Din
hija il-Liturgija tar-Raba' Hadd tar-Randan(2022) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Ir-Randan Imqaddes huwa Mixja lejn il-Liturġija l-Kbira tal-Knisja, meta
hija tgħaddi l-Lejl tal-Għid tishar tistenna lill-Għarus tagħha ġej mir-Rebħa
l-kbira tiegħu fuq l-ikbar għadu li għandu l-bniedem: il-Mewt. Mela, ir-Randan huwa żmien ta’ tħejjija biex wieħed ikun
jista’ jidħol għall-Festa tat-Tieġ tal-Mulej.
Kull Nisrani li jinsab jikber fil-Fidi jagħmel mill-Velja tal-Għid
appuntament li ma jistax ma jżommux!
Jekk veru għandna Knisja ħajja, kull knisja għandha tkun mimlija bħal
bajda f’dan il-Lejl li ġej. Imma skont
ir-Randan, l-Għid. Ippreparati tajjeb
inkunu nistgħu nidħlu bi spirtu qawwi u hekk nimlew l-ilma tal-Grazzja mhux ġo
barmil imtaqqab.
Ir-Randan isuqna biex niffissaw ħarsitna fuq il-Ġimgħa Mqaddsa li fih seħħ
il-Misteru ‘sħiħ’ tal-Għid: il-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien tal-Mulej
tagħna. Dan hu l-aqwa żmien tas-sena
liturġika. Għal Kristu kien l-aqwa żmien
ta’ Ħajtu fuq din l-art. Hu qal li ġie
għal siegħa waħda u kien qed jirreferi għal din il-Ġimgħa Mqaddsa.
L-Għid kien jeżisti sa minn żmien il-qedem f’kulturi differenti u
pagani. Kienet festa agrikola fi żmien
meta x-xogħol fl-għelieqi u fit-trobbija tal-bhejjem kien kollox. Żmien il-festi tal-Għid kien jimmarka
l-mogħdija mill-‘Mewt’ tal-Ħarifa/Xitwa għall-Ħajja tar-Rebbiegħa li tibda
ssebbaħ lin-natura. Għan-nies l-antiki,
l-art kienu jxebbħuha ma’ mara li titqal bil-‘frott’ tagħha fiż-żmien imdallam
tax-Xitwa, biex tidħol fit-taħbit tal-ħlas u t-twelid ta’ abbundanza ta’ għalf
u ġid fir-Rebbiegħa. Kien ikun żmien ta’
ferħ, ta’ komunjoni bejn il-bnedmin li kienu jgħinu lil xulxin biex jiġbru
l-frott tal-art. Żmien meta l-familji
kienu saħansitra jorqdu fl-għelieqi tagħhom, u wieħed jista’ jimmaġina l-għors
tat-tfal!
Għal-Lhud, dan kien l-ewwel tip ta’ ‘Għid’.
Imma kien f’dan iż-żmien tas-sena, wara 430 sena ta’ jasar fil-forġa
tal-Eġittu, li Alla daħal bil-qawwi fil-Ġrajja ta’ dan il-poplu ‘magħżul’ u
kontra kull raġunament u immaġinazzjoni tal-moħħ, ħarġu minn hemm, fix-xahar li
huma kienu jsejħulu Abib. Fl-14
tax-xahar Iżrael ħareġ mill-Eġittu jkanta t-tifħir lil Alla għax ra b’għajnejh
li tassew għaliH kollox jista’ jkun. Wara
kollox din hi t-tifsira tal-‘Għid’: għal Alla kollox jista’ jkun. Imma Iżrael kien għad baqagħlu x’jara
għeġubijiet ta’ barra minn hawn: il-qsim tal-Baħar l-Aħmar; tant għeġubijiet
fid-deżert fejn poplu sħiħ ma kellux possibiltà li jgħammar għal erbgħin sena;
u d-dħul fl-Art Imwegħda lilhom li fiha kien hemm jgħammru seba’ ġnus ilkoll
aqwa minnhom. Alla kinishom minn
quddiemhom.
L-Ewwel qari tal-lum jitkellem dwar il-wasla tal-poplu f’din l-Art li
kienet ġdida għalihom. U x’art
kienet! Hekk jgħid id-Dewteronomju: “Il-Mulej Alla tiegħek idaħħlek fl-art li
ħalef lil missirijietek li jagħtiha lilek, bliet kbar u sbieħ li int ma bnejtx;
u djar mimlija b’kull ġid li ma ħżintx int; bjar imħaffrin, li ma ħaffirthomx
int; dwieli u żebbuġ li ma ħawwilthomx int; u tiekol u tixba’.” (Dewt. 6, 10-12). Alla jagħti mhux bil-qjies iżda
bil-kotra! L-Ewwel Qari se jgħidilna
meta Iżrael daħal f’din l-Art Imwegħda lilu.
“Il-Mulej qal lil Ġożwè: ‘Illum
jien neħħejtilkom minn fuqkom il-għajb tal-Eġittu.’ L-Iżraelin waqqfu l-għerejjex tagħhom
f’Gilgal. Hemm, fil-wita ta’ Ġeriko,
għamlu l-Għid filgħaxija tal-erbatax tax-xahar.
U l-għada sewwa tal-Għid huma kielu mill-frott tal-art.” (Ġoż. 5, 9w). Jiġifieri, l-poplu telaq mill-Eġittu fi
żmien l-Għid, u erbgħin sena wara daħal fl-Art fi żmien l-Għid ukoll.
U hawn nibdew nindunaw, anzi l-poplu beda jinduna li l-Għid ma kienx
ifisser biss Mogħdija mid-dlam tax-Xitwa għad-dawl tar-Rebbiegħa, mill-art
għerja għall-għelejjel misjura għall-ħsad, iżda fuq kollox il-Mogħdija ‘Divina’
mill-Jasar għall-Ħelsien, mill-Mewt għall-Ħajja, mill-għajb għall-Glorja, minn
qagħda ta’ barranin mistmerra u umiljati għal sidien ta’ Art li tnixxi ħalib u
għasel. L-Għid saret il-festa l-kbira ta’
dan il-poplu u bdew jinbtu ħafna drawwiet madwarha. L-Għid saret il-Mogħdija tal-Mulej li jkaxkar
lill-poplu tiegħU miegħU, minn Fidi għal Fidi akbar, minn Ħajja għal Ħajja
aqwa.
Imma din l-Istorja kollha kellha Sid warajha li kien qed imexxiha; bħalma
l-Istorja individwali ta’ kull wieħed minna għandha Sid, u dan is-Sid hu
Alla. B’xorti tajba għalina Sid
l-Istorja tagħna mhux ix-xorti għamja, il-kumbinazzjoni, id-destin. Dawn l-affarijiet jemmnuhom il-pagani u n-nies
marbutin mad-dinja. Sid l-Istorja tiegħi
u tiegħek huwa Alla l-Imbierek li qed iressaqna bil-mod il-mod, bħalma jressqu
l-boċċa għal mal-likk, għall-Għid il-Kbir tagħna, il-Mogħdija li hemm
tistenniena, is-Siegħa tagħna: meta ngħaddu minn din il-Ħajja li tintemm għal
dik li hemm tistenniena fis-Sema, li ma tintemmx.
Dawk l-esperjenzi tal-‘Għid’ li l-popli antiki kienu jġarrbu bin-natura, u
dawk il-ġrajjiet meraviljużi tal-‘Għid’ li Iżrael għadda minnhom, kienu biss
xbieha ta’ dak li Alla kellu jagħmel b’risq il-bnedmin tad-dinja kollha.
Il-Għid ta’ Kristu huwa ċ-ċentru tal-Istorja mhux umana biss iżda tal-univers
kollu. L-Għid ta’ Kristu huwa l-fus li
fuqu jdur kollox. Huwa s-Siegħa li
dawlet dak li kien ġara u dak li qed jiġri llum u se jiġri għada. Il-bniedem mhux se jifraħ għax jaħsad wiċċ
ir-raba’, issa, iżda għax il-Mewt
inkixfitilha l-maskra tal-Gidba. Ġiet
imregħxa. Mhux veru li hi l-aħħar
Kelma. Mhux veru li hi teqred
kollox. Kristu daħal fiha u sar għaliha
l-velenu, b’tali mod li min jinagħtalu li jemmen, jista’ jersaq lejn l-Għid
tiegħu, jersaq lejn ħalq il-Mewt bla ma jibża’ għax jaf li qablu daħal Kristu,
hemm, u baqa’ ħaj!
Ara kif id-Dawl tal-Għid idawwal kollox, bħalma l-Blandun tal-Għid, li
jfisser il-Mewt mirbuħa minn Kristu, idawwal id-dlamijiet tal-knejjes
tagħna. Għax kull ġrajja hi ‘Għid’
għall-bniedem ta’ Fidi. Meta jersaq
is-Salib, il-bniedem imbiegħed minn Alla jitriegħed, iħossu mhedded, jiddefendi
ruħu bil-vjolenza, bid-dnub, bir-rabja, bir-ribelljoni. Imma min jimmatura fil-Fidi, hu għassa. Hu jishar għall-Mogħdija tal-Mulej,
il-Mogħdija tal-Għid. Hu jaf li meta
ġrajja iebsa, ‘negattiva’, iddur madwaru, din hi biss il-wiċċ imdallam
tal-Għid. Hu jistenna lil Alla joħroġlu
l-ġid minn kollox, għax għandu Fidi soda li kull qagħda ta’ Salib, ta’ Mewt,
jippermettiha Alla biex inġarrbu l-Qawmien tal-Għid. Darba wara darba. Minn Għid għal Għid. Minn Fidi għal Fidi, sakemm naslu fl-ikbar
Għid għalina mimlijin bl-istennija u kurżità qaddisa tal-meravilja li se nsibu
wara din il-Ħajja.
Dan hu li ried ifisser San Pawl fit-Tieni Ittra lill-Korintin: “Meta wieħed jingħaqad ma’ Kristu jsir
ħolqien ġdid: il-qadim għadda, biex daħal il-ġdid floku.” (2 Kor. 5, 17). Huwa l-Bniedem il-Ġdid biss li jirbaħ
il-biża’ tal-Mewt għax hu ‘ħolqien
ġdid’. Iktar kemm nikbru f’dan
il-ħolqien ġdid iktar insiru ħbieb ta’ Alla.
“Alla ħabbibna miegħu miegħu
innifsu permezz ta’ Kristu.” (2 Kor. 5,
18). Żgur fuq li żgur li Alla mhux
se jħalli lil ħbiebu abbandunati fil-biża’ tal-Mewt. Kristu jurina min hu l-Missier. Hu dak li ħalla lil ibnu jitlaq għax xeba’
miegħu. Ħallih jitlaq bla ma qallu xejn
anke jekk qalbu kien magħfusa min-niket.
Ħallih jitlaq għax kien jaf li fid-dinja ma kienx se jsib żgur dak li
kien ifittex. Kien jaf li għad jerġa
lura għal għandu. Għalhekk Alla jidħol
f’sahra għalina. Alla jistenniena kull
jum ta’ ħajjitna. Jistenna. Jistenna.
Jistenna, sakemm jagħrafna ġejjin meta għadna fl-orizzont u jhejjilna
Festa bla tmiem, għax konna mitlufa u nstabna, konna mejta u issa erġajna lura
għall-Ħajja. Alla tagħna hu Alla
tal-Għid.
Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:
Qari I
Il-poplu
ta’ Alla jidħol fl-art imwiegħda u jiċċelebra l-Għid.
Ġoż
5:9a,10-12
Qari mill-Ktieb
ta’ Ġożwè
F’dak
iż-żmien, il-Mulej qal lil Ġożwè: “Illum jien neħħejtilkom minn fuqkom l-għajb
tal-Eġittu”. Ulied Iżrael waqqfu l-kamp tagħhom f’Gilgal. Hemm, fil-witat ta’
Ġeriko, għamlu l-Għid filgħaxija tal-erbatax tax-xahar. U sewwasew l-għada
tal-Għid, huma kielu mill-frott tal-art: ħobż ażżmu u qamħ inkaljat.
Minn dakinhar, wara
li kielu mill-frott tal-art, il-manna waqfet. Ulied Iżrael ma kellhomx aktar
manna, imma minn dik is-sena bdew jieklu milli bdiet tagħtihom l-art ta’
Kangħan.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/.
Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
Salm
33(34):2-3,4-5,6-7
R/.(9a):
Duqu u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej.
Kull
ħin inbierek il-Mulej;
tifħiru
dejjem fuq fommi.
Bil-Mulej
tiftaħar ruħi;
jisimgħu
l-fqajrin u jifirħu. R/.
Xandru l-kobor tal-Mulej
miegħi;
ħa ngħollu ismu
flimkien.
Jien fittixt
il-Mulej, u weġibni,
minn kull biża’
tiegħi ħelisni. R/.
Ħarsu lejh u jiddi
bil-ferħ wiċċkom,
u ma jkollkomx għax
tistħu.
Dan il-fqajjar sejjaħ
u l-Mulej semgħu,
u mid-dwejjaq tiegħu
kollha ħelsu. R/.
Qari II
Alla
ħabbibna miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu.
2
Kor 5:17-21
Qari mit-Tieni
Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
Ħuti,
meta wieħed jingħaqad ma’ Kristu, isir ħolqien ġdid; il-qadim għadda u daħal
il-ġdid. Kollox ġej minn Alla li ħabbibna miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu u
tana l-ministeru ta’ din il-ħbiberija tal-bnedmin ma’ Alla. Alla kien li ħabbeb
il-ħolqien miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu, bla ma qagħad iżomm il-kont ta’
dnubiethom, u fdalna l-ministeru ta’ din il-ħbiberija. Aħna nagħmluha ta’
ambaxxaturi ta’ Kristu bħallikieku Alla stess qiegħed isejjaħ permezz tagħna,
nitolbu fuq li nitolbu f’ġieħ Kristu: Ħallu lil Alla jħabbibkom miegħu. Dak li
ma kienx jaf x’inhu dnub, Alla għamlu dnub għalina sabiex aħna nsiru fih ġustizzja
ta’ Alla.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/.
Irroddu ħajr lil Alla.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Lq
15:18
Glorja
u tifħir lilek, Kristu!
Ħa
nqum u mmur għand missieri, u ngħidlu:
Missier,
dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek.
R/. Glorja u tifħir
lilek, Kristu!
Evanġelju
Dan ħuk kien mejjet
u raġa’ qam, kien mitluf u nstab.
Lq 15:1-3,11-32
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien,
il-pubblikani u l-midinbin kienu jersqu bi ħġarhom lejn Ġesù biex jisimgħuh. U
kemm il-Fariżej u kemm il-kittieba kienu jgemgmu u jgħidu: “Nies midinba jilqa’
għandu dan u jiekol magħhom!”.
U Ġesù qabad u
qalilhom din il-parabbola: “Kien hemm raġel li
kellu żewġ ulied. Iż-żgħir qal lil missieru: ‘Missier, agħtini
s-sehem li jmiss lili mill-ġid’. U dak qassmilhom
il-ġid. Ma kinux għaddew wisq ġranet, meta ż-żgħir sarr kollox u telaq minn
beltu lejn pajjiż imbiegħed, u hemmhekk berbaq ġidu kollu f’ħajja mtajra. Meta
ħela kulma kellu, fuq dak il-pajjiż waqa’ ġuħ kbir, u beda jħoss ruħu
fil-bżonn. U mar daħal ma’ wieħed minn dak il-pajjiż, li bagħtu fir-raba’
tiegħu jirgħa l-ħnieżer. Kien jixtieq kieku jimla żaqqu mqar bil-ħarrub li
kienu jieklu l-ħnieżer, imma ħadd ma kien jagħtih.
Imbagħad daħal fih
innifsu u qal: ‘Kemm lavranti ma’
missieri għandhom ħobż bix-xaba’, u jien qiegħed hawn immut bil-ġuħ! Ħa nqum u
mmur għand missieri, u ngħidlu: Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek;
ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek; żommni b’wieħed mil-lavranti tiegħek’.
Qam, u telaq għal
għand missieru. Iżda kif kien għadu fil-bogħod missieru lemħu u tħassru, u
b’ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u biesu. It-tifel qallu: ‘Missier, dnibt
kontra s-sema u kontra tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek’.
Iżda
l-missier qal lill-qaddejja tiegħu: ‘Isaw!
Ġibulu l-isbaħ libsa u xidduhielu, libbsulu ċ-ċurkett f’sebgħu u s-sandli
f’riġlejh! Ġibu l-għoġol l-imsemmen u oqtluh, ħa nieklu u nagħmlu festa, għax
dan ibni kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab!’. U għamlu festa.
Mela ibnu l-kbir kien
fl-għalqa. Huwa u rieġa’ lura, kif wasal qrib id-dar sama’ daqq u żfin. Sejjaħ
wieħed mill-qaddejja u staqsieh dak x’kien. Dak qallu: ‘Hawn ħuk u missierek
qatillu l-għoġol l-imsemmen, għax raġa’ kisbu qawwi u sħiħ’. Hu inkorla, u ma
riedx jidħol ġewwa, iżda missieru ħareġ jitolbu jidħol. Iżda hu qal lil
missieru: ‘Ara, ili dawn is-snin
kollha naqdik, kelmtek ma ksirthielek qatt, u kieku qatt tajtni gidi lili biex
nagħmel ikla u nifraħ ma’ ħbiebi! Imbagħad jiġi dan ibnek, li belagħlek ġidek
man-nisa żienja, u lilu toqtollu l-għoġol l-imsemmen’. Qallu
missieru: ‘Ibni, inti dejjem
miegħi, u kulma hu tiegħi huwa tiegħek. Imma kien meħtieġ li nagħmlu festa u
nifirħu, għax dan ħuk kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab!’”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/.
Tifħir lilek, Kristu.
|