Din
hija il-Liturgija tal-Hames Hadd matul is-sena (2022) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Il-Liturġija tal-Kelma ta’ dan il-Ħadd tlaqqagħna ma tnejn min-nies li
kellhom laqgħa ħajja u qawwija ma’ Alla.
Din il-frażi “laqgħa ma’ Alla” sikwit qed nisimgħuha u naħseb li għa ħafna
ftit li xejn tinftiehem. Qed tinagħta
ħafna enfasi, u bir-raġun, imma l-bniedem jistaqsi: “Imma jien x’irrid nagħmel
biex ikolli din l-esperjenza għax lanqas biss naf x’inhi.
Esperjenza ta’ Alla, jew laqgħa ma’ Alla, jkun mument li int tibqa’ tiftakru
ħajtek kollha, u meta tkun f’xi kriżi ta’ Fidi, għax ma tkunx qed tara
l-Imħabba ta’ Alla fl-Istorja tiegħek, int tfakkar lilek innifsek din
l-esperjenza u tiggranfa magħha. Inti
tħares lura u tgħid lilek innifsek: “Ftakar!
Dak inhar kont dahri mal-ħajt. Ma
stajt nagħmel xejn iktar jien. Intlaqt
fil-Mulej għax ma kellix triq oħra u b’Sorpriza kbira u hienja għalija, għadda
Alla minn ħajti. Hu tassew għadda minn
ħajti dak in-nhar. Dak in-nhar jien
indunajt li Alla tassew jeżisti u jien importanti ħafna ħafna għaliH. U jekk xi ħadd jistaqsini għaliex nemmen
f’Alla jien nirrakkonta dik l-Istorja, anke jekk il-kliem li jiġini huwa fqir
wisq biex nesprimi l-emozjonijiet tiegħi.
Issa, x’jista jagħmel wieħed biex ikollu din l-esperjenza ta’ Alla? Xejn!
Din il-ġrajja ma tistax tisforzaha int, jew tivvintaha. Huwa Hu li jiġi. Hija għal kollox xogħlu. Iżda jekk int bniedem immarkat minnU biex
tinagħta Fidi kbira, ibqa’ ċert li din l-esperjenza se tgħaddi minnha. Huwa Hu li jipprovoka l-Istorja, huwa Sid
l-Istorja, il-bidu ta’ kull xi ħaġa kbira f’Ħajjitna.
Il-Qari mit-T.Q. ikellimna fuq l-esperjenza ta’ konverżjoni, biex
insejħulha hekk, ta’ Isaija l-Profeta, li kien għadu żagħżugħ. Kien qiegħed fit-Tempju meta kellu din
l-esperjenza meraviljuża ta’ Alla.
L-ewwel reazzjoni ta’ kull min jiltaqa’ tassew ma’ Alla hi
l-Indiema! L-Indiema tad-dnubiet! Għax laqgħa ma’ Alla dejjem hi laqgħa
mal-Imħabba tiegħu u l-iskoperta kemm int dejjem kont ingrat fir-relazzjoni
tiegħek miegħU. Tibqa’ mbellaħ kif int
hekk importanti għaliH. L-ewwel kelmiet
li ż-żagħżugħ Isaija lissen malli għajnejh raw il-Mulej kienu: “Jaħasra għalija! Mitluf jien!
Bniedem b’xofftejh imniġġsa jien, u f’nofs poplu b’xofftejh imniġġsa ngħammar; madankollu rajt
b’għajnejja lis-Sultan, il-Mulej tal-eżerċti!”
(Is. 6, 5). Issa,
naturalment, ħadd mhu se jkollu din l-esperjenza tremenda li kellu Isaija. Iżda għalina, li aħna tant żgħar fil-Fidi u
anke fix-xogħol li jqabbadna nagħmlu l-Mulej, l-esperjenza tiegħU li Hu
jagħtina tkun kbira biżżejjed biex tibqa’ tiftakarha sa fuq is-sodda
tal-Mewt. Hawn min ikolli iktar minn
Memorjal wieħed. Għax ġrajja qawwija
tal-Grazzja, insejħulha “Memorjal”, xi ħaġa li tidħol fil-Memorja tiegħek għal
dejjem.
Quddiem il-Qdusija u l-Imħabba gratis ta’ Alla, Isaija jħossu “zero”. Jinduna kemm kien hemm abbiss jaqsam bejn
il-Ħajja tiegħu u dik li xtaq minnu Alla.
Imma flok inħaraq bid-dehra, Isaija jesperimenta l-Maħfra ħelwa tal-Mulej,
ir-Rikonċiljazzjoni totali, tindif ġewwieni, anzi bidla fin-natura tiegħu. Dan kollu seħħ b’antiċipazzjoni tal-Misteru
tal-Għid ta’ Kristu. Għax il-Mewt u
l-Qawmien ta' Kristu huma ċ-Ċentru tal-Istorja u kull ħaġa tajba li seħħet
qabel ħarġet mill-Merti miksuba ta’ Kristu b’antiċipazzjoni! Ir-rakkont isemmielna ġamra nar f’idu li hu kien qabad
b’imqass minn fuq l-altar, u messlu fommu biha u qallu: ‘Ara, din messitlek
xofftejk: ħżunitek għabet, u dnubek inħafer.”
(Is. 6, 6-7).
Kull dnub li jinħafer, jinħafer għax patta għalih Ġesù Kristu, il-Ħaruf bla
tebgħa maqtul għalina u għal kull bniedem.
Għalhekk dik il-ġamra li l-anġlu qabad b’imqass mill-artal tal-inċens
hija xbieha ta’ Kristu li ħa fuqu d-dnubiet tiegħi u tiegħek u tad-dinja kollha
fuqu u ħaraqhom minn ġo fina! Din l-Opra
Qaddisa ta’ Alla tant tnissel ferħ fil-bniedem, li issa mhux l-obligu, jew
il-Liġi, jew għax hekk hu sewwa, li jimbuttaħ biex jagħmel dak li jgħidlu Alla,
iżda l-Imħabba, is-sens ta’ Ħelsien li jirievi.
Hu jsir bniedem ġdid u Isaija jgħajjat quddiem Alla: “Hawn jien, ibgħat lili! Ibgħat lili!”
(Is. 6, 8). Għax Alla kien staqsa “Lil min se nibgħat? Min se jmurilna?” U hekk mil-laqgħa qaddisa, Isaija għadda
għall-Indiema, u mbagħad biex isir sajjied tal-bnedmin.
Esperjenza simili, anke jekk inqas spettakulari, kellu Pietru, li kien
għadu xettiku dwar Ġesù, il-Profeta minn Nazaret. Quddiemu seħħ miraklu enormi ta’ qabda kbira
ta’ ħut u dan is-sinjal ta’ barra minn hawn għenu jemmen li dak il-bniedem li
kellu quddiemu kien bniedem ta’ Alla, xi ħadd speċjali, tal-għaġeb. Induna li kien fil-Preżenza ta’ Alla li
fid-dawl tagħha, bħal Isaija, huwa ra kemm kien goff, żorr, bla mħabba u kemm
dejjem ta dahru lil Alla li kien iħobbu.
Lil Ġesù qallu: “Tbiegħed minni,
Mulej, għaliex jiena raġel midneb!” (Lq.
5, 8). Imma t-tweġiba sorprendenti ta’ Kristu
ma kinitx, “Sewwa qed tgħid! Għandek
ħafna minn xhiex tikkonverti! Ħu ħsieb ruħek!”
Le! Imma qallu: “Tibżax; minn issa ’l quddiem tkun taqbad
in-nies.” (Lq. 5, 10). U bħal
Isaija, Pietru u sħabu ħallew kollox warajhom u telqu għall-avventura ġdida ma’
Kristu l-Mulej.
Issa din hi l-Kelma ta’ Alla, Kelma li hi għal kull bniedem, Kelma li
qegħda sseħħ issa. Hi Kelma li
dejjem hi Misteru għax għalkemm storikament ġrat ilu, hi seħħ f’min ikun qed jisma’
waqt li tiġi proklamata. Għax il-Kelma
ta’ Alla hi ħajja, hi Nar li jaħraq id-dnub, hi ilma li mid-deżert ta’ ġo fina
jagħmel ġnien imsoqqi tajjeb. Għalhekk
din il-Kelma llum tistedinna biex napprofondixxu l-Fidi tagħna. Inħaffru għat-Teżor! Min jemminha din il-kelma? Inħaffru għat-Teżor li mhux xi wirt
tad-dinja, jew xi kaxxa mimliha pakketti tal-ewros. Inħaffru għat-Teżor! It-Teżor li hu Kristu! it-Teżor li hu rebħa fuq il-Mewt minn hawn
stess b’tali mod li meta nirċievu xi aħbar ħażina dwar saħħitna jew saħħet xi
ħadd għażiż għalina, inħoss ż-żiffa ħelwa tal-Ispirtu jdur madwarna bħalma
ħassewh dawk it-tliet żgħażagħ fil-ħuġġieġa tan-nar. Ara taħsbu li dawn l-affarijiet ma jiġrux. Kemm hawn Insara ta’ veru li jimxu fuq
il-baħar tal-inkwiet u tal-biża’ tal-Mewt minħabba l-Fidi li għandhom fi Kristu
Mqajjem fuq l-imwiet! Dan hu t-Teżor li
għandna nfittxu. J’Alla l-Mulej jagħtina
l-Għerf li jgħinna ngħarfu l-vera ġojjelli.
Kollox ġej mill-Aħbar it-Tajba. Jew
temminha jew ma temminhiex. Hawn ħafna
nies “reliġjużi” li jaħsbu li għandhom il-Fidi imma m’għandhom l-ebda ħajra jew
aptit jidħlu dejjem iktar ’il ġewwa fl-Għarfien ta’ Kristu. Malli ssemmilhom xi laqgħa jitgerrxu u
jaqbadhom il-bard! Min isib it-Teżor,
jimtela bid-Dawl. Hu mhux id-Dawl, imma
jirrifletti d-Dawl li hu Kristu. In-Nisrani
veru huwa ‘Prekursur’ ta’ Kristu, iżda huwa Kristu li jfejjaq, jeħles, idewwi,
iġedded iż-żgħożija... isalva u jagħti r-Rebħa.
Alla jibgħat nies qablu, ‘profeti’, ‘sajjieda tan-nies’, ‘Prekursuri’,
biex iħejjulu t-triq. Imma dawn huma
biss ‘ġarar tal-fuħħar’ li jġorru fihom infushom it-Teżor li minnu tnissel
l-univers kollu.
Il-Liturġija tal-Kelma għal-lum:
Qari I
Hawn jien:
ibgħat lili!
Iż 6:1-2a,3-8
Qari mill-Ktieb
tal-Profeta Iżaija
Fis-sena
li fiha miet is-sultan Għużżija, jien rajt lil Sidi bilqiegħda fuq tron għoli
merfugħ ’il fuq; djul il-libsa tiegħu kienu jimlew it-tempju. ’Il fuq
minnu kien hemm serafini, li kienu jgħajtu u jwieġbu lil xulxin:
“Qaddis,
qaddis, qaddis hu l-Mulej tal-eżerċti!
L-art
kollha mimlija bil-glorja tiegħu”.
Bl-għajat
tagħhom is-sisien tal-għetiebi theżżu, u t-tempju mtela bid-duħħan. Imbagħad
jiena għedt:
“Jaħasra
għalija! Mitluf jien!
Bniedem
b’xufftejh imniġġsa jien!
U
f’nofs poplu b’xufftejh imniġġsa ngħammar;
madankollu
rajt b’għajnejja lis-Sultan, il-Mulej tal-eżerċti”.
Wieħed
mis-serafini ttajjar lejja, b’ġamra nar f’idu, li hu kien qabad bi mqass minn
fuq l-altar, u messli fommi biha u qalli:
“Ara,
din messitlek xufftejk:
ħżunitek
għebet, u dnubek inħafer”.
Imbagħad
smajt leħen Sidi jgħid: “Lil min se nibgħat? Min se jmurilna?”. U jien
weġibt: “Hawn jien: ibgħat lili!”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/.
Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
Salm 137(138):1-2a,2bċ-3,4-5,7ċ-8
R/.(1ċ): Quddiem l-allat,
Mulej, irrid ngħannilek.
Irroddlok ħajr,
Mulej, b’qalbi kollha,
għaliex int smajt
kliem fommi.
Quddiem l-allat irrid
ngħannilek.
B’wiċċi fl-art
ninxteħet quddiem is-santwarju tiegħek. R/.
Irroddlok ħajr
għat-tjieba u l-fedeltà tiegħek,
għax int kabbart
ismek u kelmtek fuq kollox.
Meta sejjaħtlek, int
weġibtni,
kattarli l-qawwa
f’ruħi. R/.
Iroddulek ħajr,
Mulej, is-slaten kollha tal-art,
għaliex semgħu
l-kliem ta’ fommok.
U jgħannu l-imġiba
tal-Mulej,
għax kbir hu sebħ
il-Mulej! R/.
Il-leminija
tiegħek issalvani.
Il-Mulej
iżomm kelmtu miegħi.
It-tjieba tiegħek,
Mulej, tibqa’ għal dejjem;
la
titlaqx għemil idejk. R/.
Qari II
Dan
aħna xandarna, u dan emmintu intom.
1
Kor 15:1-11
Qari mill-Ewwel
Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
Ħuti,
irrid infakkarkom fl-Evanġelju li xandarnielkom u li intom ilqajtu u li fih
qegħdin iżżommu sħiħ. Bih intom salvi bil-kelma li jien ħabbartilkom, kemm-il
darba żżommuha, jekk ma emmintux għalxejn.
Qabelxejn,
jien għallimtkom dak li tgħallimt jien, jiġifieri, li Kristu miet minħabba
dnubietna, skont l-Iskrittura; difnuh u qam mill-imwiet fit-tielet jum, skont
l-Iskrittura. U deher lil Kefa, u mbagħad lit-Tnax.
Deher
imbagħad lil aktar minn ħames mitt aħwa flimkien. Ħafna minnhom għadhom ħajjin
sal-lum; xi wħud
minnhom raqdu. Imbagħad deher lil Ġakbu u lill-appostli kollha. Fl-aħħar deher
lili wkoll wara kulħadd, qisni twelidt mormi qabel il-waqt, għax jien l-inqas
wieħed fost l-appostli, u ma jistħoqqlix nissejjaħ appostlu, għaliex kont
naħqar il-Knisja ta’ Alla.
Imma
bil-grazzja ta’ Alla jien dak li jien u l-grazzja tiegħu fija ma sfatx
fix-xejn, għax tħabatt ħafna iktar minnhom ilkoll; għad li mhux jien, iżda
l-grazzja ta’ Alla li hi miegħi. Imma sew huma u sew jien, dan aħna xandarna, u
dan emmintu intom.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/.
Irroddu ħajr lil Alla.
Jew il-forma
l-qasira
Qari II
Dan
aħna xandarna, u dan emmintu intom.
1
Kor 15:3-8,11
Qari mill-Ewwel
Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
Ħuti,
jien għallimtkom dak li tgħallimt jien, jiġifieri, li Kristu miet minħabba
dnubietna, skont l-Iskrittura; difnuh u qam mill-imwiet fit-tielet jum, skont
l-Iskrittura. U deher lil Kefa, u mbagħad lit-Tnax. Deher imbagħad lil aktar
minn ħames mitt aħwa flimkien. Ħafna minnhom għadhom ħajjin sal-lum;
xi wħud minnhom raqdu. Imbagħad deher lil Ġakbu u lill-appostli kollha.
Fl-aħħar deher lili wkoll wara kulħadd, qisni twelidt mormi qabel il-waqt. Imma
sew huma u sew jien, dan aħna xandarna, u dan emmintu intom.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/.
Irroddu ħajr lil Alla.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Mt 4:19
Hallelujah. R/.
Hallelujah.
Ejjew warajja,
u nagħmilkom sajjieda
tal-bnedmin.
R/. Hallelujah.
Evanġelju
Telqu kollox u
marru warajh.
Lq 5:1-11
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
Darba l-kotra bdiet
tross fuq Ġesù biex tisma’ l-kelma ta’ Alla. Hu kien qiegħed f’xatt l-għadira
ta’ Ġennesaret. U ra żewġ dgħajjes qegħdin max-xatt; is-sajjieda kienu niżlu
minn fuqhom u kienu qegħdin jaħslu x-xbiek. Tela’ fuq waħda minnhom, li kienet ta’
Xmun, u talbu jaqla’ kemmxejn ’il barra mill-art;
imbagħad qagħad bilqiegħda u beda jgħallem lin-nies mid-dgħajsa. Meta temm li
kellu jgħid, qal lil Xmun: “Aqdef ’il barra fil-fond, u
kalaw ix-xbiek tagħkom għas-sajd”. Wieġbu Xmun u qallu: “Mgħallem, għamilna
lejl sħiħ nitħabtu u ma qbadna xejn. Imma, la qiegħed tgħid int, ħa nkala
x-xbiek”. Hekk għamlu, u qabdu kotra hekk kbira ta’ ħut li x-xbiek tagħhom kien
għoddu nqasam. Għalhekk għamlu sinjal lil sħabhom li kienu fid-dgħajsa l-oħra
biex jiġu jgħinuhom. Dawk ġew, u mlew iż-żewġ dgħajjes hekk li għal ftit ma
għerqux.
Xmun Pietru, kif ra
dan, inxteħet f’riġlejn Ġesù u qallu: “Tbiegħed minni, Mulej, għaliex jiena
raġel midneb!”. Għax baqgħu
tassew mistagħġba, kemm hu u kemm dawk kollha li kienu miegħu, għal dik
il-qabda ħut li qabdu. U hekk ukoll ġralhom Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew, li
kienu sħab Xmun. Imbagħad Ġesù qal lil Xmun: “Tibżax; minn issa ’l quddiem tkun
taqbad in-nies”. Meta mbagħad ressqu d-dgħajjes mal-art, telqu kollox u marru
warajh.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/.
Tifħir lilek, Kristu.
|