Din
hija il-Liturgija tal-Lejl Qaddis tal-Vgili ta' L-Ghid (2022) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Il-Mulej qed jerġa’ jagħtina li ngħixu miegħU l-Għid il-Kbir tiegħu,
il-Festa l-Kbira tiegħu, anzi, iktar minn Festa, il-Memorjal tal-għaġeb meta
huwa qam rebbieħ fuq is-setgħa tal-ħażen, qered il-Mewt tiegħU u tiegħi u
tiegħek, u ħelisna mid-dlam tal-biża’ tal-qerda ta’ dejjem. Il-Knisja llum iddoqq it-tromba li ssejjaħ
għall-Ferħ, u f’kull knisja fejn tiltaqa’ l-Ġemgħa Mqaddsa biex tishar ħa tgħix
mill-ġdid dan l-għaġeb li riegħed l-univers kollu, jidwu l-ħitan bl-għajat ta’
ferħ ta’ poplu fil-festa.
Huwa ħallas għalina d-dejn ta’ Adam.
Aħna writtna wirt misħut li huwa l-Mewt, iżda Kristu qal: “Iva, inxerred
demmi kollu u jien li ma nafx x’inhi Mewt, nilbes laħam il-bniedem biex nidħol
nitqabad ma dak kollu li jbeżża’ kull bniedem imsejken u hekk titħassar
il-kitba tal-kundanna li ħadu fil-bidu.”
Imbierka l-Ġemgħa li tinġabar f’dan il-Lejl Qaddis, il-Lejl tal-iljieli
kollha, fl-ewwel qamar mimli tar-Rebbiegħa, għax kien f’dan iż-żmien li
l-għorrief antiki Lhud kienu jemmnu li nħalaq l-univers bil-Kelma setagħna ta’
Alla, u Alla nnifsu għamar lil Mosè biex dan ikun l-ewwel xahar ta’ kull
sena. Kien fid-dawl tal-ewwel qamar mimli
tar-Rebbiegħa li tassew twieldet il-Fidi fuq din l-art, meta raġel xiħ,
Abraham, kien qed jitħejja biex l-għada maż-żerniq joqtol lil Ibnu biex ikun
jixbaħ lill-Missier li tana lil Ibnu biex imut għalina.
Kien taħt dan il-qamar kwinta, li l-anġlu tal-qerda għadda minn fuq
l-Eġittu kollu u ħalla l-ħerba f’kull dar li ma kelliex id-Demm tal-Ħaruf imċappas mal-bieb u l-ġnub
tiegħu. Kien f’dan il-lejl, l-istess
wieħed, li l-ġebla tgerbet minn quddiem il-qabar tal-Mulej u Hu ħareġ minn hemm
mhux iktar bħala l-Ħaruf manswet iżda bħala l-iljun rebbieħ ta’ Ġuda u għajjat
l-għajta tiegħu: “Dan huwa l-Lejl li fih Jiena qridt il-Mewt u qomt rebbieħ fuq
is-setgħa tal-ħażen!” X’ħin il-Knisja
tilmaħ l-Għarus tagħha ġej lura minn ħalq il-Mewt hi tkanta: “Xi ħniena
tal-għaġeb ridt turi magħna. Xi mħabba u
għożża liema bħalha. Biex tifdi
lill-ilsir tajt ’l Ibnek għall-Mewt!”
L-għorrief tal-Knisja jitqanqlu biex ifittxu Kelmiet li jesprimu
l-istagħġib tagħhom quddiem dan il-Misteru kbir li jgħidilna li issa l-Mewt hi
mirbuħa, li aħna salvati u s-Sema miftuħa għalina, għax aħna lkoll li nemmnu
fil-Mewt u l-Qawmien ta’ Kristu nafu li l-Merti kollha tal-Iben, Hu
libbishomlna bħal libsa bajda bla nikta.
Id-dnub tagħna intesa, tħassar, intrebaħ mill-abbundanza tad-demm
imxerred li patta għalih. Għalhekk kull wieħed
minna li nemmnu, għandna d-dritt li nidhru ġusti quddiem il-Missier, mhux għax
aħna ġusti minna nfushna, le, iżda għax bi Grazzja, bla ma jistħoqqilna, Kristu
miet għalina u qam mill-Mewt biex jagħtina l-Ispirtu tiegħU u għalhekk aħna
iġġustifikati bil-Fidi fih. Hekk isejjaħ
l-Atti tal-Appostli lill-insara kollha li kienu jiffurmaw il-komunitajiet
tal-bidu tal-Knisja: il-Qaddisin ta’ Alla.
Huma kienu ġarar tal-fuħħar, bħalna, li jiġġelġlu malajr, iżda meta
l-Missier kien iħares lejhom kien jara fihom it-Teżor merfugħ li hu Ibnu li
bħal Ħaruf obda sal-aħħar. Dak kollu li
hu ta’ Kristu issa hu tagħna. Din hi
l-Aħbar it-Tajba li l-ebda reliġjon ma twassal lill-bniedem.
Għalhekk, kont qed ngħid li l-għorrief, tant nies li daħlu fil-fond
tal-Misteru tal-Imħabba ta’ Alla, qallbu moħħhom għax riedu jsibu mod kif ifissru xi ftit din
is-Sorpriża spettakulari ta’ Alla li regħedet l-Infern u għalqitlu l-bibien
ħlief għal dawk li jridu huma jmorru hemm.
U ħarġu b’din l-istqarrija li taħsadna:
“Xi ħtija hienja, li stħaqqilha Feddej kbir bal dan; xi ħtija
hienja!” Quddiem din l-Imħabba
tal-Missier għal kull midneb li ġagħlitu jagħti lil Ibnu għall-Mewt biex
iħallas Hu d-dejn tad-dnub, il-Knisja, f’dan il-Lejl, issejjaħ lid-dnub “Xi
ħtija hienja!” Għax kien id-dnub
tal-bniedem li wassal lil Alla jisboq kull għemil ieħor tiegħu u juri f’Dawl
tal-għaġeb l-Imħabba tiegħU għalija, għalik, għall-Knisja, għad-dinja, għal
kull midneb.
Kien id-dnub li ġiegħel lill-Missier jitħassarna tant, għax Hu kien ħalaqna
għall-Ħajja bla tmiem, kien ħalaqna biex ngħixu ta’ rejiet, u ara jarana nirgħu
il-qżieqes u nċafalsu fil-ħmieġ tagħhom, dejjem mejtin bil-ġuħ. Il-ġandar tal-annimali sar l-għaxqa tagħna u
dan wassal lil Alla għal dan il-mument ċentrali tal-Ħolqien. Hu jinagħta f’Ibnu għalina biex jaqlagħna
mid-dnub u jagħtina n-natura sabiħa tiegħu stess, natura li ma tmut qatt!
Patri Raniero Cantalamessa, dak li jippriedka l-E\er`izzi lill-Papa u
l-Kurja ta’ Ruma, fil-ktieb tiegħu dwar l-Għid, jgħid: “Aħjar dinja midinba bi
Kristu, milli dinja għadha innoċenti bħal qabel il-waqgħa ta’ Adam, imma
mingħajr Kristu.” It-tifsir ta’ dan
il-kliem li jażżarda, hu li aħjar bniedem dgħajjef li jidneb imma li jiltaqa’
mal-ħniena, mal-miżerikordja ta’ Alla, u jibqa’ mbellaħ bil-ġenerożità
tal-Missier f’Ibnu, milli bniedem li qatt ma jidneb imma qatt ma jġarrab din
il-Maħfra li tislet id-dmugħ u tqanqal Imħabba reċiproka għal Alla.
Sant Ambroġ, wieħed mill-Missirijiet tal-Knisja... u Alla taha lill-Knisja
ħafna nies tal-għaġeb li għaddewlna il-ħsibijiet li l-Ispirtu s-Santu dawwalhom
bihom... jgħid f’katekeżi tiegħu dwar il-Lejl tal-Għid: “Hienja l-qerda li
minnha ħareġ tant ġid! Għalija d-dnub
sar il-mezz tal-fidwa... id-dnub xtrali l-Fidwa... id-dnub kien ta’ qliegħ
ikbar għalija mis-safa tiegħi.” Ara xi
kliem tal-għaġeb! Jien nittama li
qegħdin nifhmu xi jridu jgħidulna dawn in-nies.
L-Umli jifhem mill-ewwel xi jridu jgħidu. L-Umli huwa dak li jagħraf lilu nnifsu, li ma
jiġġudika lill-ebda ħabsi għax hu jaf, hu jaf tajjeb li hu midneb u jekk mhux
magħluq f’xi ċella, dan għaliex iċ-ċirkostanzi ta’ ħajtu kienu differenti. Allura l-Umli hu midneb li ltaqa’ mal-Imħabba
esaġerata tal-Missier, u din hi l-isbaħ esperjenza li l-bniedem jista’ jkollu
fuq din l-art. Il-Ġenna biss tisboq dan.
Ġuljana, il-mistika medjevali ta’ Norwich, ġiet imdawla biex tgħid: “Ma
jistax ikun li ma jkunx hawn dnub, iżda kollox se jispiċċa tajjeb, kollox, imma
tassew kollox se jispiċċa tajjeb!” Jekk
dan kollu nemmnuh illum, illum aħna qaddisin għax inkunu qegħdin nemmnu mhux
fina nfusna iżda fl-Opra stupenda ta’ Kristu għalina. Hu sar dnub biex aħna nsiru qaddisin
bis-saħħa tiegħU. Għalhekk meta fil-knisja
mdallma, fil-bidu tal-Velja tant sabiħa tal-Għid, jidħol il-Blandun mixgħul, ħa
niftakru li Kristu keċċa d-dlamijiet tal-bniedem u aħna nsiru Dawl bħalu biex
indawlu lil kull min jiltaqa’ magħna.
Min jemmen fi Kristu ma jħossx iżjed it-toqol tal-ħtija għax hu maħsul
fid-Demm ta’ Kristu. Min jemmen fi
Kristu ma jibżax iktar minn x’jista’ jiġrilu għax fih issa hemm l-Ispirtu ta’
Dak li lanqas il-Mewt ma setgħet iżżommu taħtha. Min jemmen fi Kristu tneżża’ mill-egoiżmi
kollha u ma jiġbidx iktar lejh, u jinagħta għall-ieħor għax issa fih tgħammar
Ħajja bla tmiem, il-Ħajja ta’ Dejjem ġa minn hawn; ma baqagħlux x’jitlef! Min jemmen fi Kristu jobgħod il-passjonijiet
tiegħu li kienu l-imsiemer li sammru l-Mulej tiegħu ma salib aħrax, jobgħod
l-għira, il-mibegħda, ir-regħba, iż-żina, il-gula, ir-rabja, il-vjolenza u
l-bqija, u jarmihom ’il bogħod minnu bħal knis.
Min jemmen fi Kristu, issa jsibha naturali jħobb anke lil min ma
jħobbux, għax hu ġie maħbub l-ewwel minn Alla, u din l-Imħabba dejjem twelled
Imħabba reċiproka. Dan hu l-ġid u
l-għana li Alla jrid idaħħalna fih.
Ħa jkun jaf kull Nisrani, li huwa mistieden biex f’dan il-Lejl iħaffef lejn
il-knisja u jpoġġi biex isir parti mis-Sahra, mill-Istennija tal-Knisja kollha
mxerrda ma’ kullimkien fid-dinja. Dan hu
l-Lejl li fih Kristu dejjem jgħaddi biex ma’ min hu bil-għatx għaliH iwettaq
dak li hu wettaq ma’ Adam u Eva. Hu niżel fix-Xegħol, il-post fejn kien hemm
dawk kollha li ttamaw f’Alla u li mietu qabel il-Miġja tal-Messija. Hu mar ifittex fejn kien hemm l-ewwel
ġenituri tagħna li kienu magħluqa fil-qabar tal-imwiet. Hu qaleb l-għatu li kien qed iżommhom mejta u
ħatafhom minn dirgħajhom, ħatafhom Hu għax huma lanqas kellhom is-saħħa jerfgħu
idejhom biex jiggranfaw miegħu, ħatafhom u ġebbidhom ’il barra minn post
l-imwiet. U l-istess għamel mal-ġusti
kollha: il-patrijarki, il-profeti, nies ġusti u mhumiex. Huma semgħu l-għajta tal-Iben il-Waħdieni ta’
Alla: “Arawni! Jien irbaħt il-Mewt! Imxu ’l barra minn hawn!” U kaxkarhom kollha miegħu lejn il-Ġenna!
Allura x’jistenna kull Nisrani fil-Għid tal-Mulej Alla jgħaddi dejjem, imma b’mod partikulari
Hu żamm appuntament partikulari f’dan il-Lejl ma’ dawk kollha li
jistennewH. Il-Liturġija tgħinna mmens
biex nishru. Għax ġej il-Mulej biex anke
lilna jaħtfna minn dirgħajna u jaqlagħna mill-qabar spiritwali tagħna. Dan il-qabar jista’ jkun kriżi ħafna
konkreta. Kulħadd għandu dell il-Mewt
jiġri warajh sakemm għadna fuq din l-art.
Kriżi materjali, jew kriżi spiritwali, kriżi ta’ Fidi. Ħa jkun dan il-Lejl li lilek jurik li wara
kollox Alla kellu raġun fl-Istorja tiegħek li int ma tridx taċċetta. Ħa jkun il-Blandun li jdawlek u tifraħ għax
Alla anke mis-Salib, anke minn storja ta’ Mewt joħroġ ġid immens għal kull min
jistkenn fiH.
Il-Liturġija tal-Kelma tal-Għid. (Għal
raġunijiet ta’ spazju qed inġibu l-Kelma tal-Quddiesa tal-Jum ta’ nhar l-Għid.)
Qari I
Aħna
kilna u xrobna miegħu wara li qam mill-imwiet.
Atti
10, 34a.37-43
Qari mill-Ktieb
tal-Atti tal-Appostli
F’dak
iż-żmien, Pietru qabad jitkellem u qal: “Intom
tafu b’dak li ġara mal-Lhudija kollha, ibda mill-Galilija, wara li Ġwanni kien
xandar il-magħmudija; tafu kif Alla kkonsagra lil Ġesù ta’ Nazaret bl-Ispirtu
s-Santu u bil-qawwa, u kif dan Ġesù għadda jagħmel il-ġid u jfejjaq lil dawk
kollha li kienu maħkuma mix-xitan, għax Alla kien miegħu. U aħna xhud ta’ dak
kollu li hu għamel fl-art tal-Lhudija u f’Ġerusalemm. Tawh il-mewt billi
dendluh mal-għuda tas-salib; imma Alla qajmu mill-imwiet fit-tielet jum u
għamel li hu jidher, mhux lil kulħadd, imma lix-xhieda li Alla għażel minn
qabel, lilna, li miegħu kilna u xrobna wara l-qawmien tiegħu mill-imwiet.
Lilna
ordnalna biex inxandruh lill-poplu u nixhdu li dan hu dak li Alla għamlu
mħallef tal-ħajjin u tal-mejtin. Il-profeti kollha jixhdu għalih u jgħidu li
kull min jemmen fih jaqla’ l-maħfra tad-dnubiet bis-saħħa ta’ ismu”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/.
Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm
117 (118), 1-2.16ab-17. 22-23
R/.
(24): Dan hu l-jum li għamel il-Mulej;
ħa nifirħu u
nithennew fih. Hallelujah
Faħħru lill-Mulej,
għaliex hu tajjeb,
għax għal dejjem
it-tjieba tiegħu!
Ħa jgħidu wlied
Iżrael:
“Għal dejjem
it-tjieba tiegħu”. R/.
Il-leminija
tal-Mulej ’il fuq merfugħa,
il-leminija
tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta’ ħila!
Ma
mmutx, imma nibqa’ ngħix,
u nħabbar l-għemejjel
tal-Mulej. R/.
Il-ġebla
li warrbu l-bennejja
saret
il-ġebla tax-xewka.
Bis-saħħa tal-Mulej
seħħ dan:
ħaġa tal-għaġeb
f’għajnejna. R/.
Qari II
Fittxu l-ħwejjeġ
tas-sema, fejn qiegħed Kristu.
Kol
3, 1-4
Qari mill-Ittra
ta’ San Pawl Appostlu lill-Kolossin
Ħuti,
jekk intom irxuxtajtu ma’ Kristu, fittxu l-ħwejjeġ tas-sema, fejn Kristu
qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla. Aħsbu fil-ħwejjeġ tas-sema, mhux f’dawk tal-art.
Għax intom mittu, imma ħajjitkom hi moħbija flimkien ma’ Kristu f’Alla. Meta
jidher Kristu, li hu l-ħajja tagħkom, imbagħad intom ukoll tidhru flimkien
miegħu fil-glorja.
Il-Kelma tal-Mulej
R/.
Irroddu ħajr lil Alla
Jew
Qari II
Tnaddfu
mill-ħmira l-qadima, ħa tkunu għaġna ġdida.
1
Kor 5, 6b-8
Qari mill-Ewwel
Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
Ħuti,
ma tafux li ftit ħmira ttalla’ l-għaġna kollha? Tnaddfu mill-ħmira l-qadima
ħalli tkunu għaġna ġdida, kif intom bla ħmira. Il-Ħaruf tal-Għid tagħna, li hu
Kristu, hu maqtul! Nagħmlu festa, mhux bil-ħmira l-qadima, anqas bil-ħmira
tal-qerq u tal-ħażen, imma bil-ħobż bla ħmira tas-safa u tas-sewwa.
Il-Kelma tal-Mulej
R/.
Irroddu ħajr lil Alla
Sekwenza
Ħa
jgħollu l-insara b’tifħirhom
il-Vittma
tal-Għid:
għax
feda l-Ħaruf in-nagħaġ tiegħu
mill-jasar tal-mewt;
Ġesù raġa’ ħabbeb
il-midneb
ma’
Alla l-Missier.
F’taqbida
tal-għaġeb mal-Ħajja
inqerdet
il-Mewt;
u
qam Sid il-ħajja mill-qabar,
isaltan
rebbieħ.
“Għidilna,
Marija, ħabbrilna:
fit-triq lil min
rajt?”
“Jien
rajt qabar Kristu li rxoxta
fis-sebħ
tal-qawmien;
rajt
l-Anġli li ġew jagħtu xhieda,
il-faxxa,
il-liżar.
Irxoxta
mill-mewt Kristu Sidi,
li
fih ittamajt!
Mar
hu l-Galilija qabilkom:
hemmhekk
se tarawh”.
O,
nemmnu li llum Kristu rxoxta
tassew mill-imwiet!
Int mela, Sultan,
ħenn għalina,
O Kristu rebbieħ.
Ammen! Hallelujah!
Victimae paschali laudes
immolent christiani.
Agnus redemit oves:
Christus innocens
Patri
reconciliavit peccatores.
Mors et vita
duello conflixere
mirando:
dux vitae mortuus,
regnat vivus.
Dic nobis, Maria,
quid vidisti in
via?
Sepulcrum Christi
viventis:
et gloriam vidi
resurgentis.
Angelicos testes,
sudarium et vestes.
Surrexit Christus spes mea:
praecedet suos in Galilaeam.
Scimus Christum
surrexisse a mortuis vere:
tu nobis, victor Rex,
miserere.
Amen. Alleluia.
Akklamazzjoni qabel
l-Evanġelju
ara 1 Kor 5, 7b-8a
Hallelujah. R/.
Hallelujah
Il-Ħaruf tal-Għid
tagħna, li hu Kristu, hu maqtul:
nagħmlu
mela festa fil-Mulej.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Kristu kellu jqum
mill-imwiet.
Ġw 20, 1-9
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
Kien l-ewwel jum
tal-ġimgħa, filgħodu kmieni kif kien għadu d-dlam, u Marija ta’ Magdala ġiet
ħdejn il-qabar u rat il-blata mneħħija mill-qabar. Għalhekk telqet tiġri għand
Xmun Pietru u għand id-dixxiplu l-ieħor li kien iħobb Ġesù, u qaltilhom:
“Qalgħu lill-Mulej mill-qabar, u ma nafux fejn qegħduh!”.
Pietru u d-dixxiplu
l-ieħor ħarġu u ġew ħdejn il-qabar. It-tnejn ġrew flimkien, imma d-dixxiplu
l-ieħor ħaffef aktar minn Pietru u laħaq qablu ħdejn il-qabar. Tbaxxa, u ra
l-faxex tal-għażel imqiegħda hemm, iżda ma daħalx. Imbagħad wasal warajh Xmun
Pietru, daħal fil-qabar, u ra l-faxex tal-għażel imqiegħda hemm, u l-maktur li
kien madwar rasu; dan ma kienx mal-faxex, imma mitwi u mqiegħed f’post għalih.
Imbagħad id-dixxiplu l-ieħor, li kien wasal l-ewwel ħdejn il-qabar, daħal hu wkoll,
ra, u emmen.
Sa dakinhar kienu
għadhom ma fehmux l-Iskrittura li tgħid li kellu jqum mill-imwiet.
Il-Kelma tal-Mulej
R/.
Tifħir lilek Kristu
|