Saturday, 02 July 2022
           
Home arrow News arrow Latest arrow IR-Raba' HADD MATUL IS-SENA (2022) KNISJA AWTENTIKA KNISJA PPERSEGWITATA
IR-Raba' HADD MATUL IS-SENA (2022) KNISJA AWTENTIKA KNISJA PPERSEGWITATA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Sunday, 30 January 2022

Din hija il-Liturgija tar-Raba' Hadd matul is-sena (2022) bi hsibijiet min Joe Rapa.

jesus-preaching-1.jpg

 

Il-Knisja ta’ Kristu hija Profeta għad-Dinja, Dawl fid-dlam, “Lumen Ġentium”.  L-istess in-Nisrani, huwa Profeta fl-ambjent fejn ipoġġih il-Mulej.  Bil-Magħmudija, in-Nisrani sar intimament ingastat fi Kristu, parti minnU u dak li hu ta’ Kristu sar tiegħu ukoll;  u Kristu huwa l-Profeta per eċċellenza, il-Mibgħut mistenni, li bil-miġja tiegħU l-Missier uriena dak kollu li kellu f’moħħu li juri lill-bniedem. 

 

Il-Profeta, min-natura tiegħu, jaqla’ l-inkwiet għax jgħid il-Verità.  Hu jqanqal l-ilma qiegħed u jqallbu ta’ taħt fuq, u kieku taf x’rieħa tinten toħroġ minnu!  Il-Profeta huwa dak li bħal Kristu jista’ jgħid: “Taħsbux li jiena ġejt inġib il-paċi fuq l-art!  Ġejt inġib mhux il-paċi, imma s-sejf.”  (Mt. 10, 34).  Għax il-veru Profeta neża’ minnu nnifsu biex jilbes lil Kristu li  hu l-Verità fuq kull bniedem.  Il-veru Profeta u l-veru Nisrani skopra, l-ewwelnett li hu maħbub minn Alla u li kien maħbub minn Alla meta hu kien għadu tiegħu.  “U hawn qegħda l-imħabba; mhux għax ħabbejna ’l Alla, imma għax ħabbna Hu u bagħat lil Ibnu biex ikun ta’ tpattija għal dnubietna.”  (1 Ġw. 4, 10).  Is-sejba ta’ din l-Imħabba-Misteru tnibbet f’qalb il-bniedem Imħabba reċiproka, Ħuġġieġa qaddisa ta’ Mħabba mhux biss lejn Alla iżda anke lejn il-proxxmu, għax min iħobb lil Alla jħobb lin-nies kif iħobbhom Alla għax l-Imħabba li hemm tgħammar fih hi l-Ispirtu s-Santu nnifsu.  Għal dan aħna msejħin, għal dan il-Ferħ, din il-milja tas-sens tal-Ħajja.

Il-Profeta jagħraf li l-biċċa l-kbira tal-biża’ li niltaqgħu miegħu f’din il-Ħajja mhu xejn ħlief biża’ fieragħ, biża’ li ġej mir-rabta żejda u marida mal-affarijiet li jgħaddu, ma’ sentimenti morda, ma’ idolatriji li Kristu jfejjaqna minnhom.  Min isib l-Imħabba vera ta’ Alla, jinża’ l-bniedem il-qadim u jsir għal kollox ġdid.  Fl-imħabba ma hemmx biża’; l-imħabba sħiħa tkeċċi l-biża’ ’l barra, għax il-biża’ għandu x’jaqsam mal-kastig.”  (1 Ġw. 4, 18).  Hu minħabba f’hekk li l-Profeta jaffordja li jgħid il-Verità dejjem u lil kulħadd, u dan ma jiġbidx għal fuqu popolarità, tifħir, ħbiberiji!  Staqsu lil Ġwanni l-Għammiedi u lill-Profeti kollha, u lill-Insara li ġew warajhom!  “Ħuti tistagħġbux jekk id-dinja tobogħdkom.”  (1 Ġw. 3, 13).  Imma Kristu jħobbha d-dinja u jgħidilha l-Verità u spiċċa msallab.  Il-Knisja, li hi l-Ġisem ta’ Kristu, tħobb lid-dinja u tgħidilha l-Verità u għalhekk hi pperseġwitata u huma l-Insara l-iktar, bil-bosta l-iktar, li jmutu martri kull sena.  Il-Knisja vera ta’ Kristu sofriet mibegħda minn kull naħa tal-isfera politika: bagħduha l-faxxisti u n-nażisti, u bagħduha wkoll il-komunisti.  In-Nisrani veru għandu saħansitra nies “reliġjużi” kontrih u ma rridux ninsew li kienu nies “reliġjużi” ħafna li sallbu lil Kristu... la l-politika u lanqas il-poter militari ta’ żmienu!  “Iva, ġejt nifred lil-bniedem minn missieru, lill-bint minn ommha, u lill-mara minn omm żewġha; u l-bniedem ikollu n-nies ta’ daru stess għedewwa tiegħu.”  (Mt. 10, 35-36).

 

Diġa dħalna fi żmien fejn Alla qed jożbor il-Knisja tiegħU, iċekkinha, jagħmilha ħafna iktar umli, “Fdal”, biex hekk issir iktar awtentika, xhud veru tal-Verità li hi biss fi Kristu.  Fi Franza aktarx jgħaddu liġi kontra l-Evanġelizzazzjoni, kontra li int tagħti xhieda tal-Imħabba ta’ Kristu lil xi ħadd, jekk mhux fi knisja tal-ġebel.  Qalu li ma jridux proselitiżmi għax tkun qed tagħmel vjolenza fuq l-ieħor.  Dan meta twassallu l-Imħabba mmensa ta’ Alla!  Għaliex tibża’ daqshekk minn Kristu d-dinja?  Fejn hemm il-biża’ hemm il-vjolenza u l-persekużżjoni.  L-Ewropa, li tant niftaħru biha, għad trid timla l-ħabsijiet tagħha bix-xhieda ta’ Kristu li jkunu ġew akkużati fil-qrati b’fundamentaliżmu, b’“hate speech” u b’mitt qerq ieħor.  U pajjiżna...? 

 

Dan kollu qed ngħiduh għax il-Liturġija tal-Kelma tal-lum titkellem fuq li Kristu se jkun opponut u jkollu għedewwa f’kull ġenerazzjoni.  Il-Vanġelu tal-lum iwassal il-kliem tiegħU: “Tassew ngħidilkom, ebda profeta ma jilqgħuh tajjeb f’pajjiżu.”  (Lq. 4, 24).  U jekk int trid tkun taf jekk intix Nisrani “kulturalment” biss, jiġifieri skont id-drawwiet, tajbin kemm huma tajbin, biss, jew intix Nisrani “ġuridikament” biss, jiġifieri għax għammduk darba u ismek tniżżel fuq ir-reġistru tal-kappillan biss, jew jekk intix Nisrani xhud ta’ Kristu, ara għandekx għedewwa minħabba fiH.  Min jixhed għal Kristu jkollu għedewwa, mhux minħabba l-wirt, jew l-idejat politiċi tiegħu, jew għax kellu xi jgħid ma’ xi ħadd, iżda għax hu Profeta!

 

Imma dan kollu mhux biex nintelqu u nibdew naħsbu li aħjar ma tkun Nisrani xejn.  Għax ngħiduha kif inhi, aħna lkoll nippreferu ħajja  komda, bla nkwiet, bla Salib...  Min jixhed għal Kristu u jħobb lill-Knisja tiegħU, jagħmel dan għax skopra li kien Kristu, u Kristu biss, li ħabbu hekk kif inhu, bla  kundizzjonijiet, bla ma talbu biex jinbidel.  Anzi meta kien ħażin, Alla, fi Kristu, fetaħ idejH beraħ fuq is-Salib u qallu: “Daqshekk inħobbok jien lilek!”  Ma ġġudikahx u ma kkundannahx.  Dan jgħidu l-ħin kollu l-Vanġelu.  Hemm ferħ kbir imens li wieħed jimxi l-Ħajja, l-Istorja fil-kumpanija ta’ Kristu.  Meta bniedem jiltaqa’ ma’ Kristu jiskopri dan kollu u jinduna li l-Imħabba vera tassew tkeċċi l-biża’ ’l barra!

 

It-Tieni Qari tal-lum jitkellem fuq l-Imħabba u l-Knisja daħlitu f’nofs il-qari tal-ġurnata biex tenfasiżża li l-aqwa arma li għandu l-Profeta mhix il-kuraġġ, lanqas xi saħħa umana, u anqas u anqas li hu xi “superman”.  Hu bniedem dgħajjef bħal ħaddieħor, jista’ jkun anke agħar minn ħaddieħor meta ltaqa’ l-ewwel darba mal-Mulej... staqsu lil San Pawl!  L-aqwa arma tal-Profeta hija l-Imħabba.  “L-imħabba kollox tagħder, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti.”  (1 Kor. 13, 7). 

 

Hija din l-Imħabba li tagħmel mill-Knisja, Dawl, Melħ u Ħmira għall-bnedmin kollha tal-art biex biha jsalva kulħadd anke dawk li mhumiex membri tagħha.  Hi tipprova ddawwal anke lill-imbegħdin, tagħti togħma lill-borma kollha, u ttella’ l-għaġna anke jekk ftit ikunu magħha, għax kemm id-Dawl u kemm il-Melħ u kemm il-Ħmira, ftit minnhom hu dejjem biżżejjed.

 

Imma fuq kollox, kemm id-Dawl li jinħela waqt li jdawwal, kemm il-Melħ li jinħall waqt li jmellaħ, u kemm il-ħmira li tgħib fl-għaġna, dawn it-tlieta jinagħtaw sal-mewt għall-oħrajn.  Għax in-Nisrani jitlef Ħajtu waqt li jixhed.  Int titlef ħinek, il-kumdità tiegħek, il-mistrieħ tiegħek... tgħid le lilek innifsek, imma mhux b’Liġi għax hekk hu tajjeb u sewwa.  Le!  B’hekk malajr tgħejja.  Imma għax tħobb!  L-Imħabba tagħmel kollox u “l-Imħabba ma tmut qatt!”  (1 Kor. 13, 8).

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

Qari I

Jien qegħedtek profeta fuq il-ġnus.

Ġer 1:4-5,17-19

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija

 

Fi żmien Ġosija,

ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli:

Qabel ma sawwartek fil-ġuf, għaraftek;

qabel ma ħriġt minn ħdan ommok, ikkonsagrajtek.

Jien qegħedtek profeta fuq il-ġnus.

Ħażżem ġenbejk,

qum u għidilhom kulma nordnalek.

La tibżax minnhom,

għax inkella nbeżżgħek jien quddiemhom.

Arani, illum se nagħmel minnek

belt fortizza,

kolonna tal-ħadid,

ħajt tal-bronż,

kontra l-pajjiż kollu,

kontra s-slaten ta’ Ġuda, u l-prinċpijiet tiegħu,

kontra l-qassisin tiegħu u l-poplu tal-pajjiż.

Huma jeħduha kontrik, imma ma jagħmlulek xejn,

għax jien inkun miegħek – oraklu tal-Mulej – biex neħilsek minnhom”.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Salm Responsorjali

Salm 70(71):1-2,3-4a,5-6ab,15ab,17

 

R/.(15): Fommi jxandar il-ġustizzja tiegħek.

 

Fik, Mulej, jien nistkenn;

ma jkolli qatt għax ninfixel.

Għall-ġustizzja tiegħek salvani u ħarisni;

agħtini widen u fittex eħlisni. R/.

 

Kun sur ta’ kenn għalija;

int wegħedt li tiġi dejjem issalvani,

għax blata u fortizza int għalija.

Alla tiegħi, ħarisni minn id il-ħażin. R/.

 

Għax inti, Sidi, it-tama tiegħi;

Mulej, inti l-fiduċja tiegħi sa minn żgħożiti.

Fuqek serraħt sa minn twelidi,

sa minn ġuf ommi inti ħadtni. R/.

 

Fommi jxandar il-ġustizzja tiegħek,

il-jum kollu l-għemejjel tal-għajnuna tiegħek.

O Alla, sa minn żgħożiti int għallimtni;

u jien s’issa għadni nxandar għeġubijietek. R/.

 

Qari II

Issa hawn fidi, tama u mħabba, it-tlieta jibqgħu. Il-kbira fosthom l-imħabba.

1 Kor 12:31–13:13

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

 

Ħuti, intom ħabirku għal doni ogħla. Imma jien nurikom triq li tgħaddihom ilkoll. Li kont nitkellem bl-ilsna tal-bnedmin u tal-anġli bla ma kelli l-imħabba, kont inkun qisni strument tar-ram iżarżar jew platti jċekċku. U kieku kelli d-don tal-profezija u kont naf il-misteri kollha u l-għerf kollu, kieku kelli l-fidi tiegħi sħiħa li nqanqal il-muntanji, imma ma kellix imħabba, jiena ma kont inkun xejn. U kieku kelli nqassam ġidi kollu fil-karità u nagħti ġismi għall-ħruq bla ma jkolli mħabba, xejn ma jkun jiswieli ta’ ġid.

 

L-imħabba taf tistabar u tħenn; l-imħabba mhijiex għajjura, ma tintefaħx biha nfisha, ma titkabbarx fuq l-oħrajn; ma tagħmilx dak li mhux xieraq; ma tfittixx dak li hu tagħha, xejn ma tinkorla; ma żżommx f’qalbha għad-deni, ma tifraħx bl-inġustizzja, imma tifraħ bil-verità; kollox tagħder, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti.

 

L-imħabba ma tintemm qatt. Jgħibu l-profeziji, jisktu l-ilsna, jgħib l-għerf. Għalissa nafu biċċa, u l-profezija tagħna hi nieqsa; imma meta jfeġġ dak li hu sħiħ, jgħib dak li hu nieqes. Meta kont tarbija, kont nitkellem ta’ tarbija, inħoss ta’ tarbija, naħseb ta’ tarbija. Meta sirt raġel warrabt dak li hu ta’ tarbija. Bħalissa naraw bħallikieku f’mera, imċajpar, imma mbagħad naraw wiċċ imb wiċċ. Issa nagħraf biċċa, imbagħad nagħraf bħalma jien magħruf issa. Issa hawn fidi, tama u mħabba, it-tlieta jibqgħu. Il-kbira fosthom l-imħabba!

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lq 4:18

 

Hallelujah. R/. Hallelujah.

Il-Mulej bagħatni nwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin,

u rrodd il-ħelsien lill-maħqurin.

R/. Hallelujah.

 

Evanġelju

Ġesù ma kienx mibgħut għal-Lhud biss.

Lq 4:21-30

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien Ġesù qal lin-nies fis-sinagoga: Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu”. U lkoll laqgħu kliemu u stagħġbu għall-kliem mimli ħlewwa li kien ħiereġ minn fommu u bdew jgħidu: “Dan mhuwiex bin Ġużeppi?”. Iżda hu qalilhom: “Żgur li se tgħidu għalija dan il-proverbju: ‘Tabib, fejjaq lilek innifsek. Dak kollu li smajna li ġara f’Kafarnahum agħmlu hawn f’pajjiżek ukoll!. U żied jgħidilhom: “Tassew, ngħidilkom, ebda profeta ma jilqgħuh tajjeb f’pajjiżu. Għax, ngħidilkom is-sewwa, kien hemm bosta romol f’Iżrael fi żmien Elija meta s-sema baqa’ tliet snin u sitt xhur magħluq u waqa’ ġuħ kbir fil-pajjiż kollu; madankollu għand ħadd minnhom ma ntbagħat Elija, imma għand waħda armla minn Sarefta ta’ Sidon. U kien hemm bosta lebbrużi f’Iżrael fi żmien il-profeta Eliżew, imma ħadd minnhom ma ġie mfejjaq ħlief Nagħman tas-Sirja”. Meta semgħu dan fis-sinagoga kulħadd imtela bil-korla; qamu, u ħarġuh ’il barra mill-belt, ħaduh fuq xifer ta’ rdum tal-għolja li fuqha kienet mibnija l-belt tagħhom, u riedu jixħtuh minn hemm fuq għal isfel. Iżda hu għadda minn ġo nofshom u baqa’ sejjer.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Tifħir lilek, Kristu.

 

 
< Prev   Next >