Din
hija il-Liturgija tat-tielet Hadd tar-Randan(2022) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Fi żmien ir-Randan nisimgħu sikwit bil-jasar tal-Eġittu u bl-esperjenza
twila ta’ Iżrael fid-deżert. Dawn huma
żewġ metafori qawwija u li jdawluna ħafna dwar il-qagħda tagħna li ħafna drabi
aħna aljenati minnha. Iżrael kien jaf
x’inhu l-jasar! Mhux biss kien ibati u
ibati, imma kien mgħakkes minn potenza, qawwa (l-Eġittu), li magħha qatt ma
seta’ jagħmel xejn. Iżrael lanqas biss
stajt issejjaħlu poplu. Kienu ġens ta’
lsiera, bla kultura, bla identita, bla storja.
Nistgħu ngħidu li kienu wkoll bla reliġjon. Kienu jiftakru li xi darba kien hemm xi
“Alla” li kien għen lill-ewwel missirijiet tagħhom, imma issa kien ilhom
iktar minn erba’ mitt sena fl-Eġittu u
kienu ddakkru mill-qima u l-festi tal-allat t’hemm. U jekk kien tassew li kien jeżisti dan Alla,
x’kien sar minnu? Għaliex kien telaqhom għal riħhom? Il-bniedem, kultant, tifhmu li jagħmel ċerti
mistoqsijiet profondi u serji.
Iżrael kien mejjet. Ħaj imma
mejjet. Xbiha tal-bniedem fid-dnub. Il-bniedem li għandu n-natura tiegħu imjassra
mill-egoiżmi, mill-biża’ li jwelled il-vjolenza, mill-mibegħda lejn min
jheddu. Il-midneb qisu l-ilsir Lhudi li
għandu dahru irrigat bid-daqqiet tal-frosta għax aħna lkoll inġorru feriti
interni, feriti psikoloġiċi, li ma jħalluniex inħobbu. U bħal Iżrael, il-bniedem m’għandux ċans
jinqala’ minn fejn hu bl-isforzi tiegħu waħdu.
Ma jistax joħroġ mill-qabar, miċ-ċella magħluqa minn barra. Irid ikun Xi Ħadd aqwa minn dak li qaflu, li
jassru.
Hu Alla biss li jagħtina l-Ħelsien!
Hu biss kapaċi jiftaħ l-oqba tagħna u jagħtina Ħajja Ġdida, jaħtafna
minn idejna u jaqlagħna ’l barra. Alla
biss għandu din is-setgħa. Il-Missier
qala’ lil Ibnu Ġesù Kristu minn ġol-qabar u mhux biss għamlu ġisem glorjuż,
iżda għamlu Spirtu ta’ Ħajja ta’ Dejjem, Spirtu Rebbieħ fuq il-Mewt li kapaċi
jitferrex u jidħol f’qalb dawk li jemmnu fih, li jsiru bħalu meħlusa mill-biża’
tal-Mewt. Din hi l-Aħbar meraviljuża li
trid tixxandar lill-imsejkna, lil dawk li jafu li huma mjasssra, li jafu li ma
jistgħu jagħmlu xejn quddiem il-ħażen li jdur madwarhom.
Imma biex jaħdem Alla jinqeda bi bnedmin oħra. Dawn iwasslu l-Aħbar lil sħabhom li hu
possibbli l-Ħelsien; hu possibbli li wieħed jagħmel frott tajjeb li qabel ma kienx
jista’ jagħmel; hu possibbli li tiskopri li Int il-Maħbub ta’ Alla. Alla hu nnamrat miegħek u jrid jimliek
bil-provi ta’ din l-Imħabba. Hu jinqeda
b’Mosè, biex imur iħabbar xi ħaġa li dehret impossibbli għall-Iżraelin
imfarrkin fil-moral tagħhom. “Alla jrid
joħroġna minn hawn u se joħroġna żgur għax hu aqwa mill-Eġittu kollu!” Kien diffiċli temmen dan il-kliem. L-Ingliżi jgħidu: “Too good to be true!”.
Biex tkompli tagħqad, Alla jħobb juża strumenti dgħajfa, inutli, immankati
u mġelġla! Mosè kemm kemm kien
jinftiehem fi kliemu għax kien ilaqlaq, u bagħtlu lil ħih Aron miegħu biex
jitkellem hu. Faqar. Għaliex.
Biex tidher il-Glorja ta’ Alla u titkebbes il-Fidi fil-qlub. Il-Fidi hi kollox. Il-Fidi hi l-qawwa li teħles lill-bniedem
minnu nnifsu u minn dak kollu li jheddu u jinkwetah. Jekk il-poplu kellu jemmen
li ħelsu Mosè mill-Eġittu, kien ikun qed ipoġġi s-sigurtà tiegħu fi biedem
dgħajjef. Imma jekk kellu jara ċar li
mill-Eġittu kien ħelsu Alla, allura ħadd ma kieb jista’ għalih. Il-bniedem armat bil-Fidi, ħadd ma jista’
għalih. Bħalma jkanta s-Salm
Responsorjali: “Hu li jaħfer dnubietek
kollha, li jfejjaq il-mard tiegħek kollu, li jifdi ’l ħajtek mill-ħofra, li
jdawrek bit-tjieba u l-ħniena.” (S. 103,
3-4).
Il-Ġenesi jiddiskrivi xena qawwija ħafna meta jirrakkonta s-Sejħa ta’
Mosè. Il-Mulej hu Nar li jeqred
it-taħsir, il-ħmieġ, in-natura lsira tad-dnub.
Huwa Nar li jsaħħan il-qlub, irattab il-ħadid l-aktar iebes. Alla huwa Nar li jnissel stagħġib u
biża’. Biża’ tal-Mewt f’min jaħqar lil
sieħbu, iżda biża’ li tista’ titlef Teżor imprezzabbli li tkun sibt, f’dawk li
jħobbuH. Nar li jeqred u jaħraq. Iżda lill-għollieqa ma għamlilha xejn! Dan hu l-għaġeb. Alla hu Nar li jaħkem lil min iħobbu bla ma
jagħmillu ħsara, anzi jimlieħ bil-Glorja tal-Ferħ li d-dinja ma tafx tagħti.
Il-Missirijiet tal-Knisja kienu jieħdu gost ixebbħu l-għollieq jaqbad bla
ma jinħaraq ta’ Mosè mal-Verġni Marija.
Innu antik tal-Knisja, jsejħilha: Marija,
ċkejkna Marija! Int l-għollieq jaqbad
ta’ Mosè, li ġġorr lill-Mulej u ma tinħaraqx!”
Mhux Marija n-Nar. Marija
hija l-għollieqa. In-Nar hu Alla. In-Nar hu Kristu, l-Għimmanu-El, Alla fostna
liebes laħam bħal tagħna. Marija ġarret
dan in-Nar f’ġufha għal disa’ xhur!
Iżrael, quddiem is-Sinaj, twerwer meta ra n-Nirien ta’ Alla, is-sajjetti
u r-ragħad. Imma Marija, il-Ġwejda
Marija, ġarritu dan in-Nar f’ħobbha bla ma nħarqet!
“
Marija hija xbieha tan-Nisrani. Hija
wkoll xbieha tal-Knisja. In-Nisrani hu
Nisrani għax fik kiber Kristu. Minn Fidi
għal Fidi ikbar. Dan hu l-vjaġġ
tan-Nisrani f’din id-dinja. In-Nisrani
wkoll iġorr in-Nar, li ra Mosè, f’qalbu.
Hu dan li jagħmel minnu “xhud”. “Ommu kienet tgħożż f’qalbha dawn
il-ħwejjeġ kollha.” (Lq. 2, 51). “Marija, min-naħa tagħha, baqgħet tgħożż
f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha.” (Lq. 2,
19). Kienet taqbad bi Kristu bla ma
tinħaraq. L-istess in-Nisrani. L-istess il-Knisja.
Fil-Pentekoste, il-Knisja (l-Appostli) irċeviet fiha dan in-Nar li jħeġġeġ
bla ma jagħmel ħsara lil min iġorru.
Għadu fiha sal-lum, għax il-Knisja u n-Nisrani huma l-istrument dgħajjef
imma qawwi fl-istess ħin li juża Alla biex idawwal id-dinja, isaħħan il-kesħa
kiefra li hemm fil-qlub u jrattab l-irjus ta’ min ilu fid-dnub, aktarx għax
ikun ġie msawwat minn xi ġrajja.
Kollox minn Alla. Imma hemm twissija
serja! Ir-Randan jiġi biex jagħtina
twissija serja. Alla hu kbir, imma
dgħajjef fl-istess ħin. Hu dgħajjef
quddiem il-ħelsien tal-għażla li hu stess tana.
Hu jħobbna wisq. M’għamilniex robots.
Ma jridx jaqbadna minn għonqna biex inħobbuH bil-fors. Irid jirbaħ lil qlubna. Irid jinnamra magħna, mhux jiddominana. Irid jgħaqqadna miegħU fid-divinità eterna
tiegħU. Xi ġmiel! Imma ġmiel perikoluż għax nistgħu
nisfrattawlU kollox. Nistgħu insiru tina
selvaġġa li tkidd l-art u li ma tagħmel qatt frott.
Huwa mportanti li nitolbu għal ftit għarfien, dixxerniment fuqna nfusna! Fuqna nfusna.
Għandna bżonn ngħarfu tassew aħna min aħna. Siġra li tkidd l-art, bniedem/a li tkidd
il-Knisja, jew siġra li tagħmel it-tajjeb b’mod naturali? Għax hu faċli naħsbu li aħna aħjar
mill-oħrajn, u hekk inkunu ngħalqu l-bieb għall-konverżjoni. Randan ieħor għadda u mar. Ma nżommux lilna nfusna aħjar minnn
ħadd!” “Taħsbu intom li dawn il-Galilej kienu iżjed midinbin mill-Galilej
l-oħra biex sofrew dan kollu? Le
ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu, xorta waħda.” (Lq. 13, 2-3). Kelma ta’ Kristu għalina lkoll.
Il-Liturġija tal-Kelma għal-lum:
Qari I
JIENA-HU
bagħatni għandkom.
Eż
3:1-8a,13-15
Qari mill-Ktieb
tal-Eżodu
F’dak
iż-żmien, Mosè kien jirgħa l-merħla ta’ ħatnu Ġetru, qassis ta’ Midjan, u ħa
l-merħla ’l hemm fid-deżert, u wasal sa ħdejn Ħoreb, il-muntanja ta’ Alla. Hawn
deherlu l-anġlu tal-Mulej f’ħuġġieġa nar qalb l-għollieq. Mosè ħares u ra
l-għollieq jaqbad bin-nar bla ma jintemm. Mosè qal: “Ħ nersaq u nara din
id-dehra tal-għaġeb:
għala mhux jinħaraq
l-għllieq?”. Il-Mulej
rah riesaq biex jara, u Alla sejjaħlu minn qalb l-għollieq u qallu: “Mosè,
Mosè!”. U Mosè wieġeb: “Hawn jien!”. U l-Mulej qallu: “La tersaqx ’l
hawn. Neħħi l-qorq minn riġlejk, għax il-post li inti fuqu hu art qaddisa”. U
ssokta jgħidlu: “Jien hu Alla ta’ missirijietek: Alla ta’ Abraham, Alla ta’
Iżakk u Alla ta’ Ġakobb”. Mosè għatta wiċċu, għax beża’ jħares lejn Alla.
U
l-Mulej qallu: “Jien ħarist u rajt it-tbatija tal-poplu tiegħi fl-Eġittu. U
jien smajt il-karba tagħhom minħabba fl-argużini tagħhom u għaraft l-uġigħ
tagħhom. Issa nżilt biex neħlishom minn idejn l-Eġizzjani u biex intellagħhom
minn dik l-art u neħodhom f’art tajba u wiesgħa, f’art tnixxi ħalib u għasel”.
Mosè
reġa’ wieġeb: “Ara, jiena mmur għand ulied Iżrael u ngħidilhom: ‘Alla ta’
missirijietkom bagħatni għandkom’. Huma jistaqsuni: ‘X’jismu?’. Jiena
xi ngħidilhom?”. Alla wieġbu: “Jien li Jien”. U kompla jgħidlu: “Hekk
għidilhom lil ulied Iżrael: ‘Jiena-Hu bagħatni għandkom’”. U Alla kompla
jgħidlu: “Hekk għandek tgħidilhom lil ulied Iżrael: ‘Jaħweh, Alla ta’
missirijietkom, Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk, Alla ta’ Ġakobb, bagħatni għandkom’.
Dan ikun ismi għal dejjem u dan l-isem ifakkarkom fija minn nisel għal nisel”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/.
Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
Salm
102(103):1-2,3-4,6-7,8,11
R/.(8):
Ħanin u twajjeb il-Mulej.
Bierek,
ruħ tiegħi, il-Mulej!
B’qalbi
kollha nbierek l-isem qaddis tiegħu.
Bierek,
ruħ tiegħi, il-Mulej,
u
la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek. R/.
Hu
li jaħfer dnubietek kollha;
ifejjaq
il-mard tiegħek kollu;
jifdi
lil ħajtek mill-qabar;
iħaddnek bit-tjieba u
l-ħniena. R/.
Il-Mulej jagħmel
is-sewwa,
u l-ħaqq mal-maħqurin
kollha.
Hu għarraf lil Mosè
l-ħsieb tiegħu,
l-għemejjel tiegħu
lil ulied Iżrael. R/.
Ħanin u twajjeb
il-Mulej,
idum ma jagħdab u
kollu mogħdrija.
Daqskemm huma
s-smewwiet ’il fuq mill-art,
hekk
hi kbira tjubitu ma’ min jibża’ minnu. R/.
Qari II
Il-ħajja
tal-poplu ma’ Mosè fid-deżert inkitbet bi twissija għalina.
1
Kor 10:1-6,10-12
Qari mill-Ewwel
Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
Ma
rridkomx ma tkunux tafu, ħuti, li missirijietna lkoll kienu taħt is-sħaba,
ilkoll qasmu l-baħar, ilkoll kienu mgħammda f’Mosè fis-sħaba u fil-baħar,
ilkoll kielu mill-istess ikel spiritwali – xorbu tassew mill-blata spiritwali
li kienet timxi magħhom, u din il-blata kienet Kristu – madankollu l-biċċa
l-kbira minnhom lil Alla ma għoġbuhx għax ilkoll waqgħu mejta fid-deżert.
Dan
ġara b’eżempju għalina, biex ma nixxennqux għal ħwejjeġ ħżiena, bħalma xxennqu
huma. Anqas ma għandkom tgergru, kif għamlu xi wħud minnhom, u qeridhom
il-Qerried. Dan kollu ġralhom b’eżempju, u nkiteb bi twiddiba għalina li fuqna
wasal tmiem iż-żminijiet. Min jidhirlu li hu wieqaf, joqgħod attent li ma
jaqax.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/.
Irroddu ħajr lil Alla.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Mt
4:17
Glorja
u tifħir lilek, Kristu!
Indmu, jgħid il-Mulej
għax is-Saltna
tas-Smewwiet waslet.
R/. Glorja u tifħir
lilek, Kristu!
Evanġelju
Jekk ma tindmux,
ilkoll tintilfu xorta waħda.
Lq 13:1-9
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, ġew
xi wħud għand Ġesù u qalulu b’dawk il-Galilin li Pilatu kien ħallat demmhom
mad-demm tal-vittmi tas-sagrifiċċji tagħhom. U Ġesù qabad u qalilhom: “Taħsbu
intom li dawn il-Galilin kienu iżjed midinbin mill-Galilin l-oħra biex sofrew
dan kollu? Le, ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu bħalhom. Jew
dawk it-tmintax-il ruħ li fuqhom waqa’ t-torri ta’ Silwam u qatilhom, taħsbu
intom li kienu iżjed ħatja min-nies l-oħra ta’ Ġerusalemm? Le, ngħidilkom; imma
jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu xorta waħda”.
U qalilhom din
il-parabbola: “Wieħed kellu siġra tat-tin imħawla fl-għalqa. Mar ifittex
il-frott fiha, u ma sabx. Għalhekk qal lil dak li kien jaħdimlu l-għalqa: ‘Ara, ili tliet snin
niġi nfittex il-frott f’din is-siġra tat-tin, u qatt ma sibtilha. Mela
aqlagħha! Għax għalfejn se tibqa’ tkidd l-art?’. Iżda dak
wieġbu: ‘Inti ħalliha, sinjur,
għal din is-sena, sa ma nagħżqilha madwarha u nagħtiha d-demel. Id-dieħla
għandha mnejn tagħmel il-frott; jekk le, aqlagħha’”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/.
Tifħir lilek, Kristu.
|