Saturday, 02 July 2022
           
Home
IL-LEJL QADDIS TAL-VGILI TAL-GHID (2022) “DAN HUWA L-LEJL LI FIH KRISTU QERED IL-MEWT” PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 16 April 2022

Din hija il-Liturgija tal-Lejl Qaddis tal-Vgili ta' L-Ghid (2022) bi hsibijiet min Joe Rapa.

easter-alleluia-st-augustine-1-painting-resurrection-of-christ-1.jpg

 

Il-Mulej qed jerġa’ jagħtina li ngħixu miegħU l-Għid il-Kbir tiegħu, il-Festa l-Kbira tiegħu, anzi, iktar minn Festa, il-Memorjal tal-għaġeb meta huwa qam rebbieħ fuq is-setgħa tal-ħażen, qered il-Mewt tiegħU u tiegħi u tiegħek, u ħelisna mid-dlam tal-biża’ tal-qerda ta’ dejjem.  Il-Knisja llum iddoqq it-tromba li ssejjaħ għall-Ferħ, u f’kull knisja fejn tiltaqa’ l-Ġemgħa Mqaddsa biex tishar ħa tgħix mill-ġdid dan l-għaġeb li riegħed l-univers kollu, jidwu l-ħitan bl-għajat ta’ ferħ ta’ poplu fil-festa.

 

Huwa ħallas għalina d-dejn ta’ Adam.  Aħna writtna wirt misħut li huwa l-Mewt, iżda Kristu qal: “Iva, inxerred demmi kollu u jien li ma nafx x’inhi Mewt, nilbes laħam il-bniedem biex nidħol nitqabad ma dak kollu li jbeżża’ kull bniedem imsejken u hekk titħassar il-kitba tal-kundanna li ħadu fil-bidu.”  Imbierka l-Ġemgħa li tinġabar f’dan il-Lejl Qaddis, il-Lejl tal-iljieli kollha, fl-ewwel qamar mimli tar-Rebbiegħa, għax kien f’dan iż-żmien li l-għorrief antiki Lhud kienu jemmnu li nħalaq l-univers bil-Kelma setagħna ta’ Alla, u Alla nnifsu għamar lil Mosè biex dan ikun l-ewwel xahar ta’ kull sena.  Kien fid-dawl tal-ewwel qamar mimli tar-Rebbiegħa li tassew twieldet il-Fidi fuq din l-art, meta raġel xiħ, Abraham, kien qed jitħejja biex l-għada maż-żerniq joqtol lil Ibnu biex ikun jixbaħ lill-Missier li tana lil Ibnu biex imut għalina. 

 

Kien taħt dan il-qamar kwinta, li l-anġlu tal-qerda għadda minn fuq l-Eġittu kollu u ħalla l-ħerba f’kull dar li ma kelliex  id-Demm tal-Ħaruf imċappas mal-bieb u l-ġnub tiegħu.  Kien f’dan il-lejl, l-istess wieħed, li l-ġebla tgerbet minn quddiem il-qabar tal-Mulej u Hu ħareġ minn hemm mhux iktar bħala l-Ħaruf manswet iżda bħala l-iljun rebbieħ ta’ Ġuda u għajjat l-għajta tiegħu: “Dan huwa l-Lejl li fih Jiena qridt il-Mewt u qomt rebbieħ fuq is-setgħa tal-ħażen!”  X’ħin il-Knisja tilmaħ l-Għarus tagħha ġej lura minn ħalq il-Mewt hi tkanta: “Xi ħniena tal-għaġeb ridt turi magħna.  Xi mħabba u għożża liema bħalha.  Biex tifdi lill-ilsir tajt ’l Ibnek għall-Mewt!”

 

L-għorrief tal-Knisja jitqanqlu biex ifittxu Kelmiet li jesprimu l-istagħġib tagħhom quddiem dan il-Misteru kbir li jgħidilna li issa l-Mewt hi mirbuħa, li aħna salvati u s-Sema miftuħa għalina, għax aħna lkoll li nemmnu fil-Mewt u l-Qawmien ta’ Kristu nafu li l-Merti kollha tal-Iben, Hu libbishomlna bħal libsa bajda bla nikta.  Id-dnub tagħna intesa, tħassar, intrebaħ mill-abbundanza tad-demm imxerred li patta għalih.  Għalhekk kull wieħed minna li nemmnu, għandna d-dritt li nidhru ġusti quddiem il-Missier, mhux għax aħna ġusti minna nfushna, le, iżda għax bi Grazzja, bla ma jistħoqqilna, Kristu miet għalina u qam mill-Mewt biex jagħtina l-Ispirtu tiegħU u għalhekk aħna iġġustifikati bil-Fidi fih.  Hekk isejjaħ l-Atti tal-Appostli lill-insara kollha li kienu jiffurmaw il-komunitajiet tal-bidu tal-Knisja: il-Qaddisin ta’ Alla.  Huma kienu ġarar tal-fuħħar, bħalna, li jiġġelġlu malajr, iżda meta l-Missier kien iħares lejhom kien jara fihom it-Teżor merfugħ li hu Ibnu li bħal Ħaruf obda sal-aħħar.  Dak kollu li hu ta’ Kristu issa hu tagħna.  Din hi l-Aħbar it-Tajba li l-ebda reliġjon ma twassal lill-bniedem.

 

Għalhekk, kont qed ngħid li l-għorrief, tant nies li daħlu fil-fond tal-Misteru tal-Imħabba ta’ Alla, qallbu moħħhom  għax riedu jsibu mod kif ifissru xi ftit din is-Sorpriża spettakulari ta’ Alla li regħedet l-Infern u għalqitlu l-bibien ħlief għal dawk li jridu huma jmorru hemm.  U ħarġu b’din l-istqarrija li taħsadna:  “Xi ħtija hienja, li stħaqqilha Feddej kbir bal dan; xi ħtija hienja!”   Quddiem din l-Imħabba tal-Missier għal kull midneb li ġagħlitu jagħti lil Ibnu għall-Mewt biex iħallas Hu d-dejn tad-dnub, il-Knisja, f’dan il-Lejl, issejjaħ lid-dnub “Xi ħtija hienja!”  Għax kien id-dnub tal-bniedem li wassal lil Alla jisboq kull għemil ieħor tiegħu u juri f’Dawl tal-għaġeb l-Imħabba tiegħU għalija, għalik, għall-Knisja, għad-dinja, għal kull midneb. 

 

Kien id-dnub li ġiegħel lill-Missier jitħassarna tant, għax Hu kien ħalaqna għall-Ħajja bla tmiem, kien ħalaqna biex ngħixu ta’ rejiet, u ara jarana nirgħu il-qżieqes u nċafalsu fil-ħmieġ tagħhom, dejjem mejtin bil-ġuħ.  Il-ġandar tal-annimali sar l-għaxqa tagħna u dan wassal lil Alla għal dan il-mument ċentrali tal-Ħolqien.  Hu jinagħta f’Ibnu għalina biex jaqlagħna mid-dnub u jagħtina n-natura sabiħa tiegħu stess, natura li ma tmut qatt! 

 

Patri Raniero Cantalamessa, dak li jippriedka l-E\er`izzi lill-Papa u l-Kurja ta’ Ruma, fil-ktieb tiegħu dwar l-Għid, jgħid: “Aħjar dinja midinba bi Kristu, milli dinja għadha innoċenti bħal qabel il-waqgħa ta’ Adam, imma mingħajr Kristu.”  It-tifsir ta’ dan il-kliem li jażżarda, hu li aħjar bniedem dgħajjef li jidneb imma li jiltaqa’ mal-ħniena, mal-miżerikordja ta’ Alla, u jibqa’ mbellaħ bil-ġenerożità tal-Missier f’Ibnu, milli bniedem li qatt ma jidneb imma qatt ma jġarrab din il-Maħfra li tislet id-dmugħ u tqanqal Imħabba reċiproka għal Alla.

 

Sant Ambroġ, wieħed mill-Missirijiet tal-Knisja... u Alla taha lill-Knisja ħafna nies tal-għaġeb li għaddewlna il-ħsibijiet li l-Ispirtu s-Santu dawwalhom bihom... jgħid f’katekeżi tiegħu dwar il-Lejl tal-Għid: “Hienja l-qerda li minnha ħareġ tant ġid!  Għalija d-dnub sar il-mezz tal-fidwa... id-dnub xtrali l-Fidwa... id-dnub kien ta’ qliegħ ikbar għalija mis-safa tiegħi.”  Ara xi kliem tal-għaġeb!  Jien nittama li qegħdin nifhmu xi jridu jgħidulna dawn in-nies.  L-Umli jifhem mill-ewwel xi jridu jgħidu.  L-Umli huwa dak li jagħraf lilu nnifsu, li ma jiġġudika lill-ebda ħabsi għax hu jaf, hu jaf tajjeb li hu midneb u jekk mhux magħluq f’xi ċella, dan għaliex iċ-ċirkostanzi ta’ ħajtu kienu differenti.  Allura l-Umli hu midneb li ltaqa’ mal-Imħabba esaġerata tal-Missier, u din hi l-isbaħ esperjenza li l-bniedem jista’ jkollu fuq din l-art.  Il-Ġenna biss tisboq dan.

 

Ġuljana, il-mistika medjevali ta’ Norwich, ġiet imdawla biex tgħid: “Ma jistax ikun li ma jkunx hawn dnub, iżda kollox se jispiċċa tajjeb, kollox, imma tassew kollox se jispiċċa tajjeb!”  Jekk dan kollu nemmnuh illum, illum aħna qaddisin għax inkunu qegħdin nemmnu mhux fina nfusna iżda fl-Opra stupenda ta’ Kristu għalina.  Hu sar dnub biex aħna nsiru qaddisin bis-saħħa tiegħU.  Għalhekk meta fil-knisja mdallma, fil-bidu tal-Velja tant sabiħa tal-Għid, jidħol il-Blandun mixgħul, ħa niftakru li Kristu keċċa d-dlamijiet tal-bniedem u aħna nsiru Dawl bħalu biex indawlu lil kull min jiltaqa’ magħna. 

 

Min jemmen fi Kristu ma jħossx iżjed it-toqol tal-ħtija għax hu maħsul fid-Demm ta’ Kristu.  Min jemmen fi Kristu ma jibżax iktar minn x’jista’ jiġrilu għax fih issa hemm l-Ispirtu ta’ Dak li lanqas il-Mewt ma setgħet iżżommu taħtha.  Min jemmen fi Kristu tneżża’ mill-egoiżmi kollha u ma jiġbidx iktar lejh, u jinagħta għall-ieħor għax issa fih tgħammar Ħajja bla tmiem, il-Ħajja ta’ Dejjem ġa minn hawn; ma baqagħlux x’jitlef!  Min jemmen fi Kristu jobgħod il-passjonijiet tiegħu li kienu l-imsiemer li sammru l-Mulej tiegħu ma salib aħrax, jobgħod l-għira, il-mibegħda, ir-regħba, iż-żina, il-gula, ir-rabja, il-vjolenza u l-bqija, u jarmihom ’il bogħod minnu bħal knis.  Min jemmen fi Kristu, issa jsibha naturali jħobb anke lil min ma jħobbux, għax hu ġie maħbub l-ewwel minn Alla, u din l-Imħabba dejjem twelled Imħabba reċiproka.  Dan hu l-ġid u l-għana li Alla jrid idaħħalna fih.

 

Ħa jkun jaf kull Nisrani, li huwa mistieden biex f’dan il-Lejl iħaffef lejn il-knisja u jpoġġi biex isir parti mis-Sahra, mill-Istennija tal-Knisja kollha mxerrda ma’ kullimkien fid-dinja.  Dan hu l-Lejl li fih Kristu dejjem jgħaddi biex ma’ min hu bil-għatx għaliH iwettaq dak  li hu wettaq ma’ Adam u Eva.  Hu niżel fix-Xegħol, il-post fejn kien hemm dawk kollha li ttamaw f’Alla u li mietu qabel il-Miġja tal-Messija.  Hu mar ifittex fejn kien hemm l-ewwel ġenituri tagħna li kienu magħluqa fil-qabar tal-imwiet.  Hu qaleb l-għatu li kien qed iżommhom mejta u ħatafhom minn dirgħajhom, ħatafhom Hu għax huma lanqas kellhom is-saħħa jerfgħu idejhom biex jiggranfaw miegħu, ħatafhom u ġebbidhom ’il barra minn post l-imwiet.  U l-istess għamel mal-ġusti kollha: il-patrijarki, il-profeti, nies ġusti u mhumiex.  Huma semgħu l-għajta tal-Iben il-Waħdieni ta’ Alla: “Arawni!  Jien irbaħt il-Mewt!  Imxu ’l barra minn hawn!”  U kaxkarhom kollha miegħu lejn il-Ġenna!

 

Allura x’jistenna kull Nisrani fil-Għid tal-Mulej  Alla jgħaddi dejjem, imma b’mod partikulari Hu żamm appuntament partikulari f’dan il-Lejl ma’ dawk kollha li jistennewH.  Il-Liturġija tgħinna mmens biex nishru.  Għax ġej il-Mulej biex anke lilna jaħtfna minn dirgħajna u jaqlagħna mill-qabar spiritwali tagħna.  Dan il-qabar jista’ jkun kriżi ħafna konkreta.  Kulħadd għandu dell il-Mewt jiġri warajh sakemm għadna fuq din l-art.  Kriżi materjali, jew kriżi spiritwali, kriżi ta’ Fidi.  Ħa jkun dan il-Lejl li lilek jurik li wara kollox Alla kellu raġun fl-Istorja tiegħek li int ma tridx taċċetta.  Ħa jkun il-Blandun li jdawlek u tifraħ għax Alla anke mis-Salib, anke minn storja ta’ Mewt joħroġ ġid immens għal kull min jistkenn fiH.

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-Għid.  (Għal raġunijiet ta’ spazju qed inġibu l-Kelma tal-Quddiesa tal-Jum ta’ nhar l-Għid.)

 

Qari I

Aħna kilna u xrobna miegħu wara li qam mill-imwiet.

Atti 10, 34a.37-43

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

 

F’dak iż-żmien, Pietru qabad jitkellem u qal: Intom tafu b’dak li ġara mal-Lhudija kollha, ibda mill-Galilija, wara li Ġwanni kien xandar il-magħmudija; tafu kif Alla kkonsagra lil Ġesù ta’ Nazaret bl-Ispirtu s-Santu u bil-qawwa, u kif dan Ġesù għadda jagħmel il-ġid u jfejjaq lil dawk kollha li kienu maħkuma mix-xitan, għax Alla kien miegħu. U aħna xhud ta’ dak kollu li hu għamel fl-art tal-Lhudija u f’Ġerusalemm. Tawh il-mewt billi dendluh mal-għuda tas-salib; imma Alla qajmu mill-imwiet fit-tielet jum u għamel li hu jidher, mhux lil kulħadd, imma lix-xhieda li Alla għażel minn qabel, lilna, li miegħu kilna u xrobna wara l-qawmien tiegħu mill-imwiet.

 

Lilna ordnalna biex inxandruh lill-poplu u nixhdu li dan hu dak li Alla għamlu mħallef tal-ħajjin u tal-mejtin. Il-profeti kollha jixhdu għalih u jgħidu li kull min jemmen fih jaqla’ l-maħfra tad-dnubiet bis-saħħa ta’ ismu”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 117 (118), 1-2.16ab-17. 22-23

 

R/. (24): Dan hu l-jum li għamel il-Mulej;

ħa nifirħu u nithennew fih. Hallelujah

 

Faħħru lill-Mulej, għaliex hu tajjeb,

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu!

Ħa jgħidu wlied Iżrael:

“Għal dejjem it-tjieba tiegħu”. R/.

 

Il-leminija tal-Mulej ’il fuq merfugħa,

il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta’ ħila!

Ma mmutx, imma nibqa’ ngħix,

u nħabbar l-għemejjel tal-Mulej. R/.

 

Il-ġebla li warrbu l-bennejja

saret il-ġebla tax-xewka.

Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan:

ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna. R/.

 

Qari II

Fittxu l-ħwejjeġ tas-sema, fejn qiegħed Kristu.

Kol 3, 1-4

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Kolossin

 

Ħuti, jekk intom irxuxtajtu ma’ Kristu, fittxu l-ħwejjeġ tas-sema, fejn Kristu qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla. Aħsbu fil-ħwejjeġ tas-sema, mhux f’dawk tal-art. Għax intom mittu, imma ħajjitkom hi moħbija flimkien ma’ Kristu f’Alla. Meta jidher Kristu, li hu l-ħajja tagħkom, imbagħad intom ukoll tidhru flimkien miegħu fil-glorja.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Jew

 

Qari II

Tnaddfu mill-ħmira l-qadima, ħa tkunu għaġna ġdida.

1 Kor 5, 6b-8

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

 

Ħuti, ma tafux li ftit ħmira ttalla’ l-għaġna kollha? Tnaddfu mill-ħmira l-qadima ħalli tkunu għaġna ġdida, kif intom bla ħmira. Il-Ħaruf tal-Għid tagħna, li hu Kristu, hu maqtul! Nagħmlu festa, mhux bil-ħmira l-qadima, anqas bil-ħmira tal-qerq u tal-ħażen, imma bil-ħobż bla ħmira tas-safa u tas-sewwa.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Sekwenza

 

Ħa jgħollu l-insara b’tifħirhom

il-Vittma tal-Għid:

għax feda l-Ħaruf in-nagħaġ tiegħu

mill-jasar tal-mewt;

Ġesù raġa’ ħabbeb il-midneb

ma’ Alla l-Missier.

 

F’taqbida tal-għaġeb mal-Ħajja

inqerdet il-Mewt;

u qam Sid il-ħajja mill-qabar,

isaltan rebbieħ.

 

“Għidilna, Marija, ħabbrilna:

fit-triq lil min rajt?”

“Jien rajt qabar Kristu li rxoxta

fis-sebħ tal-qawmien;

rajt l-Anġli li ġew jagħtu xhieda,

il-faxxa, il-liżar.

 

Irxoxta mill-mewt Kristu Sidi,

li fih ittamajt!

Mar hu l-Galilija qabilkom:

hemmhekk se tarawh”.

 

O, nemmnu li llum Kristu rxoxta

tassew mill-imwiet!

Int mela, Sultan, ħenn għalina,

O Kristu rebbieħ.

Ammen! Hallelujah!

 

Victimae paschali laudes

immolent christiani.

Agnus redemit oves:

Christus innocens

Patri reconciliavit peccatores.

 

Mors et vita

duello conflixere mirando:

dux vitae mortuus,

regnat vivus.

 

Dic nobis, Maria,

quid vidisti in via?

Sepulcrum Christi viventis:

et gloriam vidi resurgentis.

Angelicos testes,

sudarium et vestes.

 

Surrexit Christus spes mea:

praecedet suos in Galilaeam.

 

Scimus Christum

surrexisse a mortuis vere:

tu nobis, victor Rex,

miserere.

Amen. Alleluia.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara 1 Kor 5, 7b-8a

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Il-Ħaruf tal-Għid tagħna, li hu Kristu, hu maqtul:

nagħmlu mela festa fil-Mulej.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Kristu kellu jqum mill-imwiet.

Ġw 20, 1-9

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

 

Kien l-ewwel jum tal-ġimgħa, filgħodu kmieni kif kien għadu d-dlam, u Marija ta’ Magdala ġiet ħdejn il-qabar u rat il-blata mneħħija mill-qabar. Għalhekk telqet tiġri għand Xmun Pietru u għand id-dixxiplu l-ieħor li kien iħobb Ġesù, u qaltilhom: “Qalgħu lill-Mulej mill-qabar, u ma nafux fejn qegħduh!”.

 

Pietru u d-dixxiplu l-ieħor ħarġu u ġew ħdejn il-qabar. It-tnejn ġrew flimkien, imma d-dixxiplu l-ieħor ħaffef aktar minn Pietru u laħaq qablu ħdejn il-qabar. Tbaxxa, u ra l-faxex tal-għażel imqiegħda hemm, iżda ma daħalx. Imbagħad wasal warajh Xmun Pietru, daħal fil-qabar, u ra l-faxex tal-għażel imqiegħda hemm, u l-maktur li kien madwar rasu; dan ma kienx mal-faxex, imma mitwi u mqiegħed f’post għalih. Imbagħad id-dixxiplu l-ieħor, li kien wasal l-ewwel ħdejn il-qabar, daħal hu wkoll, ra, u emmen.

 

Sa dakinhar kienu għadhom ma fehmux l-Iskrittura li tgħid li kellu jqum mill-imwiet.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

Last Updated ( Saturday, 16 April 2022 )
 
< Prev   Next >