Monday, 08 August 2022
           
Home
L-EWWEL HADD TAR-RANDAN (2022) IT-TENTAZZJONIJIET TA’ ESÙ U TAGHNA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 05 March 2022

Din hija il-Liturgija ta' l-Ewwel Hadd tar-Randan(2022) bi hsibijiet min Joe Rapa.

1_ewwel_hadd_randan.jpg

 

Fl-ewwel żminijiet tal-Knisja, l-erbgħin jum tar-Randan kienu miftuħa biss għall-Katekumeni, jiġifieri dawk li kienu qed jitħejjew biex jieħdu l-Magħmudija fis-Sahra Qaddisa tal-Lejl tal-Għid.  Kien f’dan il-lejl biss li kienu jitgħamdu l-Insara.  Fir-Raba’ Seklu, meta kkonverta l-Imperatur Kostantinu u l-ġnus bdew deħlin bil-ġżuż fil-Knisja, il-Katekumenat ġie kważi abbandunat għax il-Knisja ma kellhiex ir-riżorsi biex tagħmlu ma’ dawk kollha li kien jitgħammdu.  Ħafna minn dawn ġabu magħhom drawwiet pagani li kienu bħal ilma miżjud mal-Inbid Ġdid u qawwi tal-Aħbar it-Tajba ta’ Ġesù.  Hekk il-Knisja bdiet tħoss li dawk l-erbgħin jum ta’ tħejjija għall-Magħmudija tiftaħhom kull sena għal kulħadd bħala żmien ta’ riflessjoni u konverżjoni.

 

X’inhi l-konverżjoni?  Bażikament hija li wieħed jikber fl-għarfien tiegħu innifsu; jiskopri iktar min hu; li hu midneb bħal ħaddieħor; u jersaq lejn Kristu li bil-Mewt u l-Qawmien tiegħU rebaħ il-Ħajja ta’ Dejjem ġa minn hawn għal kull min jemmen.  Il-Vanġelu tal-lum għandu jkun Dawl qawwi fuq ir-rejalta tiegħi u tiegħek, imma mhux lakemm tifhmu.  Xi wħud jgħidulek: “X’għandhom x’jaqsmu t-tentazzjonijiet imsemmija fir-rakkont tal-lum mal-problemi tiegħi, man-nuqqasijiet tiegħi?  Qed ngħixu f’dinja oħra!”  Dan mhu veru xejn.  il-Vanġelu li se nisimgħu huwa Kelma ta’ Alla li hi Misteru.  Hi Misteru għax għalkemm tirrakkonta fatt storiku li ġara, hi terġa’ tiġri, u terġa’ tiġri fil-ħajja tal-bnedmin f’kull soċjetà u f’kull żmien.

L-ewwelnett, il-Knisja tpoġġina quddiem il-Misteru ta’ Kristu, l-Iben ta’ Alla, li libes laħam bħal tagħna, bil-bżonnijiet kollha tagħna, bil-gosti kollha tagħna, u bit-tentazzjonijiet kollha tagħna.  Saħansitra bit-tentazzjonijiet tagħna kollha kemm huma tgħabba, biex ma ngħidux li fuqu l-Missier xeħet id-“Dnub” kollu tal-umanità.  Iżda Hu kien innoċenti, u Satana, li ressaq lejH, hekk sabu: innoċenti u safi għal kollox.

 

L-ewwel tentazzjoni kienet tal-ħobż, tentazzjoni naturali għal bniedem li kien ilu erbgħin jum ma jiekol!  Dan ifakkarni fl-Irlanda ta’ Fuq meta Kieran Doherty miet wara 73 jum ta’ strike tal-ġuħ fl-1981 fi żmien it-“troubles” mal-Protestanti u l-Gvern ta’ Thatcher.  Kien wieħed minn bosta, fosthom l-aktar famuż Bobby Sands.  It-tentazzjoni tal-ħobż titwieled mit-tbatija li kull bniedem jiltaqa’ magħha f’din il-Ħajja.  It-tbatija hija skandlu għall-bniedem u ħafna tilfu l-Fidi minħabba fiha.  Hija l-mutur li ġġiegħel lill-bniedem jintefa’ għat-Teknoloġija u x-xjenzi, l-aktar tal-mediċina biex itaffi u jsolvi t-tbatija, imma qed jiskopri li tiddgħajjef tbatija u tinbet oħra.  Kristu deher fid-dinja u għalkemm wettaq ħafna mirakli u sar ħaġa waħda mal-bniedem fi tbatijietu, Hu ma neħħiex it-tbatija mill-Ħajja.  Fejn hemm il-Ħajja hemm it-tbatija.

 

It-tentazzjoni tat-tbatija ġġiegħel lill-bniedem igerger f’qalbu, u anke b’fommu kontra Alla.  Kif għamel Iżrael fid-deżert kull meta ltaqa’ mat-tbatija, li kienet ħaġa ta’ sikwit.  Il-poplu gerger u qal: “Mhux li mitna b’id il-Mulej fl-art tal-Eġittu, meta konna ħdejn il-borom tal-laħam u konna nieklu ħobż bix-xaba’!” (Eżod. 16, 3).  Huwa d-dnub tal-qalb għax dak li jkun ma jibqax jafda f’Alla.  Ilkoll dnibna b’dan il-mod!  Dak li jxewwex jibda biex jgħid: “Jekk inti Bin Alla...”  (Mt. 4, 3).  Għax għandek tbati?  Jekk Alla jħobbok għax għandek tbati?”   Ħafna nies jippruvaw isolvu t-tbatja mhux billi jiddawlu fuqha minn Alla iżda billi jixtru dak li mingħalihom se jtaffuha bih.  U hekk il-flus isiru ‘Alla’.

 

It-tbatija daħlet fl-umanità għax in-natura tagħna inqatgħet mill-Imħabba ta’ Alla u daħlet fil-Mewt.  Il-fiżiku tagħna sar suġġett għat-tbatija u l-Mewt.  Dawn it-tnejn huma minn awl id-dinja.  Imma Kristu ta sens lit-tbatija u dan jibdel kollox.  Int tbati fuq ix-xogħol, imma jekk tkun se taqla’ s-sensja tagħmel minn kollox biex dan ma jseħħx għax it-tbatija fuq ix-xogħol għandha sens għax biha taqla l-għijxien tiegħek.  Kristu daħal fit-tbatija, imma ma baqax hemm għax hi kienet il-mezz tal-Ħajja għal Dejjem li rebaħ fil-Qawmien.  Dejjem hemm il-Qawmien.  U Hu jwieġeb: “Hemm miktub, ‘Il bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.’”  (Mt. 4, 4).

 

It-Tieni Tentazzjoni hi ferm iktar serja.  Tmiss is-suppervja tagħna!  Tmiss l-Istorja li sikwit nirribellaw kontriha għax fiha jidher is-Salib.  Ix-xitan, minflok, jippreżenta s-suċċess lil Kristu.  “Min se jemmen li int il-Messija, iben mastrudaxxa minn ġo raħal minsi; int li ma studjajtx bħalma jagħmlu r-rabbini, lanqas ma int mill-familji tal-qassisin?  Hemm falliment lest għalik!  “Jekk int Bin Alla...” jerġa’ jgħidlu, “Agħmel miraklu tal-għaġeb: aqbeż minn fuq it-tempju meta jkun mimli bin-nies, u l-anġli ta’ Alla ma jħallux li jiġrilek xi ħaġa għax jilqgħuk.  Ara kif iġġennen lin-nies u jgħidu: ‘Wasal, fl-aħħar, il-Messija!!”  U hekk flok falliment ikollok Glorja fuq Glorja!

 

Mhux din kienet it-triq ta’ Kristu!  Hu ġie għal siegħa waħda.  Anke aħna lkoll għal siegħa waħda ġejna: dik tal-aħħar meta jiġi deċiż x’tip ta’ eternità se jkollna.  Dik is-siegħa hi l-importanti!  Imma n-natura tal-bniedem torbtu mal-art qisu se jgħix hawn għal dejjem.  Hawn ninsabu qiesna f’lukanda!  Dħalna u se noħorġu!  Pajjiżna hu x’imkien ieħor.  Imma s-Suppervja tirribellana kontra Alla meta l-Istorja ma timxix skont il-proġetti tagħna.  Lil Kristu x-xitan ittentaH biex jirribella anke Hu kontra l-Istorja.  Imma kien b’dik l-Istorja, immarkata mis-Salib li Hu kellu jirbaħ il-Glorja.  Alla għandu Proġett għalina li ħafna drabi ma nifhmuhx u kieku nistgħu inbiddluh.  Dan hu d-dnub il-kbir tagħna li nitħabtu kemm nifilħu biex ma sseħħx ir-Rieda tal-Missier fl-Istorja tagħna.  Id-dnub tal-Istorja.  Ħafna jaqgħu fih għax hu tqil tiċħad lilek innifsek u timxi wara Ġesù għax tafdaH.  Kemm hu tqil!  Il-Grazzja trid tkun.

 

It-Tielet Tentazzjoni hi tal-idolatrija li fiha jaqgħu il-bnedmin kollha tal-art.  Ix-xitan jittenta lil Ġesù biex jinżel jadurah u jagħtih id-dinja kollha biex tkun tiegħu, bl-għana u t-tlellix kollu tagħha!  Forsi wieħed jgħid: x’wiċċ tost għandu x-xitan!!  Imma dan hu x-xogħol tiegħu u jekk Kristu warrab minn quddiemu, ħafna drabi flok inwarrbu aħna wkoll, noqogħdu niddjalogaw miegħu u nispiċċaw fix-xibka.  Meta Iżrael ra li Mosè dam ħafna fuq il-muntanja u ħadd ma kien jaf x’sar minnu, tilfu kull fiduċja f’Alla li ħariġhom mill-Eġittu, u għamlu idolu għalihom.

 

Is-soċjetà m’għadiex tadura statwi, imma idoli tivvint kemm trid u kuljum!  Il-bniedem għandu vojt ġewwa fih li hu forma ta’ Alla u Alla biss jimlih.  Imma hu jfittex li jimlih bl-idoli tad-dinja għax ma jissaportix il-vojt.  Jinqeda bil-familja, bil-flus, bil-passatempi, bix-xiri sfrenat, bix-xogħol, bil-ħbieb, bis-suċċess... u mbagħad hemm il-vizzji... b’sesswalità marida, bid-drogi, bix-xorb, bil-kilba għall-qligħ korrott...  Id-dinja mimlija idoli.  Barra minn dan, ilkoll nagħmlu minna nfusna, mill-“Jien” tagħna, l-idolu l-kbir.  Ara min jumiljana!  Ara min iweġġagħna b’xi kelma!  Bla ma nafu ninżlu naduraw il-Ħazen u mhux lil Alla li hu waħdu l-Qaddis.  Hawn min joqtol għall-idolu tiegħu.  Hawn min jibda l-gwerer għall-idolu li jadura. 

 

Ir-Randan hu żmien li fih il-Mulej iridna niddixxernu, bl-għajnuna tiegħu, fejn ninsabu aħna; minn fejn ġej in-nuqqas ta’ kuntentizza.  Kull bniedem hu frustrat għax mhux Qaddis!  Imma dan irridu ngħarfuh ċar.  Il-Knisja tgħinna.  Biex ma nirribellawx kontra t-tbatija tħajjarna nidħlu fija aħna stess billi nsumu u hekk nisirqu l-frosta minn idejn ix-xitan u nagħtuh aħna biha.  Biex naċċettaw l-Istorja li tiġi minn Alla, inkunu umli, ninżlu għarkupptejna u nitolbu lil Alla biex ikollu ħniena minna.  Biex niċħdu lill-idoli, li l-kbir fosthom huwa l-“flus”, nagħmlu Karità b’mod serju! 

 

Altru li mhumiex tentazzjonijiet taċ-ċajt imma huma rejali ħafna għalina llum!  Għax Kristu jgħid: “X’jiswielu l-bniedem li jikseb id-dinja kollha u mbagħad jintilef jew jinqered?”  (Lq. 9, 25).  Kristu rebaħ għalina wirt tal-għaġeb: li ngħixu għal dejjem fil-Preżenza ta’ Alla mal-Qaddisin u ħbiebna u qrabatna li salvaw.  Imma aħna nistgħu ukoll nintilfu jew ninqerdu, u dan tgħidu l-Kelma ta’ Alla...

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

Qari I

Stqarrija tal-fidi tal-poplu ta’ Alla.

Dewt 26:4-10

 

Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju

 

Mosè kellem lill-poplu u qal: “Il-qassis imbagħad jilqa’ minn idejk il-qoffa, u jqegħedha quddiem l-altar tal-Mulej, Alla tiegħek. Inti mbagħad tgħid hekk quddiem il-Mulej, Alla tiegħek: Missieri kien minn Aram, jiġġerra minn post għal ieħor; imbagħad niżel l-Eġittu u għammar hemm. Żgħir kien l-għadd ta’ niesu, iżda hemmhekk sar poplu kbir, qawwi u kotran. L-Eġizzjani ħaqruna, għakksuna, għabbewna b’xogħol iebes; imma aħna għajjatna lill-Mulej, Alla ta’ missirijietna, u l-Mulej sama’ l-għajta tagħna, ra t-tgħakkis u t-tbatija u d-dwejjaq tagħna, u ħariġna l-Mulej mill-Eġittu, b’id qawwija, bi driegħ merfugħ, b’biża’ kbir, b’sinjali u b’għeġubijiet, u daħħalna f’dan il-post, tana din l-art, art tnixxi ħalib u għasel. U issa, ara, jiena ġibt l-ewwel frott tal-art li tajtni int, Mulej’.

 

U int tqiegħdu quddiem il-Mulej, Alla tiegħek, u tadura lill-Mulej, Alla tiegħek”.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Salm Responsorjali

Salm 90(91):1-2,10-11,12-13,14-15

 

R/.(ara 15): Kun miegħi, Mulej, fid-dwejjaq.

 

Int li tgħix għall-kenn tal-Għoli,

li tgħammar għad-dell ta’ dak li jista’ kollox,

għid lill-Mulej: “Kenn tiegħi u qawwa tiegħi int,

Alla tiegħi, jien fik nittama”. R/.

 

Ebda deni ma jiġrilek,

ebda ħsara ma tersaq lejn darek.

Għax l-anġli tiegħu hu jibgħatlek,

u jħarsuk fi triqatek kollha. R/.

 

Fuq idejhom jerfgħuk,

li ma taħbatx ma’ xi ġebla riġlek.

Fuq l-iljun u l-lifgħa int timxi,

ferħ ta’ ljun u serp int tirfes. R/.

 

La tħabbeb miegħi, jien neħilsu;

la għaraf ismi, jiena nħarsu.

Hu jsejjaħli, u jiena nwieġbu;

miegħu nkun fid-dwejjaq tiegħu,

neħilsu u nerfagħlu ġieħu”. R/.

 

Qari II

Stqarrija tal-fidi ta’ min jemmen fi Kristu.

Rum 10:8-13

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

 

Ħuti, xi tgħid l-Iskrittura? “Il-kelma qiegħda ħdejk, f’fommok u qalbek”; jiġifieri, il-kelma tal-fidi li aħna nxandru. Għax jekk inti tistqarr b’fommok“Ġesù hu l-Mulej!”, u temmen b’qalbek li Alla qajmu mill-imwiet, inti ssalva. Wieħed jemmen f’qalbu biex ikollu l-ġustizzja u jistqarr b’xufftejh biex ikollu s-salvazzjoni. L-Iskrittura tgħid: “Kull min jemmen fih ma jintilifx”. Ma hemmx għażla bejn Lhudi u Grieg; hu s-Sid ta’ kulħadd u għani ma’ dawk kollha li jsejħulu. Għax: “Kull min isejjaħ isem il-Mulej isalva”.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 4:4b

 

Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix,

imma b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.

R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

 

Evanġelju

Ġesù, mimli bl-Ispirtu s-Santu, mar fid-deżert fejn kien imġarrab mix-Xitan.

Lq 4:1-13

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, Ġesù, mimli bl-Ispirtu s-Santu, raġa’ lura mill-Ġordan u l-Ispirtu ħadu fid-deżert. Hemm għal erbgħin jum Ġesù kien imġarrab mix-Xitan. Matul dawk il-jiem ma kiel xejn; u mbagħad, meta għaddew dawk il-jiem, ħadu l-ġuħ. U x-Xitan qallu: “Jekk inti Bin Alla, għid lil din il-ġebla ssir ħobż”. Wieġbu Ġesù: “Hemm miktub: Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix”.

 

Imbagħad ix-Xitan ħadu fl-għoli u wrieh is-saltniet tad-dinja kollha f’daqqa. Qallu x-Xitan: “Nagħtik is-setgħa fuq dawn kollha, bil-glorja tagħhom ukoll għax hija ngħatat lili, u jiena nagħtiha lil min irrid. Jekk tinxteħet quddiemi tagħtini qima, kollha tiegħek tkun”. Ġesù wieġbu u qallu: “Hemm miktub: Lill-Mulej, Alla tiegħek, tadura, u lilu biss taqdi”.

 

Imbagħad ix-Xitan ħadu Ġerusalemm, qiegħdu fuq il-quċċata tat-tempju, u qallu: “Jekk inti Bin Alla, inxteħet minn hawn għal isfel. Għax hemm miktub: “Lill-anġli tiegħu jordnalhom biex jieħdu ħsiebek sewwa”, u li: “fuq idejhom jerfgħuk, ħalli ma taħbatx riġlek ma’ xi ġebla”. Wieġeb Ġesù u qallu: “Jingħad: Iġġarrabx lill-Mulej Alla tiegħek”.

 

Imbagħad ix-Xitan, meta temm dan it-tiġrib kollu, telaq minn ħdejh sa ma wasal il-waqt.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Tifħir lilek, Kristu.

 
< Prev   Next >