Saturday, 02 July 2022
           
Home arrow News arrow Latest arrow IS-6 HADD MATUL IS-SENA (2022) VALURI
IS-6 HADD MATUL IS-SENA (2022) VALURI PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 12 February 2022
 13222.jpg

 

Din hija il-Liturgija tas-Sitt Hadd matul is-sena (2022) bi hsibijiet min Joe Rapa.

Min iħobb il-Knisja ta’ Kristu jaf li fi żminijietna hemm ħafna ilħna, anke fil-Knisja, li jridu li l-hi tadatta ruħha għad-dinja, tifhem aktar lid-dinja, iċċedi ċerti valuri biex id-dinja tkun tista’ taċċettaha aktar, għax qed naraw jiġri fenomenu fejn il-“massa” tinsab ħierġa mill-Knisja fil-pajjiżi “progressivi” u se jibqa’ biss il-“Fdal”.  Dan qed iseħħ ukoll f’pajjiżna.  Pajjiżna jixbaħ ħafna lil Spanja u l-Irlanda.  Dan il-proċess ta’ kollass dam ma beda għandna, iżda malli beda sar bħal riefnu.  Dan nissel paniku fost ħafna li sinċerament iridu l-ġid lill-Knisja.

 

Li hemm bżonn tiġdid fil-metodu kif il-Knisja ġġorr lid-dinja bħal dawk l-erbgħa tal-Vanġelu li ġarrew il-magħtub għal quddiem Kristu billi taqqbu s-saqaf, huwa ovvju u ċar.  Ma setgħux jidħlu mill-bieb, taqqbu s-saqaf!  Jekk in-nies qed jonqsu mill-knejjes tagħna, u dan fuq medda issa twila ta’ żmien, dan ifisser li l-pastorali sagramentali qegħda dejjem iktar tilħaq numru iżgħar ta’ nies.  Għaliex in-nies m’għadhiex tersaq lejn Kristu fis-Sagramenti li huma “Sinjali” tal-Preżenza tiegħU li tfejjaq?  Għax m’għadhomx jemmnu, jew fiH jew fil-Preżenza tiegħu f’dawn il-waqtiet qaddisa.  Jekk wieħed marid b’marda li ħadd ma sab fejqan għaliha, imma jisma’ li fil-Brażil hemm wieħed li qed ifejjaq in-nies minn din il-marda, nassigurak li hu jittallab, ifaddal, jara minn fejn iġib il-flus biex imur hemm u jħallas lil dan il-bniedem biex ifejqu. 

 

Il-bniedem jagħmel kollox biex jeħles mill-inkwiet.  Mela għaliex lejn Kristu ħafna m’għadhomx jersqu?  Għax qegħdin inġarrbu kollass tal-Fidi.  Kulturi, folklor u drawwiet għandna kemm trid u tara nies “jibku” malli jaraw l-istatwa titulari ħierġa mill-knisja, iżda ftit li xejn jersqu lejn Kristu fil-qalba tal-problemi tal-Ħajja.  Fil-qosor: billi s-Sagramenti tal-Knisja jistrieħu fuq il-Fidi, (għax ħadd ma jmur jiġbor l-ilma f’barmil imtaqqab), hemm bżonn li l-Knisja tinagħta b’ruħha u b’ġisimha għal metodi ġodda ta’ pastorali ta’ Evanġelizzazzjoni, biex tirkupra l-effetti tas-Sagramenti. Pawlu VI kien iħobb jgħid li hemm bżonn nibnu l-Knisja mill-ġdid f’kull ġenerazzjoni, qisha qatt ma eżistiet qabel!

 

Imma noqogħdu attenti!  Jekk il-metodu kif jinġarr il-bniedem għal għand Kristu jista’ jinbidel skont iċ-ċirkostanzi, lil Kristu ma nistgħux nibdluH!  U hawn jidħlu l-valuri.  Hemm valuri tad-dinja u hemm valuri ta’ Kristu.  Hija d-dinja li hi marida u mhux Kristu, u allura huma l-valuri tagħha li huma morda.  Kristu rebaħ il-Mewt u hu Ħaj għal dejjem, imma d-dinja tibqa’ taħt il-piż tal-biża tal-Mewt.  Hija hi li tinsab minduda, mifluġa fuq il-mitraħ, mhux il-Knisja li qegħda ġġorrha lejn Dak li hu l-Waħdieni li jista’ jfejjaqha.

 

Naturalment, hemm ħafna li dan il-kliem ma jogħġobhomx u jwaqqgħuh għaż-żuffjett. Illum teżisti “reliġjon” ġdida li tqim lill-“Bniedem” bħala alla.  Dawn jemmnu li l-bniedem qed jirbaħ ħafna battalji, waħda minnhom hija dik tad-“drittijiet”.  Ħafna minn dawn ma huma xejn ħlief dak li nisslet il-Knisja fil-mentalità moderna.  Kien Nisrani konvint (Wilberforce) li, wara ħafna telfiet u kedded, irnexxielu jikkriminalizza s-sistema tax-xiri u l-bejgħ ta’ bnedmin ħutna bħala lsiera.   Kienu l-valuri Nsara li mbuttaw tant riformi fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, tant kisbiet soċjali. 

 

Imma l-bniedem ma jafx b’xebgħa!  Issa, din il-manija għad-drittijiet hija mbuttata mill-egoiżmu li hemm fir-ruħ miġrugħa tal-bniedem.  Il-bniedem inqata’ miċ-ċertezza tal-Imħabba li ħalqitu u minflok għandu vojt li ma jistax jimla fih, dubji u suspetti fuq kollox.  Kollox sar prekarju għalih u allura nibet il-biża’ mit-tbatija, il-biża’ minn dak li ontoloġikament jista’ joqtlu.  Hu għalhekk li hu jidneb.  Sar egoista.  Adam mill-ewwel waħħal f’martu malli dineb.  Il-bniedem sar iħobb sakemm hu maħbub.  Malli jħossu mhedded, sar selvaġġ, u din hi n-natura li qegħda timbuttah għall-egoiżmu tad-drittijiet.  Tibda tifhem kif dan il-bniedem, fi żmien il-Griegi u r-Rumani kien jarmi t-trabi bniet tat-twelid fir-raba’ għax ma kinux jiswew daqs is-subien għax-xogħol, u l-lum ommijiet jagħmlu l-abort.

 

Il-problema hija problema tal-qalb.  Miskin il-bniedem li jaħseb li se jakkwista s-serħan tal-moħħ bil-valuri egoisti tiegħu, b’kemm jakkwista.  “Misħut il-bniedem li jittama fil-bnedmin li jfittex il-qawwa tiegħu fil-ġisem.  Ikun bħal siġra tal-għarar fix-xagħri, li ma tara ebda ġid ġej, li tgħammar f’art tikwi fid-deżert.”  (Ġer. 17, 5-6).  Imma l-bniedem li hu “ġdid” fil-Mulej, li kiber fil-Fidi u tħabbeb ma’ Alla tiegħu, tant li neża’ bil-mod il-mod in-natura egoista ta’ Adam u libes dik ħielsa ta’ Kristu għandu l-ilmijiet tal-Ħajja ġewwa fih.  “Hu bħal siġra ħdejn l-ilma mħawla, li egħruqha xxenxel lejn il-wied; ma tibżax meta tiġi s-sħana, il-weraq tagħha jibqa’ jħaddar; fis-sena tan-nixfa ma tinkeddx, u ma tehdiex milli tagħmel il-frott.”  (Ġer. 17, 8).  Dan hu li jgħidilna l-Ewwel Qari tal-lum. 

 

Hu ċar li hemm valuri u valuri.  Kif tista’ l-valuri ta’ Kristu, inbid qawwi tal-festa, qawwi wisq għal ħafna, tifqgħu bl-ilma biex jingħoġob?  Kristu ma jinbiegħx.  Mhux kummerċjali.  Min jiskoprih jinduna b’dan.  Ma jistax ikun hemm ftehim bejn id-dlam u d-Dawl; bejn Kristu u Beljal; bejn il-Mewt u l-Ħajja.  Kristu ma jfittixx dak li hu tiegħU iżda jinagħta, jinagħta, jinagħta.  Huwa jinagħta sa fuq is-Salib, u għal min?  Għall-għadu tiegħu għax il-Ferħ ta’ Alla hu li l-mejtin iqumu, li l-għedewwa tiegħu jaraw id-Dawl u jiksbu l-Ħajja għal dejjem.  Din hija l-Glorja tal-Missier.  Hu ma jridx li l-bniedem ikun qisu “tibna li jtajjarha r-riħ”  (S. 1, 4), daqqa jfittex  il-Ħajja hawn u daqqa hemm, skont ma tgħidlu l-moda, sakemm jgħaddilu ż-żmien u jisparixxi.

 

Il-Valuri Nsara huma mibnija fuq id-Diskors tal-Muntanja li parti minnu se nisimgħu fil-Vanġelu.  F’dan id-Diskors memorabbli, Kristu qaleb kollox ta’ taħt fuq.  GħaliH, huma aktar hienja dawk li qed iġorru salib, milli dawk li jgħixu mħaxħxin u komdi.  Aktar hienja huma dawk li l-Istorja ċekknithom u l-fallimenti faqqruhom, minn dawk li żżewġu lid-dinja u kulħadd iċapċpilhom.  Dan jixxokkja.  Imma dan hu Kristu u Hu ma jħalli lil ħadd jimmansah biex jaqbel xi ftit mal-massa u hekk ikollna iktar nies. 

 

Il-Qari li għandna minn 1 Korintin jitkellem ħafna fuq il-Qawmien ta’ Kristu.  Dan il-Qawmien għamel minn Kristu xi ħaġa li ftit nagħtu kasha.  Għamel minnU Spirtu li jinagħta lin-nies;  Spirtu ħaj għal dejjem;  garanzija li l-Mewt ma teqridx lill-bniedem iżda tibdlu; Natura ġdida, divina, li tikber f’min jemmen fiH.  Hu dan il-bniedem li jifhem l-Għerf li hemm moħbi fil-Beatitudnijiet.  Tassew “henjin il-foqra...  henjin dawk li għalissa bil-ġuħ...  henjin li għalissa jibku...  henjin dawk li huma mibgħuda, imwarrba, mgħajra u mżebilħa minħabba Bin il-bniedem.”  (Lq. 6, 20w).  Dawn huma dawk li jafu li fuqhom il-Ħaqq ġa sar, u sar fil-ġisem mejjet ta’ Kristu fuq is-Salib fejn miet id-“Dnub” tagħhom.  Il-Ħaqq fuqhom u fuq kull bniedem kien Ħniena!  Imma huma biss dawn il-“henjin” li jemmnu dan.  L-oħrajn jibqgħu jittamaw fil-valuri tad-dinja, ta’ min hu l-aqwa jħawwel.

 

Il-Liturġija tal-Kellma tal-lum:

 

Qari I

Misħut il-bniedem li jittama fil-bnedmin, imbierek il-bniedem li jittama fil-Mulej.

Ġer 17:5-8

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija

 

Dan jgħid il-Mulej:

“Misħut il-bniedem li jittama fil-bnedmin,

li jfittex il-qawwa tiegħu fil-ġisem,

u titbiegħed qalbu mill-Mulej.

Ikun bħal siġra tal-għargħar fix-xagħri,

li ma tara ebda ġid ġej,

li tgħammar f’art tikwi fid-deżert,

art mielħa fejn ħadd ma jgħammar.

Imbierek il-bniedem li jittama fil-Mulej,

u l-fiduċja tiegħu fil-Mulej.

Ikun bħal siġra ħdejn l-ilma mħawla,

b’għeruqha mxenxla lejn il-wied;

ma tibżax meta tiġi s-sħana,

il-weraq tagħha jibqa’ jħaddar;

fis-sena tan-nixfa ma tinkeddx,

u ma tehdiex milli tagħmel il-frott”.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Salm Responsorjali

Salm 1:1-2,3,4,6

 

R/.(Salm 39(40):5a): Hieni l-bniedem li jqiegħed fil-Mulej it-tama tiegħu.

 

Hieni l-bniedem li ma jimxix fuq il-pariri tal-ħżiena,

li ma jiqafx fi triq il-ħatjin,

li ma joqgħodx fil-laqgħat taż-żeblieħa;

imma fil-liġi tal-Mulej hi l-għaxqa tiegħu,

lejl u nhar jaħseb fil-liġi tiegħu. R/.

 

Hu bħal siġra mħawla ħdejn nixxigħat tal-ilma

li tagħmel il-frott fi żmienha,

u l-weraq tagħha ma jidbielx;

hu jirnexxi f’kulma jagħmel. R/.

 

Mhux hekk il-ħżiena, mhux hekk;

iżda huma bħal tibna li jtajjarha r-riħ.

Għax triq it-tajbin il-Mulej jafha;

imma triq il-ħżiena tintemm fix-xejn. R/.

 

Qari II

Jekk Kristu ma kienx imqajjem mill-imwiet, fiergħa l-fidi tagħkom.

1 Kor 15:12,16-20

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

 

Ħuti, jekk Kristu hu mxandar li qam mill-imwiet, kif jgħidu xi wħud minnkom li ma hemmx qawmien tal-mejtin? Għax jekk il-mejtin ma jqumux, anqas Kristu ma kien imqajjem. U jekk Kristu ma kienx imqajjem, fiergħa l-fidi tagħkom, u intom għadkom fi dnubietkom. U mitlufa wkoll huma dawk li raqdu fi Kristu. Jekk għandna tama fi Kristu għal din il-ħajja biss, aħna l-aktar nies imsejkna fost kemm huma l-bnedmin. Imma Kristu kien imqajjem tassew mill-imwiet, l-ewwel frott fost dawk li raqdu.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lq 6:23ab

 

Hallelujah. R/. Hallelujah.

Ifirħu u aqbżu bil-ferħ, jgħid il-Mulej;

għax araw, ħlaskom kbir ikun fis-sema.

R/. Hallelujah.

 

Evanġelju

Henjin intom li għalissa bil-ġuħ, ħażin għalikom, intom l-għonja.

Lq 6:17,20-26

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, Ġesù niżel mat-Tnax u waqaf f’wita, flimkien ma’ kotra kbira ta’ dixxipli u folla kbira ta’ nies minn kull naħa tal-Lhudija u Ġerusalemm u mix-xtajta ta’ Tir u Sidon. Ġesù rafa’ għajnejh lejn id-dixxipli tiegħu u qal: “Henjin intom il-foqra, għax tagħkom hija s-Saltna ta’ Alla. Henjin intom li għalissa bil-ġuħ, għax għad tkunu mxebbgħin. Henjin intom li għalissa tibku, għax għad tithennew. Henjin intom meta minħabba Bin il-bniedem in-nies jobogħdukom, jaqtgħukom minn magħhom, jgħajrukom u jwarrbu isimkom bħallikieku kien xi ħaġa ħażina. Dakinhar li jiġrilkom hekk, ifirħu u aqbżu bil-ferħ, għax araw, ħlaskom kbir ikun fis-sema. L-istess għamlu missirijiethom lill-profeti.

 

Imma ħażin għalikom intom l-għonja, għax il-faraġ tagħkom ħadtuh. Ħażin għalikom intom li għalissa mxebbgħin, għax għad tkunu bil-ġuħ. Ħażin għalikom intom li għalissa tidħku, għax għad tnewħu u tibku. Ħażin għalikom meta kulħadd isemmikom fil-ġid. Għax l-istess għamlu missirijiethom lill-profeti foloz!”.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Tifħir lilek, Kristu.

 

Last Updated ( Saturday, 12 February 2022 )
 
< Prev   Next >