Din
hija il-Liturgija tar-Raba' Hadd ta' L-Ghid (2022) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Xi jfisser tkun Nisrani? Ifisser
tkun parti minn merħla, Ġemgħa Qaddisa, miexja alenija wara r-Ragħaj il-Kbir li
rebaħ il-Mewt. Merħla nagħaġ li ma
jibżgħux mid-dlam tal-lejl, jew mill-kesħa, jew mit-triq twila, twila. Lanqas jitħassbu li għada ma jsibux x’jieklu
jew x’jixorbu, u fuq kollox ma jibżgħux mill-ilpup li jimxu magħhom fuq
il-lemin u fuq ix-xellug lesti biex jaqbżu fuq xi nagħġa li titlajja lura fil-merħla. Huma jafu wara min mexjin! Ir-Ragħaj tagħhom hu fidil u ġa tqabad
it-taqbida l-kbira għalihom u rebaħ għalihom id-dritt għall-maqjel li lejh qed
iterrqu.
Propjament in-nagħaġ ma jafux fejn sejrin.
Aħna għandna l-Wegħda tal-Ħajja ta’ Dejjem, imma min jaf eżatt din
x’inhi, jekk għadna hawn interrqu lejha?
San Ġwann tas-Salib jgħid: “Biex tmur fejn ma tafx trid tgħaddi minn
toroq li ma tafx.” Imma l-merħla ma
tagħtix kas ta’ dan! Ta’ dan jagħti kas
Hu! Huma għandhom il-garanzija
tar-Ragħaj li rawH jitqabad mal-ilpup u rebħilhom b’Rebħa ta’ dejjem. Rawh ġej lura u lbiesu kienu ħomor
bħall-iskarlatt bid-demm tiegħU li xerred għalihom. Kien qisu, tgħid l-Iskrittura, bħal wieħed li
jinżel fil-magħsar u jgħaffeġ l-għeneb u lbiesu sar aħmar nar. Kif ma jafdawhx?
L-ilpup tagħna huma x-xjaten li jduru madwarna li jippruvaw jherru l-Fidi
tagħna fir-Ragħaj. Imma sakemm għajnejna
huma ffissati fiH, ħadd u xejn ma jista’ għalina. Hu stess qal: “In-nagħaġ tiegħi ma jintilfu qatt, u minn idejja ma jaħtafhomli
ħadd. Missieri, li tahomli, hu akbar
minn kulħadd, u ħadd ma jista’ jaħtafhom minn id il-Missier.”
(Ġw. 10, 28-29). Din hi
l-garanzija tagħna! Imma noqogħdu
attenti! Kristu hu fidil, imma jien u
int ħielsa u nistgħu naljenaw ruħna b’xi ċuċata u nersqu għat-tarf fil-ġenb
fejn hemm l-għajnejn ħomor tal-ilpup, jishru, jishru. San Pawl u San Barnaba, profeti taż-żmien
il-ġdid, “baqgħu ikellmuhom u jħeġġuhom
biex jibqgħu fil-grazzja ta’ Alla.” (Atti 13, 43).
Pawlu u Barnaba huma l-Knisja, li bħal Omm li tishar fuq ulieda tgħallimna u tħeġġiġna biex ma
nitilfux il-Grazzja. Liema Grazzja? Il-Grazzja tal-Fidi! Liema Fidi?
Il-Fidi fil-Misteru tal-Għid ta’ Kristu.
Dan hu li jagħmilna Nsara. Dan hu
li jagħmilna qaddisin f’għajnejn il-Missier.
Jekk int u jien nemmnu li Kristu inagħta għall-Mewt ħarxa tas-Salib biex
inkunu ċerti li d-dejn tagħna mal-Missier minħabba dnubietna ġie mħassar, ġie
mħallas, allura aħna safja u “lebsin
l-ilbiesi twal bojod, u bil-friegħi tal-palm f’idejna.” (Apok. 7, 9). Mhux għax għandna xi merti ta’ dan aħna. Huwa r-Ragħaj li jiġġustifikana. Huwa Kristu li libbisna l-merti glorjużi
tiegħU!
Hu minħabba din il-Grazzja, dan ir-Rigal enormi, li fina tinbet Imħabba
kbira lejH. Għax kien Hu li ħabbna
l-ewwel meta konna għedewwa tiegħu u midinba mingħajr Fidi. “Hawn
qegħda l-imħabba; mhux għax ħabbejna ’l Alla, imma għax ħabbna Hu u bagħat lil
Ibnu biex ikun ta’ tpattija għal dnubietna.”
(1 Ġw. 4, 10). L-Imħabba
toħroġ mingħandu u timla lil qalbna u biha aħna nistgħu inħobbu lil
xulxin. Kollox minnu. Kollox Grazzja. “Għeżież,
jekk Alla ħabbna daqshekk, aħna wkoll għandna nħobbu lil xulxin.” (1 Ġw. 4, 11).
Dawn huma n-nagħaġ li tassew jimxu wara Ġesù, dawk li skoprew kemm huma
dgħajfa, kemm żbaljaw f’Ħajjithom, kemm ħawdu, kemm fittxew il-Ferħ kullimkien
barra minn fi Kristu, imma skoprew ukoll li Kristu dejjem ħabbhom hekk kif
kienu. Din l-iskoperta stupenda tad-dnub
tagħna u tal-Imħabba sorprendenti ta’ Alla għalina tagħmel minna nies
ġodda. Fi Kristu ninżgħu l-bniedem
il-qadim bil-ġibdiet u l-qerq kollu tiegħu u nilbsu l-bniedem il-ġdid, natura
ġdida, natura ta’ Kristu nnifsu li tkun kapaċi twettaq ir-Rieda
tal-Missier. Dawn nistgħu inkunu
aħna. Nistgħu inkunu aħna bil-friegħi
tal-palm f’idejna li jfissru li nkunu xhieda ta’ Ġesù fid-dar, fuq ix-xogħol,
fil-pjazez.
It-Tieni Qari tal-lum jgħidilna li l-Insara, in-nagħaġ tar-Ragħaj is-Sabiħ,
dawk li lebsin l-ilbiesu twal bojod bil-friegħi tax-xhieda f’idejhom “huma dawk li ġejjin mit-taħbit il-kbir, u
l-ilbiesi tagħhom ħasluhom u bajduhom fid-demm tal-Ħaruf.” (Apok. 7, 14). Għax aħna nitwieldu bi lbies maħmuġ,
bin-natura li writna minn Adam, miġbudin lejn it-tlellix tal-ħażen u
l-egoiżmi. Imma jekk tassew aħna Nsara,
aħna naħslu ħwejjiġna fid-Demm tal-Ħaruf maqtul għalina. Dan ifisser li nsiru qaddisin għax nemmnu
fid-Demm li Alla nnifsu xerred biex jaħsel id-dnub tad-dinja. Din hija l-Grazzja l-Kbira li ġabilna
Kristu. Mhux ta’ b’xejn li Pawlu u
Barnaba, fl-Ewwel Qari, “baqgħu
ikellmuhom u jħeġġuhom biex jibqgħu fil-grazzja ta’ Alla.” (Atti 13, 43). Din hi l-Grazzja ta’ Alla: li aħna m’aħniex
ħlief ġarar tal-fuħħar li jiġġelġlu għal kull ħaġa ta’ xejn, iżda bil-Fidi
tagħna fi Kristu nidhru ġusti quddiem il-Missier. Għax meta l-Missier iħares lejna, Hu jara lil
Ibnu fina, Hu li obdih sa fuq is-Salib u li qajmu mill-Mewt biex minnu toħroġ
il-Ħajja ta’ Dejjem għalina.
Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:
Qari I
Aħna se nduru fuq il-pagani.
Atti 13:14,43-52
Qari mill-Ktieb
tal-Atti tal-Appostli
F’dak iż-żmien, Pawlu u Barnaba minn Perge baqgħu
sejrin sa ma waslu f’Antjokja ta’ Pisidja. F’jum is-Sibt daħlu fis-sinagoga u
qagħdu bilqiegħda. U meta xterdet il-ġemgħa tas-sinagoga, ħafna, kemm mil-Lhud
u kemm mill-prosèliti twajba, marru ma’ Pawlu u ma’ Barnaba, u dawn ħeġġewhom
biex jibqgħu fil-grazzja ta’ Alla.
Is-Sibt ta’ wara, tista’ tgħid il-belt kollha
nġabret biex tisma’ l-kelma tal-Mulej. Il-Lhud, meta raw il-folol, imtlew
bl-għira u bdew imieru lil Pawlu u jidgħulu. Imma Pawlu u Barnaba bil-kuraġġ
kollu qalu: “Hekk kien meħtieġ, li l-kelma ta’ Alla titħabbar lilkom l-ewwel.
Billi intom qegħdin twarrbuha, u jidhrilkom li ma tistħoqqilkomx il-ħajja ta’
dejjem, aħna se nduru fuq il-pagani. Għax hekk ordnalna l-Mulej: ‘Jien għamiltek dawl
tal-ġnus, biex twassal is-salvazzjoni sa truf l-art’”.
Il-pagani, meta semgħu dan, bdew jifirħu u
jigglorifikaw il-kelma tal-Mulej, u dawk kollha li kienu magħżula għall-ħajja
ta’ dejjem emmnu. Hekk il-kelma tal-Mulej baqgħet tixtered mal-art kollha. Imma
l-Lhud xewxu n-nisa twajba u magħrufa u wkoll il-kbarat tal-belt, u qajmu
persekuzzjoni kontra Pawlu u Barnaba u keċċewhom
’il barra minn arthom. Huma farfru għal fuqhom it-trab minn ma’ riġlejhom
u marru Ikonju. Iżda d-dixxipli mtlew bil-ferħ u bl-Ispirtu s-Santu.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
Salm 99(100):2,3,5
R/.(3c): Aħna l-poplu tiegħu u n-nagħaġ tal-mergħa
tiegħu.
jew
R/. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.
Għajtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha,
aqdu bil-ferħ lill-Mulej,
idħlu quddiemu b’għana ferrieħi. R/.
Kunu afu li Jaħweh hu Alla:
hu ħalaqna, u aħna tiegħu,
aħna l-poplu tiegħu u n-nagħaġ tal-mergħa tiegħu.
R/.
Għax twajjeb il-Mulej,
għal dejjem it-tjieba tiegħu;
minn żmien għal żmien il-fedeltà tiegħu. R/.
Qari II
Il-Ħaruf ikun ir-ragħaj tagħhom; u hu jwassalhom ħdejn ilmijiet
tal-għejun tal-ħajja.
Apok 7:9,14b-17
Qari mill-Ktieb tal-Apokalissi
ta’ San Ġwann Appostlu
Jiena, Ġwanni, ħarist, u ara, kien hemm kotra kbira
li ħadd ma jista’ jgħoddha, minn kull ġens u tribù, minn kull poplu u lsien,
weqfin quddiem it-tron u quddiem il-Ħaruf, lebsin ilbiesi twal bojod, u
bil-friegħi tal-palm f’idejhom.
U wieħed mix-Xjuħ qalli: “Dawn huma dawk li
ġejjin mit-taħbit il-kbir, u l-ilbiesi tagħhom ħasluhom u bajduhom fid-demm
tal-Ħaruf. Għalhekk jinsabu quddiem it-tron ta’ Alla, lejl u nhar jaqduh
fit-tempju tiegħu; u dak li qiegħed fuq it-tron jeħodhom jgħammru taħt il-kenn
tiegħu. Ma jbatux aktar ġuħ, anqas għatx ma jagħmel bihom aktar; ix-xemx ma
taħkimhomx, u anqas ebda għomma, ladarba l-Ħaruf, li hemm f’nofs it-tron, ikun
ir-ragħaj tagħhom; u hu jwassalhom ħdejn ilmijiet tal-għejun tal-ħajja. U Alla
jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 10:14
Hallelujah. R/. Hallelujah.
Jiena r-ragħaj it-tajjeb, jgħid il-Mulej;
jiena nagħraf in-nagħaġ tiegħi,
u n-nagħaġ tiegħi jagħrfu lili.
R/. Hallelujah.
Evanġelju
Lin-nagħaġ tiegħi nagħtihom il-ħajja ta’ dejjem.
Ġw 10:27-30
Qari mill-Evanġelju
skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù qal: “In-nagħaġ tiegħi
jisimgħu leħni, u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja. U jiena nagħtihom
il-ħajja ta’ dejjem; u huma ma jintilfu qatt, u minn idejja ma jaħtafhomli
ħadd. Missieri, li tahomli, hu akbar minn kulħadd, u ħadd ma jista’ jaħtafhom
minn id il-Missier. Jien u l-Missier aħna ħaġa waħda”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.
|