisa, u dawk li kienu kapaċi jifhmu, iħares lejn il-misraħ li hemm quddiem Bieb l-Ilma. U l-poplu kollu kien attent jisma’ l-qari tal-Ktieb tal-Liġi. Esdra l-iskriba kien wieqaf fuq palk tal-injam, li kienu waqqfu għall-okkażjoni. Esdra fetaħ il-Ktieb u rah kulħadd jagħmel dan billi kien fil-għoli ’l fuq mill-poplu kollu. U meta fetaħ il-ktieb kulħadd qam bilwieqfa. U Esdra bierek il-Mulej, Alla l-kbir, u l-poplu kollu b’idejh merfugħin ’il fuq wieġeb: “Ammen, ammen”. U nxteħtu għarkupptejhom b’wiċċhom mal-art jagħtu qima lill-Mulej. Dawn qraw mill-Ktieb tal-Liġi b’mod li jiftiehem, fissruh, u spjegaw il-qari. Neħemija, li kien il-gvernatur, Esdra, il-qassis u skriba, u l-Leviti li kienu qegħdin jgħallmu lill-poplu, qalu lin-nies kollha: “Dan hu jum qaddis, ikkonsagrat lill-Mulej Alla tagħkom. Titnikktux u tibkux!”. Għax il-poplu kollu kien infexx jibki meta sama’ kliem il-Liġi.

 

U żiedu jgħidulhom: “Morru u kulu laħam imsemmen u ixorbu nbid ħelu, u lil dak li ma ħejjewlu xejn ibagħtulu sehem minn dak li għandkom. Dan hu jum qaddis għall-Mulej. La ssewdux qalbkom, għax il-ferħ tal-Mulej il-qawwa tagħkom”.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Salm Responsorjali

Salm 18(19):8,9,10,15

 

R/. (Ġw 6:63ċ): Il-kliem tiegħek, Mulej, huwa spirtu u ħajja.

 

Il-liġi tal-Mulej perfetta,

u tagħti l-ħajja;

ix-xhieda tal-Mulej hi sewwa,

u tgħallem lil min ma jafx. R/.

 

Il-preċetti tal-Mulej dritti,

u jferrħu l-qalb;

il-kmandament tal-Mulej safi,

u jdawwal l-għajnejn. R/.

 

Il-biża’ tal-Mulej sinċier,

u jibqa’ għal dejjem;

il-ġudizzji tal-Mulej sewwa,

u mseddqa għalkollox. R/.

 

Ħa jkunu milqugħa quddiemek

kliem fommi u ħsieb qalbi,

Mulej, blata tiegħi u feddej tiegħi. R/.

 

Qari II

Intom il-ġisem ta’ Kristu, u kull wieħed minnkom membru tiegħu.

1 Kor 12:12-30

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

 

Ħuti, bħalma l-ġisem hu wieħed, u fih ħafna membri, u l-membri kollha tal-ġisem, għad li huma ħafna, jagħmlu ġisem wieħed, hekk ukoll Kristu. Għax aħna wkoll, ilkoll tgħammidna fi Spirtu wieħed biex nagħmlu ġisem wieħed, sew Lhud sew Griegi, sew ilsiera sew ħielsa, u lkoll xrobna minn Spirtu wieħed. Issa l-ġisem mhuwiex membru wieħed, imma magħmul minn ħafna membri. Kieku s-sieq kellha tgħid: “Ladarba m’iniex l-id, jien m’iniex biċċa mill-ġisem”, b’daqshekk mhijiex parti mill-ġisem? U kieku l-widna kellha tgħid: “Ladarba m’iniex l-għajn, jien m’iniex biċċa mill-ġisem”, ma jkunx ifisser b’daqshekk li hi mhijiex biċċa mill-ġisem. Kieku l-ġisem kollu kien għajn, fejn kien ikun is-smigħ? U kieku kien kollu smigħ, fejn kien ikun ix-xamm?

 

Iżda Alla qiegħed il-membri fil-ġisem kull wieħed f’postu, kif għoġbu hu. Kieku kollha kellhom ikunu membru wieħed, fejn hu l-ġisem? Imma ħafna, iva, huma l-membri, iżda wieħed hu l-ġisem. L-għajn ma tistax tgħid lill-id: “Jiena ma għandix bżonnok”, anqas ir-ras ma tgħid lis-saqajn: “Ma għandix bżonnkom”. Mhux hekk biss, imma l-membri tal-ġisem li jidhru l-aktar dgħajfa, huma l-aktar meħtieġa; u dawk li nqisu bl-inqas ġieħ fil-ġisem, lil dawn l-aktar li nieħdu ħsiebhom; u ’l dawk li ma għandhomx ġmiel, inlibbsuhom b’aktar ġmiel; għax il-membri sbieħ ma għandhom bżonn xejn. Alla imma bena l-ġisem b’mod li żejjen b’aktar ġieħ lil dawk li jeħtiġuh l-aktar.

 

B’hekk ma jkunx hemm firda fil-ġisem, imma l-membri kollha jaħsbu f’xulxin. Jekk membru jbati, ibatu lkoll miegħu; jekk membru jingħata l-ġieħ, jifirħu lkoll miegħu. Intom il-ġisem ta’ Kristu, u kull wieħed minnkom membru tiegħu. Lil xi wħud Alla qegħedhom fil-Knisja fl-ewwel post bħala appostli, it-tieni bħala profeti, it-tielet bħala għalliema. Imbagħad id-don tal-mirakli, imbagħad id-don tal-fejqan, l-għajnuna, it-treġija, u d-don ta’ ilsna diversi. Jaqaw ilkoll appostli? Ilkoll profeti? Ilkoll għalliema? Ilkoll bid-don tal-mirakli? Ilkoll għandhom id-don tal-fejqan? Ilkoll jitkellmu bl-ilsna? Ilkoll ifissru?

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lq 4:18

 

Hallelujah. R/. Hallelujah.

Il-Mulej bagħatni nwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin,

u rrodd il-ħelsien lill-maħqurin.

R/. Hallelujah.

 

Evanġelju

Din il-kitba seħħet illum.

Lq 1:1-4; 4:14-21

 

Bidu tal-Evanġelju skont San Luqa

 

Bosta kienu dawk li ħadu f’idejhom ix-xogħol li jiġbru bl-ordni f’rakkont wieħed il-ġrajja li seħħew fostna, kif għaddewhom lilna dawk li sa mill-bidu rawhom b’għajnejhom stess u saru ministri tal-Kelma. Hekk ukoll jien, għażiż Teofilu, wara li bir-reqqa kollha qgħadt infittex it-tagħrif dwar kulma ġara sa mill-bidu nett, deherli li għandi niktiblek kollox ħaġa b’ħaġa, biex tagħraf sewwa l-verità sħiħa dwar kulma tgħallimt.

 

Jum wieħed, Ġesù, bil-qawwa tal-Ispirtu, reġa’ mar il-Galilija; u l-fama tiegħu xterdet ma’ dawk l-inħawi kollha, għax hu kien jgħallem fis-sinagogi tagħhom fost it-tifħir ta’ kulħadd. U ġie Nazaret fejn kien trabba. Daħal fis-sinagoga tagħhom, kif kien imdorri jagħmel nhar ta’ Sibt, u qam biex jaqra. Tawh f’idejh il-ktieb ta’ Iżaija l-profeta, fetħu u sab fejn kien hemm miktub dan li ġej:

 

L-Ispirtu tal-Mulej fuqi,

għax hu kkonsagrani.

Bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin,

inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin,

u d-dawl mill-ġdid lill-għomja,

irrodd il-ħelsien lill-maħqurin

u nxandar is-sena tal-grazzja tal-Mulej”.

 

Imbagħad raġa’ għalaq il-ktieb, tah lura lill-qaddej u qagħad bilqiegħda. Għajnejn kulħadd fis-sinagoga kienu msammra fuqu. U beda jgħidilhom: “Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu”.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Tifħir lilek, Kristu.

 

 
< Prev   Next >