Din
hija il-Liturgija tat-Tielet Hadd ta' L-Ghid (2022) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Liturġikament, dan hu l-isbaħ żmien tas-sena. Il-Knisja tgħix mill-ġdid il-Memorja ħajja
tar-rebħa fuq il-Mewt, rebħa tassew fuq il-Mewt tagħna lkoll. Din mhix ċajta! Huwa hawn fejn irridu naslu fil-mixi tal-Fidi
tagħna! Il-Qawmien mill-Mewt ta’ Kristu
jagħmel minn dawk li jemmnu fiH tassew, nies ġodda, nies konvinti li la l-mard
u lanqas il-Mewt m’għad baqagħlhom setgħa fuqhom. Din il-Fidi hi rigal enormi ta’ Alla. Ma jista’ jagħtina xejn aqwa minn dan
il-Missier. Xejn! Meta tana r-rebħa fuq il-Mewt tagħna fi
Kristu, Hu tana kollox. Dak kollu li
d-dnub ta’ Adam kien ħatfilna, Hu tahulna lura mill-ġdid!
Min jemmen dan, bi Grazzja tal-Ispirtu s-Santu, jħoss żogħżitu mġedda, kif
tgħid l-ewwel talba tal-Ewkaristija tal-lum, il-Kolletta. Dażgur!
Anke raġel xiħ jaf li minħabba dak li rebaħ għalih Kristu bil-Qawmien
tiegħu, hu mhux se jmut, u titwieled fih iċ-ċertezza, il-konvinzjoni stupenda
li l-Mewt issa hi biss bħal kuritur qasir ħafna minn din il-Ħajja għall-Ħajja
ta’ Dejjem. Bil-Fidi, din issir iktar
minn “Tama”. Issir ċertezza. Mhux “naħseb”, jew ‘nittama”, le... Bil-Fidi nsiru parti minn Kristu, int, jien u
dawk kollha li nemmnu fiH, insiru membri tiegħU, ingastati fiH, imlaqqma fiH,
Hu u aħna: ħaġa waħda! Dak li hu tiegħU
jsir tagħna! Il-Ħajja tiegħU hi l-Ħajja
tagħna; jekk hu etern Hu, aħna bħalU, bil-Fidi fiH!
Dan bħal meta wieħed għandu ċekk fil-but.
Għad m’għandux il-flus, imma għandu biċċa karta li fuqha hemm miktub
somma kbira ta’ flus li tinsab il-bank, u hu ċert li malli jmur biċ-ċekk biex
isarfu, l-iskrivan iħares lejn iċ-ċekk u jibda jgħoddlu l-flus mill-ewwel.
M’hemm l-ebda dubju li hekk se
jsir. Mhux se joqgħod jistaqsih
kif ġie għandu ċ-ċekk. Xejn minn
dan. Il-biċċa karta tagħtih is-setgħa li
jiġbed dawk il-flus kollha. Iċ-ċekk
tal-Ħajja ta’ Dejjem rebħu għalina u ffirmahulna l-Iben il-Waħdieni ta’ Alla
l-Missier. Kundizzjoni waħda: li aħna nemmnu l-Kelma ta’ Kristu dwar dan. Iktar minn darba huwa qal: “Jien hu l-Qawmien u l-Ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix;
u kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt!” (Ġw. 11, 25-26). “Tassew tassew ngħidilkom, min jemmen għandu
l-ħajja ta’ dejjem. (Ġw. 6, 47). “Din hi tabilħaqq ir-rieda ta’ Alla: li kull
min jara lill-Iben u jemmen fih, ikollu l-ħajja ta’ dejjem u jiena nqajmu
mill-imwiet fl-aħħar jum.” (Ġw. 6,
40). “Tassew tassew ngħidilkom li min
jisma’ kelmti u jemmen f’min bagħatni għandu l-ħajja ta’ dejjem u ma jsirx ħaqq
minnu, imma għadda mill-mewt għall-ħajja.”
(Ġw. 5, 24). U tant
kwotazzjonijiet oħra fil-Vanġeli kollha. Imma jahasra, hemm dawk li ma jemmnux
fiċ-“ċekk” ta’ Kristu!
Minn dan jiddependi kollox: jekk nemminx li Kristu ma kienx qiegħed jigdeb
meta kien qed iwiegħed dawn l-għeġubijiet kollha. Ma’ Alla m’hemmx tidwir mal-lewża. Il-Ħaqq hu wieħed: jekk nemmnux lil Iben ta’
Alla jew inkella ngiddbuh. “Min ma jemminx huwa ġa kkundannat, għax ma
emminx fl-Isem tal-Iben il-waħdieni ta’ Alla.”
(Ġw. 3, 18). Għax
Alla qatt ma qal kelma waħda żejda. Hu
stess qalilna biex ma ngħidu xejn żejjed għax il-kliem jiswa... kull kelma
tiswa. Hu qal “Mela ħa jkun id-diskors tagħkom, ‘Iva, iva’, ‘Le, le’; kulma hu ijed
minn hekk ikun ġej mill-Ħażin.” (Mt. 5,
37). Aħna
nafu li b’Kelma Hu ħalaq kollox.
Il-Ġenesi jgħidilna: “U qal Alla:
‘Ħa jkun nid-dawl.’ U d-dawl sar.” (Ġen.
1, 3). Alla jobgħod il-kliem żejjed
u żgur li Kristu ma kellimnix “żejjed” meta qalilna
dak il-Kliem kollu fuq il-Ħajja ta’ Dejjem.
Dan iż-żmien tal-Għid huwa wkoll iż-żmien meta niċċelebraw il-Magħmudija
tagħna. Għax dak kollu li rebaħ għalina
l-Mulej Ġesù fil-Misteru sħiħ tal-Għid tiegħu, għaddieh lilna meta ppermetta li
aħna niġu mgħaddsa fl-ilmijiet tal-Magħmudija.
Xi Grazzja! Ara ma tmurx
titbellah u taħseb li jekk tirbaħ xi lotterija ta’ miljuni ta’ liri hi fortuna
ikbar mill-Magħmudija li int irċivejt!
Meta rċivejtha ma kontx taf xi rċivejt, u x’ħasra, x’ħasra, x’ħasra tkun
din li tasal biex tmut u tkun għadek ma skoprejtx x’hemm fik, x’inżera’ fik dak
in-nhar! Fil-Magħmudija int ġejt
adottat. Għax int “iltim” f’Adam, għax
Adam inqata’ minn Missieru li hu Alla; inqata’ minn miegħu għax issuspetta fih. Imma l-Magħmudija tiżra’ ġewwa fina l-Fidi,
iċ-ċertezza li aħna wlied il-Missier, u dak kollu li hu tal-Missier hu tagħna
b’wirt. Is-Sema hu tagħna. Il-Ġenna hi tagħna. Il-Glorja għal dejjem hi tagħna.
Mhux għax ħaqqna... Alla mhux
bħad-dinja li tgħidlek li ħaqqek tieħu, jekk ħaqqek premju tieħu premju, jekk
ħaqqek kastig tieħu kastig. Jekk tistudja
tgħaddi, jekk taħdem taqla’. Le. Il-Ġustizzja ta’ Alla hi differenti. Alla jiġġustifikana b’Ibnu, aħna li konna
għedewwa tiegħu kull meta dnibna. Kristu
miet jitlob il-Ġenna għal dawk li kienu
jsallbuH! U l-ewwel li daħal miegħU
fis-Saltna kien ħalliel-qattiel. Kristu
ma jiġġudika lill-ebda midneb imma jmut għalih biex il-Merti tiegħu (ta’
Kristu) jsiru l-merti tal-midneb. Hu
b’dan biss li aħna nistgħu nirbħu l-Ġenna, il-Ħajja ta’ Dejjem fil-Ferħ u
s-Sliem. Hu jlibbisna l-libsa
tal-Magħġmudija, libsa bajda, li hija l-libsa tiegħu stess, il-libsa tal-Merti
ta’ Ġesù li issa jsiru l-merti tagħna... dejjem jekk nemmnu l-Kelma ta’ Kristu
u mhux ngħadduh ta’ giddieb jew ta’ xi ħadd li kien qed jivvinta
l-ħrejjef. Il-Fidi kollox. Bil-Fidi, dak kollu li hu ta’ Kristu jsir
tiegħek. Dan hu li jagħmel
mill-Kristjaneżmu “Aħbar Tajba” għall-bniedem, u mhux reliġjon bħall-oħrajn.
Hu minħabba dan li l-ikbar midneb li jeżisti, l-iktar wieħed imsejken li
hawn fuq l-art, jista’ jittama li s-Sema hu miftuħ għalih jekk biss idur lejn
Kristu bil-Fidi. Dan hu x-xogħol
tal-Knisja: li tmellaħ id-dinja, tmellaħ u tagħti togħma lill-pagani u
lill-midinbin biex jekk xi ħadd jasal fl-aħħar waqt ta’ ħajtu u jdawwar
għajnejh lejn Kristu u jlissen l-Isem tiegħU: “Mulej Ġesù ikollok ħniena
minni!” hu jsalva! Daqshekk kbira hi
l-Qawwa ta’ Kristu rebbieħ fuq il-Mewt!
Daqshekk kbar huma l-Merti li Hu rebaħ bil-Mewt u l-Qawmien tiegħu
b’risq il-bnedmin kollha. Il-Knisja
ddakkar lil dawk ta’ madwarha, li mhux bil-fors jagħmlu parti minnha. Iddakkarhom biex fl-iktar mument importanti
tal-Ħajja, it-tmiem tal-Ħajja, huma jiftakru u jlissnu l-Isem Qaddis b’tama...
u l-Mewt issir il-kuritur għas-Salvazzjoni.
Imma hawn ħafna li dan kollu ma jinteressahom xejn. Is-soċjetà tagħna qegħda tagħmel esperjenza
tal-flus donnu għall-ewwel darba. Dak li
għandu x’jaqsam mal-flus biss jagħmel sens.
Id-Demm ta’ Kristu ħa jkun ixxerred għalxejn għalihom għax fil-fond ma
jemmnux li hu relevanti għal-lum! Fuq
dan se jkun il-Ħaqq finali, għax Kristu jiġi fil-Glorja u s-Setrgħa biex jiġbor
lil dawk li huma tiegħU, dawk li emmnu fiH u twieldu mill-ġdid fiH.
Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:
Qari I
Ta’ dan kollu hawn
xhieda aħna u l-Ispirtu s-Santu.
Atti 5:27b-32,40b-41
Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
F’dak iż-żmien,
il-qaddejja ressqu lill-appostli quddiem is-Sinedriju. U l-qassis il-kbir
qalilhom: “Aħna għednielkom fuq li għednielkom biex ma tgħallmux fuq dan
l-isem. U araw, issa mlejtu ’l Ġerusalemm bit-tagħlim tagħkom, u tridu titfgħu
fuqna l-ħtija ta’ demm dan il-bniedem!”.
Iżda Pietru, flimkien mal-appostli, wieġeb u qal:
“Jeħtieġ nobdu aktar lil Alla milli l-bnedmin. Alla ta’ missirijietna qajjem
lil Ġesù li intom qtiltuh billi dendiltuh ma’ għuda. Alla għollieh bil-leminija
tiegħu u għamlu kap u salvatur, biex jagħti lil Iżrael l-indiema u l-maħfra
tad-dnubiet. U ta’ dan kollu hawn xhieda aħna flimkien mal-Ispirtu s-Santu li
Alla ta lil dawk li jobduh”.
Lill-appostli, wara li tawhom
is-swat, ordnawlhom li ma jitkellmux fuq l-isem ta’ Ġesù; imbagħad telquhom.
Iżda huma ħarġu minn quddiem is-Sinedriju ferħana talli ġew meqjusa bħala nies
li jistħoqqilhom li jkunu mmaqdra minħabba l-isem ta’ Ġesù.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
Salm 29(30):2,4,5,6,11,12a,13b
R/.(2a): Ngħollik, Mulej, għax erfajtni.
jew
R/. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.
Ngħollik, Mulej, għax erfajtni,
u ma ferraħtx l-għedewwa tiegħi bija.
Mulej, tellajtli mill-mewt ’il ruħi,
ħlistni minn fost dawk li jinżlu
fil-ħofra. R/.
Għannu lill-Mulej, ħbieb tiegħu,
faħħru l-isem imqaddes tiegħu.
Għax ftit iddum is-saħna tiegħu,
iżda għomor sħiħ l-imħabba tiegħu.
Filgħaxija jidħol il-biki,
filgħodu jidwi l-għajat ta’ ferħ. R/.
Ismagħni, Mulej, u ħenn għalija;
kun, Mulej, l-għajnuna tiegħi!
Int bdilt fi żfin l-għali tiegħi.
Mulej, Alla tiegħi, infaħħrek għal
dejjem! R/.
Qari II
Jistħoqqlu l-Ħaruf il-maqtul li jirċievi l-qawwa u l-għana.
Apok 5:11-14
Qari mill-Ktieb
tal-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu
Jiena, Ġwanni, ħarist, u minn madwar it-tron u
l-Ħlejjaq Ħajjin u x-Xjuħ smajt il-leħen ta’ ħafna anġli, li l-għadd tagħhom
kien għaxriet ta’ eluf, u eluf ta’ eluf, jgħidu b’leħen qawwi:
“Jistħoqqlu l-Ħaruf li kien maqtul
li jirċievi l-qawwa u l-għana
u l-għerf u s-saħħa
u l-ġieħ u l-glorja u t-tifħir”.
U fis-sema, fuq l-art, taħt l-art, u fil-baħar u
l-ħlejjaq kollha li fihom, smajthom jgħidu:
“Lil dak li qiegħed fuq it-tron u lill-Ħaruf,
jingħata t-tifħir u l-ġieħ u l-glorja u l-ħakma,
għal dejjem ta’ dejjem”.
L-erba’ Ħlejjaq Ħajjin bdew iwieġbu:
“Amen!”, filwaqt li x-Xjuħ
inxteħtu jagħtu qima.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Hallelujah. R/. Hallelujah.
Kristu qam mill-imwiet, hu li ħalaq id-dinja,
u fil-ħniena tiegħu salva lill-bnedmin kollha.
R/. Hallelujah.
Evanġelju
Ġesù qabad il-ħobż u newwilhulhom; u hekk ukoll għamel bil-ħut.
Ġw 21:1-19
Qari mill-Evanġelju
skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù raġa’ deher
lid-dixxipli ħdejn il-baħar ta’ Tiberija. Dehrilhom hekk: Xmun Pietru, Tumas,
li jgħidulu t-Tewmi, Natanjel minn Kana tal-Galilija, ulied Żebedew u tnejn
oħra mid-dixxipli tiegħu kienu flimkien. Xmun Pietru qalilhom: “Sejjer nistad”.
Qalulu: “Ħa niġu miegħek aħna wkoll”. Marru, rikbu d-dgħajsa, u dak il-lejl ma
qabdu xejn.
Filgħodu mas-sebħ,
Ġesù kien qiegħed ix-xatt, imma d-dixxipli ma kinux jafu li kien Ġesù. Ġesù
qalilhom: “Għandkom x’tieklu, ħbieb?”. “Le”, weġbuh.
Qalilhom: “Waddbu x-xibka n-naħa tal-lemin tad-dgħajsa u ssibu”. Dawn waddbu
x-xibka, u mbagħad ma felħux jiġbduha daqskemm qabdu ħut! Id-dixxiplu li kien
iħobb Ġesù qal lil Pietru: “Il-Mulej dan!”. Għalhekk Xmun
Pietru, kif sama’ li kien il-Mulej, xeħet fuqu l-libsa ta’ fuq, għax kien
għoddu għeri, u ntafa’ l-baħar. Id-dixxipli l-oħra, billi ma kinux imbiegħda
wisq mill-art, imma xi mitejn driegħ biss, resqu bid-dgħajsa jkaxkru warajhom
ix-xibka bil-ħut.
Kif niżlu l-art, raw
li kien hemm xi faħam jaqbad, bil-ħut fuqu, u xi ftit ħobż. Qalilhom Ġesù:
“Newlu ’l hawn xi ħutiet minn dawk li għadkom kemm qbadtu”. Xmun Pietru tala’
fid-dgħajsa u ġibed l-art ix-xibka mimlija b’mija u tlieta u ħamsin ħuta kbira;
u minkejja daqshekk ħut, ix-xibka ma nqasmitx. Qalilhom Ġesù: “Ejjew, kulu”.
Imma ħadd mid-dixxipli ma ssogra jistaqsih: “Int min int?”, għax kienu jafu li
kien il-Mulej. Ġesù resaq, qabad il-ħobż u newwilhulhom; u hekk ukoll għamel
bil-ħut. Din kienet ġa t-tielet darba li Ġesù deher lid-dixxipli wara l-qawmien
tiegħu mill-imwiet.
Wara li kielu xi ħaġa, Ġesù qal lil Xmun Pietru:
“Xmun bin Ġwanni, tħobbni int aktar minn dawn?”. Wieġbu: “Iva, Mulej,
int taf li nħobbok”. Qallu: “Irgħa l-ħrief tiegħi”. Staqsieh għat-tieni darba:
“Xmun bin Ġwanni, tħobbni int?”. Wieġbu: “Iva, Mulej,
int taf li nħobbok”. Qallu: “Irgħa n-nagħaġ tiegħi”. Għat-tielet darba
staqsieh: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni?”. Pietru ħass għafsa
ta’ qalb għax staqsieh għat-tielet darba: “Tħobbni?”, u qallu: “Mulej, int taf
kollox, inti taf li nħobbok”. Qallu Ġesù: “Irgħa n-nagħaġ tiegħi. Tassew tassew
ngħidlek, meta kont żagħżugħ, kont titħażżem waħdek u tmur fejn trid; imma meta
tixjieħ, int tiftaħ idejk u ħaddieħor iħażżmek u jieħdok fejn ma tkunx trid!”. Dan qalu biex
ifisser b’liema mewta kien sejjer jagħti glorja lil Alla. Imbagħad Ġesù ssokta
jgħidlu: “Ejja warajja”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.
|