Din
hija il-Liturgija tat-Tmien Hadd matul is-sena (2022) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Il-Ħadd li jmiss wara dan inkunu dħalna fiż-Żmien qaddis tar-Randan, imma
ġa minn dan it-8 Ħadd Matul is-Sena il-Liturġija tal-Kelma tibda ssejħilna
għall-konverżjoni. Huwa veru li kull
darba li nisimgħu il-Kelma tal-Missier imlaħħma f’Ibnu Ġesù Kristu, dejjem
inħossu fina dak il-leħen ħlejju imma urġenti tal-Magħmudija tagħna:
“Ikkonverti llum!” Fost il-ħambqa u l-agħa tad-dinja, fost il-fixla u
l-aljenazzjoni, fost il-kilba għax-xogħol u l-flus, il-leħen ta’ min iridli
l-ġid veru jibqa’ jgħidli: “Ikkonverti llum; mhux għada, illum!”
Meta kien jasal żmien li fih il-poplu ta’ Alla kien jiġi msejjaħ
għall-indiema u biex jagħraf lilu nnifsu tassew, kienu jdoqqu ix-‘Xofar’. Ix-‘Xofar’ kien ikun qrun twil ta’ xi gendus
li bih kienu jdoqqu ħoss maħnuq iżda li jinsema’ ħafna. Dan kien ikun is-sinjal għal Iżrael biex jikkonverti,
jerġa’ lura lejn l-għeruq tiegħu, lejn l-identita vera tiegħu. Liema huma l-għeruq tagħna? Aħna ġejna salvati minn Kristu Ġesù fuq
is-Salib, u bil-Qawmien tiegħu mill-imwiet Hu sar Spirtu biex jinagħta lilna,
Spirtu ta’ garanzija ta’ Ħajja ta’ Dejjem.
Din hi li tagħmel Nisrani, din il-Fidi.
Din hi l-identita tiegħu. Dan hu
li Pawlu ġie jħabbrilna. Madwar din
il-qalba tal-Misteru tas-Salvazzjoni nbniet il-kultura tagħna, tnisslu
d-drawwiet tajba tagħna, bnejna l-folklor tagħna, sirna dak li aħna. L-identita tagħna dejjem kienet waħda
Nisranija, bid-dgħufijat kollha tagħna.
Hu veru li ħafna drabi żbaljajna u qbadna triq oħra, imma meta kien “idoqq
ix-xofar”, konna nieqfu bħala poplu u nisktu u nisimgħu u naħsbu. Konna
nammettu li bħal nagħaġ imgerrxa konna ħriġna mit-triq, infxilna,
tħawwadna. Kienet titnissel indiema fina
u konna nbaxxu rasna quddiem l-Imsallab li bħall-bodbod tat-Testment il-Qadim
tgħabba bid-dnubiet kollha tagħna u mar imut bihom biex hekk joqtolhom bla ma
mmutu aħna. Kienet temmnu dan il-kotra,
u l-għajnejn kienu jżebbġu bid-dmugħ quddiem il-Mara li wara Binha kienet hi li
mxiet l-aktar mill-qrib dan il-Misteru terribbli iżda fl-istess ħin glorjuż
tal-Mewt u l-Qawmien li flimkien jiffurmaw l-Għid Qaddis.
Illum inbdilna. Għandna ħafna
xogħol. Naqilgħu ħafna flus iktar minn
missirjietna. Anke l-mara taħdem. Nixtru kemm nifilħu. Nibnu dawk li huma vilel u palazzi ħdejn
id-dwejriet li fihom twelidna. Ma
jonqosna xejn. Sirna nixbħu lil “tal-punent”,
l-iktar popli progressivi fuq wiċċ l-art.
U x-xofar jinstema’ u ftit jagħtu kas.
M’għandniex ħin, lanqas għal uliedna.
Sikwit lanqas għal uliedna.
Imma qegħdin ngħixu esperjenza li tista’ tkun pożittiva mmens għax hu Alla
li jmexxi l-Istorja u Alla hu dejjem pożittiv.
Oliver Friġġieri qal li bħala poplu qed ngħixu l-esperjenza
tal-adoloxxenti li jimpressjona ruħu b’kollox, jikkopja kollox, jammira kollox,
jisma’ minn kollox... barra minn missieru u ommu! Ta’ missierna u ommna hu antik, medjevali,
frott imħuħ magħluqa. Bla ma nintebħu li
sirna “vojta”, bla sens, superfiċjali, mingħajr kapaċità li naħsbu, li
nirriflettu. Lanqas li nisimgħu. Tlifna s-smigħ. Wieħed kappillan qal li wara tliet minuti
omelija ħadd ma jibqa’ jisma’ u tinduna.
U dan fost dawk li għadhom imorru
l-Knisja l-Ħadd. Indunajna li hemm bżonn iktar predikazzjoni, iktar katekeżi,
iktar daħla fl-Iskrittura, imma kull meta l-parroċċa tipprova tagħmel xi ħaġa,
jiġu dejjem l-istess ftit.
Is-Sur Friġġieri qabbilna ma’ adoloxxent.
Il-Vanġelu jqabbilna mal-Iben “il-Ħali” li ried jipprova x’tagħti
d-dinja. U d-dinja kkonvertietu! Il-Missier kien jaf li d-dinja nnifisha
kienet se tibagħtu lura għandu mibdul!
Is-Sabar Qaddis ta’ Alla! Hu jaf
li l-vojt tal-bniedem għandu l-forma ta’ Alla u Alla biss jista’ jimlihulu. Hu tah ġidu u f’qalbu qal: “Mur ibni!
Mur!” U din hija l-Kelma kollha
mogħdrija li qed jgħidilna l-Missier.
Imma Hu jibqa’ jdoqq ix-xofar sakemm fl-aħħar nintebħu li akkwistajna
ħafna u tlifna iktar! Xi grazzja tkun
din!
Hu mportanti li nidħlu fi kriżi, li nindunaw li x’imkien żbaljajna t-triq
anke jekk ma nafux fejn. Bin Sirak
jgħidilna li hemm bżonn nheżżu l-għarbiel biex nindunaw kemm karfa u skart
għandna f’ħajjitna. “Meta jheżżu għarbiel jibqa’ fih l-iskart, hekk ukoll min jgħarbel lilu
nniffsu, jagħraf ħżunitu. (Sir. 27,
5). J’Alla tiddiżappuntana d-dinja,
u se tiddiżappuntana żgur. J’Alla
jkollna fallimenti, u se jkollna żgur.
Huma dawn li jibnuna u jagħtuna sinsla, u jgħallmuna naħsbu u
nirriflettu. Mhux ġib ’l hawn biss
qiesna boloh!
Il-Bibbja tqabbel il-bniedem “ġust” ma’ palma dejjem tħaddar fix-xagħri. M’għandha xejn, imma għandha kollox għax
għeruqha, li huma moħbija għall-iblah, niżlu, niżlu, niżlu ’l isfel u laħqu
l-ilma jgelgel taħt l-art! Hu dan
il-bniedem li se jibqa’ ħaj! Trid tgħix
jew trid tmut? Agħżel int! Fi Kristu biss hemm il-Ħajja ta’ Dejjem li
tibda ġa minn hawn! Hu huwa l-ilma moħbi
taħt l-art li d-dinja ma tistax taraH.
Xi bluha! Ngħidu li jeżisti biss
dak li għajnejna jaraw. “Sa fi xjuħithom il-frott jagħmlu” (S. 91,
15) nies bħal dawn li sabu l-ilma li ma jidhirx.
San Pawl jipprovdi tixbiha oħra dwar dan li qed ngħidu. Għalih, barra Kristu, kollox jitħassar. Fi Kristu biss hemm il-Ħajja. Barra minnU kollox frugħa, tiben itir
mar-riħ. Modi li jgħaddu, popolarità li
tintilef, għana li jitberbaq, saħħa li tnin. Kollox hu marid barra Kristu. Kollox qed imut, u d-dinja tiddroga ruħha
bl-idoli tagħha biex dan tinsieh.
X’għerf! X’intelliġenza! U dwar ix-xjuħ u l-morda inqas kemm nitkellmu
u naħsbu aħjar għax dawn jgħidulna li d-dinja daħket bihom.
Imma Pawlu l-Evanġelizzatur, jgħidilna li hu possibbli li jien u int nibdlu
l-mentalità. Hu possibbli li dak li
jitħassar jilbes l-immortalità. Kif
jista’ jkun dan? Hu Kristu li jagħmel
il-bidla fina! Mhux aħna, iżda
Kristu! “Meta dak li jitħassar jilbes in-nuqqas ta’ taħsir, meta dak li jmut
jilbes l-immortalità, imbagħad iseħħ dak li hemm miktub: Inbelgħet il-Mewt
fir-rebħa. Fejn hi, ja Mewt, ir-rebħa
tiegħek? Fejn hi, ja Mewt, in-niggieża
tiegħek?” (1 Kor. 15, 54-55).
L-ikbar problema li għandu l-bniedem hi li hu jrid imut. Kollox irid imut. Għalhekk kulħadd jisker b’xi ħaġa. Għax il-bniedem ma jissaportix jaħseb, għax
jekk taħseb, f’xi ħin jew ieħor se tidħol f’dell il-Mewt. U l-ħsieb tal-Mewt huwa dippressjoni. Imma hu hawn li l-bniedem irid jiskopri
r-Rebħa l-Kbira. Il-ħwejjeġ materjali
huma mejta. Inissu biss. Ma jsolvu xejn. Bnejna ċiviltajiet fuq il-gidba. Kristu waħdu rebaħ il-Mewt u dawk li jemmnu
fiH. Dawk li jemmnu fiH huma ngastati
fiH, ħaġa waħda fiH, u bħalu ma jmutu qatt, bħalu jafu jħobbu għax huma ġew
mibdula fi Kristu. Kristu biss jaf jimla
l-vojt tagħna, Hu biss l-ungwent għall-feriti ġewwinija tagħna, Hu biss għandu
l-Inbid tal-Festa, għax Hu biss hu Ħaj!
Il-Vanġelu hu tassew il-ħoss jidwi tax-xofar! Kristu qed isejħilna għall-konverżjoni, biex
nibdlu l-mentalità. Min jaħseb li jara,
huwa agħma. Min jistagħġeb bit-tibna
f’għajn ħuh, ma jafx li hu għandu travu.
Min jaħseb li hu sinċier, hu wiċċ b’ieħor. Min jaħseb li hu kapaċi jħobb, hu
ngannat. Min jaħseb li hu siġra tajba,
jaqbillu jħares lejn il-frott tiegħu.
Il-qalb hi kollox, l-ilsien li bih niftaħru mhu xejn. “Il-bniedem
tajjeb mit-teżor tajjeb ta’ qalbu joħroġ it-tajjeb, u l-bniedem ħażin it-teżor
ħażin tiegħu joħroġ il-ħażin, għax mill-abbundanza tal-qalb jitkellem
il-fomm.” (Lq. 6, 45).
Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:
Qari I
Tfaħħarx bniedem
qabel jitkellem.
Sir 27:5-8
Qari mill-Ktieb ta’ Bin Sirak
Meta jheżżu għarbiel
jibqa’ fih l-iskart,
hekk ukoll min
jgħarbel lilu nnifsu jagħraf ħżunitu.
Il-forn
jgħaddi mill-prova xogħol il-fuħħari,
hekk
ukoll bniedem tagħrfu minn kliemu.
Il-frott
jikxef kemm bidwi jkun ħa ħsieb is-siġra,
hekk
ukoll kelma tikxef ħsieb qalb il-bniedem.
Tfaħħarx
bniedem qabel jitkellem,
għax
hekk jiġu ppruvati n-nies.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/.
Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
Salm
91(92):2-3,13-14,15-16
R/.(ara
2a): Tajjeb li nfaħħru l-Mulej.
Tajjeb
li nfaħħru l-Mulej,
li
ngħannu lil ismek, inti l-Għoli.
Inxandru
filgħodu t-tjieba tiegħek,
u
billejl il-fedeltà tiegħek. R/.
Il-bniedem
ġust bħall-palma jħaddar,
bħal ċedru tal-Libanu
jikber.
Imħawlin f’dar
il-Mulej,
iħaddru fil-btieħi
tat-tempju ta’ Alla tagħna. R/.
Sa
fi xjuħithom il-frott jagħmlu,
kollhom
ħajja u ħdura,
biex
ixandru li ġust hu l-Mulej, blata tiegħi,
u
ebda qerq ma jinsab fih. R/.
Qari II
Tana
r-rebħa permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu.
1
Kor 15:54-58
Qari mill-Ewwel
Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
Ħuti,
meta dak li jitħassar jilbes in-nuqqas ta’ taħsir, meta dak li jmut jilbes l-immortalità,
imbagħad iseħħ dak li hemm miktub:
Inbelgħet il-mewt
fir-rebħa.
Fejn hi, ja Mewt,
ir-rebħa tiegħek?
Fejn hi, ja Mewt,
in-niggieża tiegħek?
In-niggieża tal-mewt
hi d-dnub, u l-qawwa tad-dnub hi l-Liġi.
Niżżu
ħajr lil Alla li tana r-rebħa permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu!
Għalhekk,
ħuti għeżież, żommu sħiħ, titħarrkux; ħabirku dejjem fil-ħidma tal-Mulej. Kunu
afu li l-ħidma tagħkom fil-Mulej mhijiex għalxejn.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/.
Irroddu ħajr lil Alla.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Fil 2:15d,16a
Hallelujah. R/.
Hallelujah.
Intom għandkom tiddu
fid-dinja bħal kwiekeb,
u żżommu sħiħ
il-kelma tal-ħajja.
R/. Hallelujah.
Evanġelju
Mill-abbundanza
tal-qalb jitkellem il-fomm.
Lq
6:39-45
Qari
mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak
iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli din il-parabbola: “Jista’ agħma jmexxi agħma
ieħor? Mhux it-tnejn jaqgħu fil-ħofra? Id-dixxiplu mhuwiex aqwa mill-imgħallem
tiegħu; imma kull min itemm it-taħriġ tiegħu jsir bħall-imgħallem tiegħu. Għax
tara t-tibna f’għajn ħuk, u ma tarax it-travu li għandek f’għajnek int? Kif
tista’ tgħidlu lil ħuk: ‘Ħi, ejja nneħħilek it-tibna li għandek f’għajnek’,
meta m’intix tara t-travu li għandek f’għajnek int? Ja wiċċ b’ieħor! Neħħi
l-ewwel it-travu minn għajnek int, ħalli mbagħad tara sewwa kif tneħħi t-tibna
minn għajn ħuk. Ma hemmx siġra tajba li tagħmel frott ħażin, kif anqas ma hemm
siġra ħażina li tagħmel frott tajjeb. Kull siġra mill-frott tagħha tingħaraf.
Ħadd ma jiġbor it-tin mix-xewk, anqas l-għeneb mill-għolliq. Il-bniedem tajjeb
mit-teżor tajjeb ta’ qalbu joħroġ it-tajjeb, u l-bniedem ħażin mit-teżor ħażin
tiegħu joħroġ il-ħażin, għax mill-abbundanza tal-qalb jitkellem il-fomm”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/.
Tifħir lilek, Kristu.
|