Din
hija il-Liturgija tat-Tieni Hadd ta' L-Ghid (2022) bi hsibijiet min Joe Rapa.
L-Antifona tad-Dħul tal-Ewkaristija għat-Tieni Ħadd tal-Għid hija Antifona Katekumenali. Fl-ewwel sekli tagħha, il-Knisja kienet Knisja Katekumenali fis-sens
li l-mod kif kienet iddaħħal aħwa godda kien permezz ta’ Katekumenat, zmien ta’ tħejjija għall-Maghmudija li kienet tinagħta biss fil-Lejla Qaddis tal-Għid.
Dan il-Katekumenat fi
zmien meta kienu jitgħammdu biss adulti, kien ikun ħafna serju.
Kien jieħu xi
erba’ snin, biex imbaghad meta kien joqrob l-Għid li fih kellhom jitgħammdu,
kienu jieħdu l-aħħar tħejjijiet:
Randan sħiħ ta’ katekezi kuljum. Infatti
hekk beda r-Randan: bħala tħejjija aħħarija għal dawk li kienu waslu biex
jitgħammdu. Kien
ikun zmien tassew eċċitanti
għal dawn il-katekumeni, li
kienu jieħdu
l-Magħmudija bl-immersjoni ġol-Vaska Battezimali, imdawrin mill-Knisja kollha fl-aqwa
Liturgija tas-sena.
Din l-Antifona tal-lum tgħid: “Ladarba
intom bħal
trabi għadhom
jitwieldu, ixxenqu għal
dak il-ħalib
safi, il-ħalib
tar-ruħ,
biex bih tikbru sa ma taslu għas-salvazzjoni,
hallelujah!” Qegħda titkellem fuq dawn li kienu katekumeni
imma kienu għadhom
kif tgħammdu u saru membri ġodda tal-Knisja. Izda kienu għadhom qishom trabi, għax għadhom
kif twieldu, u għalhekk
il-Knisja kienet issejħilhom
“neofiti”, bil-Grieg, li tfisser
trabi tat-twelid. Minn dawn ħadd ma kien jistenna li se jipproduċu xi għemejjel
kbar… kienu għadhom
trabi fil-fidi, anke jekk nafu mill-Istorja, li dan il-Katekumenat tant kien
ikun qawwi u effikaċi li
fil-persekuzzjonijiet ħafna
mill-Martri kienu, fil-fatt, katekumeni li kienu għadhom ma tgħammdux!
Fiz-zminijiet tagħna din ir-restrizzjoni dwar il-Maghmudijiet għall-Ghid biss, ma għadiex tgħodd, anke jekk taghmel ħafna u ħafna
sens. Imma kull Knisja lokali tkun
tixtieq li jkollha almenu Magħmudija
waħda f’dan il-Lejl
Qaddis. Għalhekk il-quddiesa tat-2 Ħadd tal-GĦid tibda b’din l-Antifona dwar in-“neofiti”. Dan it-2 Ħadd tal-Ghid mill-qedem ilu jissejjaħ “Domenica
in albis” għax
in-“neofiti” mgħammdin ġodda
kienu jagħmlu ġimgħa
lebsin l-abjad, xhieda tal-ħasil
fl-ilmijiet mill-ħmieg
tal-bniedem il-qadim li issa kienu nħelsu
minnu.
Kif nistgħu nindunaw malajr, fil-Knisja hemm proċess, mixja, vjaġġ ta’ Fidi.
Kollox jieħu
sens minn dan! Ħadd minna ma jista’ jgħid li wasal.
Anzi min jaħseb
li għadu mbiegħed aktarx li hu eqreb min xi ħadd ingannat li jaħseb li hu minn ta’ quddiem! Dan iz-Zmien tal-Għid hu zmien ta’ ferħ ghall-Knisja, u iktar kien ghall-Knisja
primittiva għax
kien ikun hemm il-ferħ li tara
dawn l-imgħammdin
ġodda mimlija ħeġġa u
gratitudni lejn Alla.
Din il-Mixja ta’ Fidi li
kienet tissejjaħ
Katekumenat, wieħed
jista’ jaghmilħa
llum ukoll, bl-għajnuna
tal-Knisja. Ilkoll għandna bzonn nimxu Mixja lejn Fidi dejjem
akbar, għax
Gesú hu t-Tezor Moħbi
li d-dinja kollha tfittex imma huma l-ftit, il-fdal li jsibuH.
J’Alla tkun wieħed
minnhom int! J’Alla nkun jien wieħed mill-Fdal, għax dan hu l-Għerf veru, ikbar mill-għerf materjali li jagħtuna l-universitajiet. Permezz tal-Kelma, tal-Liturgija tas-Sagramenti
u l-Knisja bit-tagħlim
taghha, aħna
mixtieqa minn Kristu li nikbru fil-Fidi fiH.
Għax
nerġa’ ngħid dan hu l-għerf li fl-aħħar mill-aħħar l-aktar li jiswa għax jagħtina
l-Ħajja ta’ Dejjem li tibda
minn hawn.
Għalhekk il-Kolletta, l-ewwel talba
tal-Quddiesa, tgħid: “biex bid-dehen kollu kulħadd jifhem kif jixraq b’liema ħasil tnaddaf, b’liema spirtu tnissel
mill-ġdid,
b’liema demm infeda.” Dawn
huma tliet Talbiet f’Talba wahda! U kemm
għandna bzonn nimxu ’l quddiem
fuqhom! Jiena, inti, aħna lkoll tnaddafna b’ “ħasil’ misterjuz. Tnaddafna fl-ilmijiet tal-Magħmudija.
Meta konna trabi ma fhimna xejn, izda llum kbirna u ma nistgħux nibqgħu trabi fil-fidi u fil-fehma ta’ dawn
il-Misteri. Jekk wieħed ma jagħti kas ta’ xejn minn dan, ifisser li ma
jemminx, li l-Magħmudija
tiegħu hija mejta, rit ta’ daħla fit-tribú.
Kif għidna
kemm-il darba, aħna
twelidna b’natura li tibda tmut malli titwieled. Adam issuspetta f’Alla u għalih sar naturali li jissuspetta f’Alla. Din in-natura maqtugħa mill-Ħajja
vera, hu għaddiha, bla
ma ried, lil
ibnu, u ibnu lil ibnu warajh, sakemm waslet għand il-ġenituri
tagħna li għaddewa lilna, u aħna ngħadduha
lil ta’ warajna.
Imma Kristu ġie biex jitqabad kontra dan id-dominju, din is-Saltna
tal-Mewt fuqna. Hu daħal fiha u qeridha u iktar kemm nikbru
fil-Fidi fil-Misteru tal-Għid tiegħU,
iktar nersqu lejn il-Mewt tal-ġisem
konvinti
li l-Mewt fizika ma għadx baqagħla l-armi tal-qerda f’idejha. Ħatafhomlha Kristu bil-Qawmien tieghU b’ġisem ta’ bniedem bħalna. Dan hu l-għala tant nies qaddisin, li nafuhom aħna wkoll, imutu mewta qaddisa, mhux rassenjata
imma kollhom sliem u fiduċja
f’Dak li ta Ħajtu
biex aħna ngħixu ghal dejjem.
Allura l-ħasil huwa dan: li l-bniedem jinzel, jew
jitnizzel fl-ilmijiet qaddisa tal-Magħmudija,
ilmijiet li huma l-Ispirtu s-Santu, jegħreq hemm fihom fejn imut il-bniedem li rċivejna minn Adam, u jitwieled fetus ġdid li meta jikber isir Kristu ieħor!
Importanti li dan nifhmuh.
Nifhmuh bil-Fidi, għax
mingħajr Fidi dan kollu hu teorija
fl-arja li ma tbiddel il-Ħajja
ta’ ħadd. Dan hu l-ħasil li tnaddafna bih fil-Magħmudija.
Il-Kolletta wkoll talbet
biex ikoll ninagħtaw
id-dehen tal-Ispirtu s-Santu biex nifhmu b’liema Spirtu tnissilna mill-ġdid.
Din hi faċċata
ohra mid-djamant li hi l-Magħmudija.
Kull faċċata
tagħti dawl li jgħammex lil min jemmen. Fil-Magħmudija
tnissilna mill-ġdid,
twelidna mill-ġdid. Dan hu tal-għaġeb. Jew temmnu dan jew ma temmnux! Altru li l-Magħmudija mhix xi avveniment soċjali li fiha niffesteġġjaw it-twelid ta’ tarbija oħra, il-bidu ta’ Ħajja oħra. Ħafna,
ħafna iktar minn hekk! Il-Magħmudija
hija Miraklu Morali enormi. Jinzera’
fina Bniedem Ġdid
jixbah lil Kristu nnifsu! Din l-affari
ta’ twelid ġdid,
ħafna ma jifhmuhiex, ma jagħtux kasha, izda hu vitali għat-tigdid tal-Knisja li nisħqu fuq dan!
Nikodemu lanqas fehmu dan id-diskors, izda Kristu kien ċar: “Tassew
tassew ngħidlek
li jekk wieħed
ma jitwelidx mill-ġdid,
ma jistax jara s-Saltna ta’ Alla.” (Ġw. 3, 3). U jerġa’ jtenni ftit wara: “Tassew tassew ngħidlek,
li jekk wieħed
ma jitwelidx mill-ilma u l-Ispirtu, ma jistax jidħol fis-Saltna ta’ Alla. (Ġw.
3, 5).
Kristu jxebbah dan
il-bniedem ġdid,
meta jizviluppa sew, mar-riħ li
la taf mnejn hu ġej lanqas fejn hu sejjer! Ifisser li l-bniedem tal-ispirtu tant hu
mitluq b’fiduċja
fil-Missier, li jitlaq il-kontroll sħiħ ta’ Hajtu f’idejn Dak li hu jaf li jħobbu bħalma
l-ebda bniedem/bniedma ma tista’ tħobbu!
X’differenza min-natura tal-imsejken Adam u nislu, bniedem imdawwar biċ-ċirku
tal-biza’ tal-Mewt li jagħmel
minn kollox, jidneb b’kull mod,
biex jiggranfa ma’ ħajja
li jaf li qed taħrablu
bħar-ramel minn bejn subgħajh.
Adam jibza’ jafda; il-bniedem imġedded
fi Kristu l-għors
tiegħu li jitfa’ kollox fuq Alla!
U fl-aħħar, il-Kolletta titlob li aħna nifhmu b’liema demm infeda. Il-kelma “Fidwa” ma tantx għadha tintuza.
Kienet fl-aqwa tagħha
fi zminijiet sfortunati meta kien għadu
legali l-jasar, l-iskjavitú… meta bnedmin kienu jinxtraw u jinbieghu
bhall-annimali. Ħafna drabi kienet ħajja tal-biza’, xejn
iktar minn ħajja annimali tat-tgħabija!
L-agħar kien li dawn l-imsejkna ma kellhom l-ebda tama li jinfdew, ħlief
li jkun hemm xi ħadd li jixtrihom, iħallas il-prezz tal-Fidwa tagħhom,
jifdihom. Għall-biċċa l-kbira minnhom
dan ma kien iseħħ qatt u kienu jmutu kif għexu, mewta ta’ kelb mormi barra li
mhu ta’ ħadd!
Jekk nidħlu sewwa f’din l-izventura tal-jasar nibdew biex nersqu ħa nifhmu
x’għamel Kristu għalina. Il-bniedem
imnissel minn Adam ma jista’ qatt jifdi lilu nnifsu. Lanqas l-iktar nies ġusti, tant li
l-patrijarki, l-profeti u n-nies twajba li mietu qabel miet Kristu, mietu bla
ma kienu għadhom ġew mifdija. Kollha
nfdew minn Kristu, li l-Kelma tgħidilna nizel wara mewtu fix-Xegħol, jew dak li
konna nsejħulu l-Limbu, u minn hemm qala’ ’l barra lil dawk kollha li kien
hemm, anke inkluz Ġwanni l-Battista, permezz tal-Merti tal-Misteru tal-Għid
tiegħU.
L-ingann tagħna hu li hu tqil għalina li ngħarfu li d-dnub joqtol. Id-dnub huwa l-ikbar pandemija, l-ikbar
problema tal-umanità. Illum, fil-kultura
moderna ta’ “kollox jgħaddi” u “xejn mhu xejn”, trid toqgħod attent kif
titkellem fuq id-dnub għax ħadd ma jisimgħek.
Allura nitkellmu b’lingwaġġ xi ftit psikoloġiku: il-bniedem huwa lsir
tal-passjonijiet tiegħu. Dawn
il-passjonijiet twieldu fih minħabbal-biza’ u l-insigurtà li jġorr fih għax
għandu mnizzel fid-DNA tiegħu li hu qiegħed hawn għal zmien li jintemm. Il-bniedem isir egoista għax hu mhedded minn
dan il-fatt... saħansitra tarbija. Dawn
mhumiex affarijiet li jgħallmuhomlna, għax huma fin-natura mwaqqa’ tagħna. Il-bniedem hu maqtugħ mis-sigurtà ta’ min
ħalqu. Hu jaf li l-ferħ u s-sens ta’
kollox huwa li jħossu maħbub u li jħobb hu wkoll. Dan jafu.
Imma ma jistax jilħaq dan l-idejal għax l-Imħabba titlob li int tmut għall-ieħor
u hemm limiti safejn jasal il-bniedem.
Mur għidlu jħobb lill-għadu lil dan il-bniedem! Jibagħtek tixxejjer.
Kristu ġie sabiex jifdina minn dan il-jasar! Ġie biex jimla l-vojt etern li hemm
fina! Hu din il-Fidwa ma tinxtarax
bil-flus... l-anqas bl-għana kollu tad-dinja.
Nies għonja, magħrufa, idolizzati li jispiċċaw jiddrogaw ruħhom il-ħin
kolu biex jinsew il-ħajja li qed jgħixu, u saħansitra joqtlu lilho infushom
bħad-dubbien, huma katekezi ħajja li Kristu biss isalva l-bniedem. Hu salvana billi miet minflokna. Hu salvana billi ħa fuqU l-firda minn Alla li
nbdiet f’Adam. Il-mard tagħna, id-dnub
tagħna, il-qtil kollu tagħna, il-gideb u l-ħsarat kollha tagħna, iz-zina u
l-adulterji kollha tagħna, saru ta’ Kristu u ħallas qares minħabba dan! Hu sar ħmieġ, biex aħna nsiru safja u
qaddisa. Aħna lkoll safja u qaddisa,
jekk għandna l-ħila nemmnuha din issa.
Issa stess, min jemmen l-Aħbar it-Tajba, issa stess huwa safi, huwa
qaddis għax dak li kellu jwettaq Kristu għalih seħħ diġa.
Il-Fidwa tagħna seħħet, u aħna qajla nafu!
Biex tara kemm għandna bzonn l-Fidi.
Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:
Qari I
L-għadd ta’ dawk li kienu jemmnu fil-Mulej kien dejjem jiżdied.
Atti 5:12-16
Qari mill-Ktieb
tal-Atti tal-Appostli
Bis-saħħa tal-appostli kienu jsiru ħafna sinjali u
mirakli fost il-poplu. U huma lkoll qalb waħda kienu jinġabru flimkien
fil-portiku ta’ Salamun, u ħadd mill-oħrajn ma kien jissogra jissieħeb magħhom;
imma kulħadd kien ifaħħarhom ħafna. L-għadd ta’ dawk li kienu jemmnu fil-Mulej,
kemm irġiel kemm nisa, kien dejjem jiżdied u joktor, hekk li kienu wkoll iġorru
l-morda tagħhom fuq sodod u mtieraħ u jqegħduhom fil-pjazez biex, xħin jgħaddi
Pietru, jaqa’ mqar id-dell tiegħu fuq xi ħadd minnhom. In-nies kienu jiġu
mill-ibliet ta’ madwar Ġerusalemm, iġorru l-morda u lil dawk li kienu maħkuma
mill-ispirti mniġġsa; u lkoll kienu jitfejqu.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
Salm 117(118):2-4,22-24,25-27a
R/.(1): Faħħru ’l
Mulej, għaliex hu tajjeb!
jew
R/. Hallelujah, Hallelujah, Hallelujah.
Ħa jgħidu wlied Iżrael:
“Għal dejjem it-tjieba tiegħu”.
Ħa tgħid dar Aron:
“Għal dejjem it-tjieba tiegħu”.
Ħa jgħidu dawk li jibżgħu mill-Mulej:
“Għal dejjem it-tjieba tiegħu”. R/.
Il-ġebla li warrbu l-bennejja
saret il-ġebla tax-xewka.
Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan:
ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna.
Dan hu l-jum li għamel il-Mulej;
ħa nifirħu u nithennew fih! R/.
Ejja, nitolbuk, Mulej, salvana!
Ejja, nitolbuk, Mulej, agħtina r-riżq!
Imbierek minn ġej f’isem il-Mulej!
Inberkukom minn dar il-Mulej.
Jaħweh hu Alla; hu d-dawl tagħna. R/.
Qari II
Jien kont mejjet, u ara, jien issa ħaj għal dejjem ta’ dejjem.
Apok 1:9-11a,12-13,17-19
Qari mill-Ktieb
tal-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu
Jiena, Ġwanni, ħukom u sieħeb tagħkom fit-taħbit u
fis-saltna u fis-sabar ma’ Ġesù, jien sibt ruħi fil-gżira jisimha Patmos
minħabba l-Kelma ta’ Alla u x-xhieda ta’ Ġesù. Darba, f’jum il-Mulej, ħassejtni
merfugħ fl-Ispirtu, u minn warajja smajt leħen qawwi, bħal ta’ tromba, jgħidli:
“Kulma tara niżżlu fi ktieb u ibagħtu lis-seba’ knejjes”.
U jiena dort biex nara min kien qiegħed ikellimni;
u, kif dort, rajt seba’ kandelabri tad-deheb, u f’nofs il-kandelabri kien hemm
wieħed qisu Iben ta’ bniedem, liebes libsa twila sa wiċċ saqajh, b’sidru
mħażżem bi ħżiem tad-deheb.
Jien, kif rajtu, waqajt qisni mejjet f’riġlejh.
Iżda hu ressaq idu l-leminija fuqi u qalli: “Tibżax! Jien hu l-Ewwel u l-Aħħar,
jiena l-Ħaj; jien kont mejjet, u ara, jien issa ħaj għal dejjem ta’ dejjem, u
għandi jinsabu l-imfietaħ tal-Mewt u ta’ Post il-Mejtin. Ikteb kulma tara, kemm il-ħwejjeġ
li hawn issa u kemm dawk li se jiġru ’l quddiem”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 20:29
Hallelujah. R/. Hallelujah.
Tumas, emmint għax rajtni, jgħid il-Mulej;
henjin dawk li ma rawx u emmnu.
R/. Hallelujah.
Evanġelju
Tmint ijiem wara ġie Ġesù.
Ġw 20:19-31
Qari mill-Evanġelju
skont San Ġwann
Dakinhar filgħaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta
d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u
qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”. Kif qal hekk,
uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. Imbagħad Ġesù
tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien
nibgħat lilkom”. Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu
s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom
ikunu miżmuma”.
Tumas, wieħed mit-Tnax, jgħidulu t-Tewmi, ma kienx
magħhom meta ġie Ġesù. Għalhekk id-dixxipli l-oħra qalulu: “Rajna lill-Mulej”.
Iżda hu qalilhom: “Jekk ma narax f’idejh il-marka tal-imsiemer u ma nqigħedx
sebgħi fuq il-marka tal-imsiemer u idi fuq ġenbu, jien ma nemminx”. Tmint ijiem
wara, id-dixxipli reġgħu kienu ġewwa, u Tumas magħhom. Il-bibien kienu
magħluqa, imma Ġesù daħal, qagħad f’nofshom, u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”.
Imbagħad qal lil Tumas: “Ġib sebgħek hawn u ara jdejja, u ressaq idek
u qegħedha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen”. Wieġeb Tumas u qallu:
“Mulej tiegħi u Alla tiegħi!”. Qallu Ġesù: “Emmint
għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu”.
Hemm ħafna sinjali oħra li Ġesù għamel quddiem
id-dixxipli tiegħu u li mhumiex imniżżla f’dan il-ktieb. Iżda dawn inkitbu
sabiex intom temmnu li Ġesù hu l-Messija l-Iben ta’ Alla, u biex bit-twemmin
tagħkom ikollkom il-ħajja f’ismu.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.
|