Din
hija il-Liturgija tal-Hames Hadd tar-Randan(2022) bi hsibijiet min Joe Rapa.
F’dan it-tmiem il-ġimgħa tant importanti, anzi memorabbli għall-Knisja
f’Malta meta “Pietru” magħmul Kap tal-Knisja ġej iżurna, fil-persuna ta’ Papa
Franġisku, biex iqawwina fil-Fidi, iktar għandna niftħu widnejna għall-Kelma
ta’ Alla li l-Knisja trid li nisimgħu.
J’Alla l-preżenza tal-Papa, dak li jgħaqqadna fi Knisja Waħda, Qaddisa,
Kattolika u Apostolika, tgħinna biex inħallu l-Kelma tinżel fil-qalb u hemm
issir Nar li jeqred l-għeruq tad-dnub li jjassarna.
Kull min sab lil Alla jibqa’ mbellah b’dak li jiskopri, u jingħi quddiem
il-fatt li ħela ħafna minn ħajtu jiġri wara l-friefet u l-frugħat li
jgħaddu. Pawlu sab lil Alla u
r-rejazzjoni tiegħu tafu x’kienet?
Nisimgħuha fit-Tieni Qari tal-lum: “Mhux
għax għandi xi qdusija tiegħi...” (Fil.
3, 9). Immaġinaw ftit! San Pawl jgħid li jekk għandu xi qdusija, din
mhix minnu, mhix tiegħu bil-merti tiegħi, bis-saħħa tiegħu! Għaraf lil Kristu u skopra ċ-ċokon tiegħu,
id-dnub tiegħu. “Mhux għax għandi xi
qdusija tiegħi, dik li tiġi permezz tal-Liġi, iżda dik li tiġi permezz tal-fidi
fi Kristu.” (Fil. 3, 9). F’dan il-passaġġ famuż li se nisimgħu
f’dan il-Ħadd se naraw li kollox jiġi mogħti lilna, u li l-Appostlu ma jagħtix
kas tal-merti tiegħu għax iqishom bħala knis, tqanżiħ imsejken tal-bniedem. Hu jibni kollox mhux fuq il-merti tiegħu, fuq
tant u tant xogħol li hu wettaq għal
Kristu, iżda fuq il-Merti Glorjużi tal-Iben ta’ Alla li bihom Kristu rebaħ
għalih il-Grazzja tal-Konverżjoni.
Dan għandu jkun ta’ kuraġġ immens għalina li għadna nterrqu hawn lejn
id-Dar li qegħda tistenniena. Għax anke
għalina, aħna li twaħħadna ma’ Kristu fil-Magħmudija, anke għalina, bħal Pawlu,
Kristu rebħilna Merti kbar, eterni, bla tmiem, li jgħelbu għal kollox it-tbajja
ta’ tant dnubiet li wettaqna. Dawn id-dnubiet
qishom deżert li jiġi mifqugħ minn xmara enormi ta’ ilma ġieri. Aħna ġejna maħsula fid-Demm ta’ Kristu,
fix-xmara ta’ Demmu. Min jista’ jqis il-Merti
tad-Demm Qaddis ta’ Alla nnifsu? Liema
dnub, liema kwantita ta’ dnubiet jista’ l-bniedem jagħmel li huma ikbar
mill-Merti ta’ Kristu favur tagħna, li huma aqwa mid-Demm tiegħU? Imma dan irridu nemmnuh b’qalbna kollha. Jista’ jkun li d-dnub li ma jinħafirx kontra
l-Ispirtu s-Santu li Kristu jsemmi fl-Evanġelju, huwa appuntu dan: li jien
naħseb li jien dnibt wisq biex inkun
nista’ naqla’ l-Maħfra mingħand Alla. Li
dnubieti huma ikbar mill-Merti ta’ Kristu!
Li ħtijieti jaqbżu l-enormita tal-Imħabba tal-Missier għalija midneb u
li ġiet murija lili fil-Mewt u l-Qawmien ta’ Ibnu. Dan hu d-dnub tal-ereżija kontra l-Ispirtu s-Santu li huwa l-Imħabba li
hemm bejn il-Missier u l-Iben.
Kulma għandna x’nagħmlu aħna hu li nilqgħu din il-Grazzja, dan ir-Rigal
gratis, b’xejn. Ir-reliġjonijiet l-oħra
kollha tad-dinja jpoġġu lill-bniedem fiċ-ċentru u jgħidu li hu jrid ikun biex isalva. Il-Kristjaneżmu jpoġġi lil Alla fin-nofs u
huwa Hu li jsalva lill-bniedem. Iżda
l-bniedem irid jemmnu dan. U meta
jemmen din l-Aħbar it-Tajba, il-bniedem jiftaħ qalbu beraħ għal Dak li lilu
ħabbu tant!
Għalhekk illum qed nindunaw li l-Kristjaneżmu hu iktar minn reliġjon, iktar
minn sett ta’ kmandamenti li wieħed irid jobdi, imma li ma jirnexxilux
jobdi. San Pawl ma riedx iwaqqa’ l-Liġi
meta qal li hu salvat bil-Merti ta’ Kristu u mhux b’tiegħu. Hu jgħallimna li l-bniedem li jemmen
fil-Merti ta’ Kristu huwa bniedem “ġdid”, twieled mill-ġdid, u nagħta natura
ġdida li hi ta’ Kristu. Issa l-bniedem
jista’ tassew jobdi l-Liġi, mhux “għax hekk suppost”, jew kontra qalbu, jew bi
sforzi li jagħmluh dejjem imdejjaq, għajjjien u mbeżża’, iżda għax fih jgħammar
Kristu! Tassew li l-Fidi fil-Merti ta’
Kristu favur tagħna tintwera mill-fatti għax bla fatti li jidhru l-Fidi hi
mejta.
Din hija l-Konverżjoni li l-Knisja tistenna minna f’dan ir-Randan. Din hija l-bidla li l-Mulej irid jaħdem
fina. Għandna ndawru l-orjentament ta’
kif naħsbu, indawru moħħna lejn dak li għamel Kristu għalina iktar milli lejn
dak li “suppost” nagħmlu aħna. Din hija
Konverżjoni li hi xogħol Alla, imma rridu nixtiquha, nitolbuha, nixxennqu
għaliha, niftħu qalbna beraħ
għaliha. Għandna nsiru nies ta’
talb! Mhux nitolbu biss ħwejjeġ
materjali, imma l-iktar u fuq kollox nittalbu għal din in-natura ġdida li
mingħajrha nibqgħu ilsiera tad-dnub, u mejtin f’għajnejn Alla.
Quddiem din ir-rejalta, min jien jien li niġġudika lil ħaddieħor? Min hu bla dnub? Quddiem il-mara midinba tal-Vanġelu tal-lum,
Kristu kien il-Waħdieni li seta’ jiġġudikaha u jikkundannaha. Iżda dan ma jagħmlux għax hu ma ġiex biex
jeqred lill-bniedem iżda biex jeqred id-“Dnub” li jżomm lill-bniedem ankrat
fil-miżerja. Id-“Dnub” li jżommu jirgħa
l-qżieqeż bħall-iben il-ħali flok ma jgawdi l-qagħda tiegħu ta’ werriet ta’
missieru. Hu qered l-għerq tal-jasar li
hemm fina billi nqasam għalina fuq is-Salib.
Huwa HU l-awtur tal-konverżjoni tagħna.
Huwa HU li ikkonverta lil Iżrael u minn qabda lsiera għamilhom
ġens. “Dan jgħid il-Mulej li fetaħ triq fil-baħar, mogħdija fl-ilmijiet
qawwija, dak li ħareġ karrijiet u żwiemel, eżerċti u rġiel qalbiena; xteħtu
fl-art, biex ma qamux aktar.” (Is. 43,
16-17). Ta’ min kienu l-Merti li
Iżrael ħareġ mill-Eġittu? Tiegħu? Le!
Għalhekk is-Salm Responsorjali jgħid:
“Imbagħad bdew jgħidu fost
il-ġnus: ‘Kbir f’għemilu l-Mulej magħhom!’
Kbir f’għemilu l-Mulej magħna! U
aħna mtlejna bil-ferħ.” (S. 126, 2-3).
Alla lest li jagħtina l-Grazzja l-Kbira li “nqisu kollox bħala telf ħdejn il-qligħ kbir li hemm filli ngħarfu lil
Kristu Ġesù Sidna... u kollox ngħoddu bħala knis, biex nirbħu lil Kristu, u
nkunu ninstabu fih.” (Fil. 3, 8-9). Hemm qligħ kbir tassew f’li ngħarfu lil
Kristu, u x’ifisser dan? Liema hi
l-Grazzja li għandi nixxennaq għaliha jien?
Dwar Kristu naf “kollox”. Ilni
nisma’ fuqU mid-Duttrina. Il-Grazzja hi
li l-Missier jikxfilna l-Misteru tal-Għid ta’ Kristu li biha aħna “Qaddisin” u
werrieta tas-Sema Pajjiżna! Għax għandna
bżonn il-miraklu morali tal-Missier li naraw b’għajnejn spiritwali dak li forsi
sal-luma rajna biss imċajpar: dak li għamel għalina Kristu bil-Mewt u l-Qawmien
tiegħU.
Jista jkun li xi wħud minn dawk il-Fariżej u x-xjuħ li telqu nkiss inkiss
minn quddiem dik l-adultera, irċivew Grazzja kbira dak in-nhar. Għax għarfu li Ġesù kellu raġun jixlihom bi
dnubhom, huma li kien jaħsbu li huma aħjar mill-mara. Għax hemm qiegħed il-bidu
tal-konverżjoni. Aħna lkoll midinbin,
iżda hemm ħelsien kbir jistenniena fi Kristu. Nittallbu lill-Missier għall-Grazzja ta’ dan
l-għarfien biex tassew inkunu nistgħu ngħixu Għid ta’ ħelsien.
Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:
Qari I
Sejjer
nagħmel ħaġa ġdida biex nisqi l-poplu tiegħi.
Iż 43:16-21
Qari mill-Ktieb
tal-Profeta Iżaija
Dan
jgħid il-Mulej,
li
fetaħ triq fil-baħar,
mogħdija
fl-ilmijiet qawwija;
dak
li ħareġ karrijiet u żwiemel,
eżerċti
u rġiel qalbiena f’daqqa;
inxteħtu fl-art, biex
aktar ma qamux;
inħlew bħal ftila, u
ntfew:
“La tiftakrux iżjed fi
ġrajjiet l-imgħoddi;
la
taħsbux fuq dak li ġara qabel.
Arawni,
sejjer nagħmel ħaġa ġdida:
feġġet
issa; għadkom ma ttendejtux?
Se
niftaħ triq fix-xagħri,
xmajjar
fid-deżert.
Ifaħħruni
l-bhejjem selvaġġi,
ix-xakalli u wlied
in-ngħam,
għax noħroġ l-ilma
fix-xagħri,
xmajjar fid-deżert,
biex nisqi l-poplu
tiegħi,
il-maħtur
tiegħi,
il-poplu
li sawwart għalija,
biex ixandar
it-tifħir tiegħi”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/.
Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
Salm
125(126):1-2ab,2ċd-3,4-5,6
R/.(3):
Kbir f’għemilu l-Mulej magħna!
Meta
l-Mulej reġġa’ lura l-imjassra ta’ Sijon,
konna
qisna mitlufa f’ħolma;
imbagħad
bid-daħk imtela fommna,
u
bl-għajat ta’ ferħ ilsienna. R/.
Imbagħad
bdew jgħidu fost il-ġnus:
“Kbir
f’għemilu l-Mulej magħhom”.
Kbir
f’għemilu l-Mulej magħna!
U
aħna bil-ferħ imtlejna. R/.
Biddel, Mulej,
xortina
bħall-widien
tan-Negeb!
Dawk li jiżirgħu
fid-dmugħ
jaħsdu bl-għana ta’
ferħ. R/.
Huma u sejrin, imorru
jibku,
iġorru ż-żerriegħa
għaż-żrigħ.
Iżda huma u ġejjin
lura, jiġu b’għana ta’ ferħ,
iġorru l-qatet
f’idejhom. R/.
Qari II
Minħabba
fi Kristu ridt li nitlef kollox.
Fil
3:8-14
Qari mill-Ittra
ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin
Ħuti,
jiena ngħodd kollox bħala telf ħdejn il-qligħ kbir li hemm filli nagħraf lil
Kristu Ġesù Sidi; minħabba fih ridt li nitlef kollox, u ngħodd kollox bħala
knis, biex nirbaħ lil Kristu, u nkun ninsab fih; mhux għax għandi xi ġustizzja
tiegħi, dik li tiġi permezz tal-Liġi, iżda dik li tiġi permezz tal-fidi fi
Kristu, il-ġustizzja ġejja minn Alla u mibnija fuq il-fidi. Irrid nagħraf lilu
u l-qawwa tal-qawmien tiegħu mill-imwiet, u naqsam miegħu t-tbatijiet tiegħu, u
nsir nixbhu fil-mewt,
biex jirnexxili nikseb il-qawmien mill-imwiet. M’iniex ngħid li jiena ġa
ksibtu, jew li jien ġa perfett. Imma nross ’il quddiem biex naħtaf dan, bħalma
Kristu Ġesù ġa ħataf lili. Ħuti, ma jidhirlix li dan ġa lħaqtu; imma ħaġa waħda
ngħid: waqt li ninsa lil ta’ warajja kollu, jiena nagħmel ħilti kollha biex
nilħaq dak li hemm quddiemi; niġri ’l quddiem lejn it-tmiem, biex nikseb
il-premju li għalih Alla qed isejħilna hemm fuq fi Kristu Ġesù.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/.
Irroddu ħajr lil Alla.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġoel
2:12-13
Glorja
u tifħir lilek, Kristu!
Erġgħu
duru lejja bi qlubkom kollha, jgħid il-Mulej,
għax jien twajjeb u
ħanin.
R/. Glorja u tifħir
lilek, Kristu!
Evanġelju
Min fostkom hu bla
dnub jitfgħalha hu l-ewwel ġebla.
Ġw 8:1-11
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù
telaq lejn l-Għolja taż-Żebbuġ. Imma l-għada qabel is-sebħ raġa’ mar
fit-tempju, u l-poplu kollu ġie ħdejh, u hu qagħad bilqiegħda jgħallimhom.
Imbagħad il-kittieba u l-Fariżej ħadulu
quddiemu waħda mara li kienet inqabdet fl-adulterju. Huma qegħduha fin-nofs u
qalulu: “Mgħallem, din il-mara nqabdet fil-fatt fl-adulterju. Issa fil-Liġi
tagħna Mosè ordnalna biex nisa bħal dawn inħaġġruhom. Int, imma, xi tgħid?”. Dan qaluhulu
biex iġarrbuh, ħalli jkollhom fuqiex jixluh.
Imma Ġesù tbaxxa lejn
l-art u beda jikteb b’sebgħu fit-trab. Billi dawk baqgħu jistaqsuh, qam dritt u
qalilhom: “Min fostkom hu bla dnub jitfgħalha hu l-ewwel ġebla”. U raġa’ tbaxxa
jikteb fit-trab. Kif semgħuh jgħid dan, qabdu u telqu wieħed wara l-ieħor, ibda
mix-xjuħ.
Ġesù
baqa’ waħdu mal-mara, wieqfa fin-nofs. Qam dritt u qalilha: “Dawk fejnhom,
mara? Ħadd minnhom ma kkundannak?”. “Ħadd,
Sinjur”, qaltlu. “Mela anqas jien ma nikkundannak”, qalilha Ġesù. “Mur, u
mil-lum ’il quddiem tidnibx iżjed”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.
|