Friday, 27 May 2022
           
Home arrow News arrow Latest arrow IL-HAMES HADD TAL-GHID (2022) KNISJA HAJJA
IL-HAMES HADD TAL-GHID (2022) KNISJA HAJJA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 14 May 2022

Din hija il-Liturgija tal-Hames Hadd ta' L-Ghid (2022) bi hsibijiet min Joe Rapa.

lastsupper-cover.jpg

 

Fil-Misteru tal-Missjoni ta’ Kristu seħħet xi ħaġa tal-għaġeb: Ħolqien Ġdid!  Poplu Ġdid ġie mnissel.  Fil-bidu, minn Adam rieqed ħarġet Eva bis-saħħa tal-Ispirtu s-Santu.  B’hekk minnhom inħalqet ir-razza umana.  Imma minn Kristu “rieqed” fuq is-Salib, ħarġet minn ġenbu razza ġdida, Poplu Ġdid: il-Knisja.  Adam u Eva saru ġisem wieħed li ta frott qares għax kull min tnissel minnhom inagħtatlu n-natura tagħhom li tmut, għax dinbu.  Imma meta Kristu u l-Knisja saru ġisem wieħed huma ma tawx frott il-Mewt, iżda frott Ħaj għal dejjem, ulied il-Fidi li jġorru ġewwa fihom in-natura divina ta’ Alla nnifsu, li ma tmut qatt.

 

Dan huwa d-Dawl li jeħtieġ idawwalna f’dawn il-jien “friski” tal-Għid, meta l-Knisja qegħda tħejji ruħha biex tgħix Memorjal ieħor, il-Memorjal ta’ Għid il-Ħamsin, bil-Grieg “il-Pentekoste”.  Kull min tassew qiegħed f’Mixja ta’ Konverżjoni jantiċipa b’ħeġġa dawn il-mumenti solenni tal-Liturġija tal-Knisja.  Il-Knisja tgħix minn stennija għal stennija.  Issa għandha quddiemha l-istennija li tgħix qisu qed iseħħ issa, iseħħ din is-sena, il-Pentekoste.  Il-Knisja taf x’inhu d-deżert spiritwali, in-nixfa meta l-Għarus tagħha bħal donnu jinħeba ftit minnha.  Imma ikbar kemm hu l-għatx tad-deżert, iktar tistenna biex dak li ġara darba jerġa’ jseħħ u d-deżert jinfaqa’ bl-għarar tal-Ispirtu s-Santu!  Kollox minnU, mingħajrU xejn!  Għalhekk kollox hu Misteru, għax dak li seħħ darba, jseħħ fina meta nġarrbuh, meta jkollna l-esperjenza tiegħu.  Għax x’ikun ta’ ġid għalija jekk xi ħaġa tajba ġrat elfejn sena ilu u miegħi għadha ma messet qatt?

Santa Tereża ta’ Avila, Duttura tal-Knisja u dik li wettqet ir-Riforma tal-Ordni Karmelitan, damet snin twal soru fi kriżi, dejjem b’subgħajha mdaħħal fil-Brevjar, tant li ħa l-forma ta’ subgħajha.  Snin tbati biex titlob.  Snin ta’ deżert.  Darba kienet għaddejja minn kuritur tal-kunvent u ħarset lejn wiċċ il-Kurċifiss li kien hemm imdendel.  Min jaf kemm mijiet ta’ drabi ħarset lejH bla ma tat kas.  Din id-darba seħħ il-Misteru tal-Għid fiha!  Kristu bħal qisu miet għal din is-soru f’dak il-waqt, mhux qabel.  Bid-Dawl tal-Ispirtu s-Santu hi “rat” dak li qabel ma setgħetx “tara”.  L-Ispirtu ta l-Ħajja lill-Misteru.  Dan jista’ jiġri lilna tafux!  Kelma qaddisa li tkun smajtha elf darba bla ma daqqlek xejn, tismagħha darba bid-Dawl tal-Ispirtu u tbiddlek mill-qiegħ!  Fid-Dawl tal-Ispirtu, Int tibda “tara” l-problemi u kulma jeżisti madwarek b’għajnejn “ġodda”.

 

Dan hu li ġralhom l-Appostli fl-Ewwel Pentekoste.  Quddiem Kristu mqajjem mill-Mewt ferħu fuq li ferħu, imma beżgħu wkoll fl-istess ħin.  Il-Qawmien ta’ Kristu ma ħelishomx mill-biża’.  Baqgħu isakkru l-bieb ta’ fejn kienu bl-istaneg.  Il-Qawmien seħħ fihom u għalihom dak inhar meta n-Nar tal-Ispirtu s-Santu qabbad Ħuġġieġa qaddisa ġewwa qalbhom u wrihom x’kienet ir-rejaltà ġdida, il-Verità!  Huma tajru l-istaneg, fetħu beraħ il-bibien imsakkra, u huma, li kienu jibżgħu min-nies, issa mlew lil Ġerusalemm kollha bl-Aħbar li l-Messija tant mistenni kien intbagħad u niesu kienu qatluh fuq salib aħrax, imma l-Missier kien qajmu u huma kienu xhieda ta’ dan! 

 

Il-Knisja twieldet mill-Ispirtu s-Santu, l-istess kif Kristu tnissel f’Marija permezz tal-Ispirtu s-Santu.  Xi freskezza ta’ rakkonti nsibu fl-Atti tal-Appostli!  Nimmaġinaw lil Pawlu u lil Barnaba, mimlijin bl-Ispirtu s-Santu, imbuttati minnU, mimlijin ħeġġa biex ixandru dak li kien ġdid għad-dinja, għall-bnedmin kollha.  Huma jiġru minn belt għal belt fl-Asja Minuri (illum it-Turkija).  Minn Listra għal Ikonju, minnn Ikonju għal Antijokja, minn Antijokja għal Pisidja, minn Pisidja għal Pamfilja, minn Pamfilja għal Perge, u minn hemm għal Attalja...

 

Kien xogħol, u xogħol ħafna drabi diffiċli, imma huma ma kinux iqisuh xogħol.  Kien żmien ta’ tbatija, bil-mixi kullimkien, daqqa milqugħa daqqa mħaġġra, imma dan ma qisuhx tbatija.  Mhux darba u tnejn farfru s-sandli ta’ saqajhom mit-trab ta’ bliet li ma laqgħuhomx, imma għalihom dan ma kienx ta’ qtigħ il-qalb.  Għax dan kollu għalihom kien frott l-Imħabba lejn Alla u l-proxxmu.  Meta int tagħmel xi ħaġa għax tħobb tagħmilha, anke jekk tiswielek tbatija, it-tbatija ma tarahiex, it-tbatija fiha sens, it-tbatja tkabbar l-Imħabba.  Imma jekk tagħmel xi ħaġa għax bil-fors, għax ikkmandawk, għax hekk suppost, allura tbatija biss ikun hemm, għax m’hemmx Imħabba.  Bħal żewġt itfal jagħmlu l-istess “homework”.  Wieħed iħobb jistudja.  L-ieħor jagħmel kollox bil-fors u jħares lejn l-arloġġ fuq il-ħajt biex itajjar kollox u jmur jilgħab! 

 

Lil dawk li emmnu f’Ġesù u ħabbewH ta’ dak kollu li għamel għalihom, Pawlu u Barnaba qalulhom: “Bi tbatijiet kbar jeħtieġilna nidħlu fis-Saltna  ta’ Alla!”  (Atti 14, 22).  Imma kienu jafu li qed jitkellmu ma’ nies li kienu nnamrati ma’ Kristu għax emmnu fil-Misteru tal-Għid tiegħu.  Huma emmnu li dnubiethom kollha ġew maħsula fid-Demm ta’ Kristu.  Hu miet biex huma ma jmutux!  Hu bata fuq li bata biex huma ma jkollhomx xi jpattu.  Hu daħal fil-Mewt u ħareġ minnha biex jagħtihom garanzija li huma ma kienu se jmutu qatt!  Għal nies bħal dawn, li jbatu għal Kristu hi ħaġa normali.  Anzi kienu jafu xi ħaġa profonda: l-Imħabba tidher u tikber fit-tbatija, fis-Salib, meta tkun ippersegwitata.  Il-bqija kollox frugħa.

 

Fil-qalba tal-kultura tal-lum, li dejjem qegħda ssir tixbah lil dik Greko-Rumana, għandna bżonn Knisja Ħajja.  Knisja Ħajja iwellidha biss l-Ispirtu s-Santu għax minnU u minnU biss tnixxi l-Ħajja vera.  Knisja magħmula minn aħwa li jafu li n-Nisrani qatt ma “wasal” imma dejjem qiegħed f’mixja ta’ Fidi, fi proċess tal-Magħmudija li trid tikber sakemm tilħaq il-milja tagħha fih. Insara bħal dawn jishru għall-Ispirtu.  Huma bil-għatx għall-Ispirtu.  Huma fqar u mxennqa għall-Ispirtu.  Huma jafu li l-Missier ma jittradixxix it-Talba għall-Ispirtu għax Ġesù qal iktar minn darba li l-Missier ma jistax jiċħad it-Talba ta’ min jitolbu l-Ispirtu s-Santu.

 

Għandna bżonn Knisja kollha Nar, Nar li ma jaħraqhiex, Nar li jwerwer lill-għedewwa, Nar li jsaħħan il-qlub ta’ min jemmnen.  Knisja li tkun bħar-riħ... dejjem miftuħa għal dak li jindikalha Alla.  Knisja li l-għan waħdieni għall-eżistenza tagħha hu li tixhed li l-Mewt ġiet mirbuħa fi Kristu!  Dan hu li l-Mulej bgħatna nxandru.  Din hi l-bomba li d-dinja għandha bżonn tisma’, imma d-dinja tilfet is-smigħ għax tara lil kulħadd imut, li saħansitra l-ġebel żonqri jinbidel u jitmermer mas-sekli!  Kif tiġi tgħidli li l-Mewt hi mirbuħa?!

 

Huwa hawn li tidħol il-Knisja.  Huwa hawn li d-dinja għandha bżonn tara Knisja Ħajja, ikollha Knisja Ħajja fil-qalba tagħha bħalma l-borma għandha bżonn il-melħ fil-qalba tal-affarijiet l-oħra li jkun hemm fiha.  Kif se temmen id-dinja li l-Mewt intrebħet minn Kristu?  Billi tara aħwa, Kristjani, maturi fil-Fidi, li fihom Kristu rebaħ il-Mewt tagħhom.  Nies sempliċi, magħrufa bħala nies normali mill-ġirien, imma li ftit il-ftit jinbidlu fi xbihat fqar ta’ Kristu u li jsiru differenti.  Differenti mill-bqija.  Ir-rebħa fuq il-Mewt tidher mill-għaqda totali ta’ bejn l-aħwa u l-imħabba għall-għadu.  Dawn huma s-sinjali li lid-dinja jgħidulha li l-Mewt m’għadx għanha setgħa fuq dawn in-nies bil-biża’ tagħha.  Għax dawn l-aħwa issa huma Ħajjin għal Dejjem.  Aħna li tgħammidna, aħna msejħin biex dan kollu jseħħ fina, mhux bl-isforzi tagħna (!), mhux bil-merti tagħna (!) imma bl-opra tal-Ispirtu s-Santi li jaħdem f’dawk li jemmnu tassew f’Ġesù.  Minn hawn stess huma jkollhom esperjenza tal-Ħajja li ma tispiċċax fejn “Alla nnifsu jkun magħhom, Alla tagħhom.  Hu jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-ħwejjeġ ta’ qabel.” (Apok. 21, 3-4).

 

Id-dinja hija mħassra, mimlija vjolenza, korruzzjoni, egoiżmi u tensjoni.  Imma d-dinja taf fejn hemm l-Imħabba u fejn m’hemmx.  Id-dinja tagħraf fejn hemm Nisrani veru u Nisrani “tal-isem”.  Il-Mulej stess qal: “Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin.  Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi: jekk ikollkom l-imħabba ta’ bejnietkom.”  (Ġw. 13, 34-35).

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

Qari I

Għarrfu lill-Knisja b’dak kollu li Alla għamel magħhom.

Atti 14:21b-27

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

 

F’dak iż-żmien, Pawlu u Barnaba reġgħu lura lejn Listra, Ikonju u Antjokja, jagħmlu l-qalb lid-dixxipli u jħeġġuhom biex jibqgħu fil-fidi, għaliex, kif kienu jgħidulhom, “jeħtiġilna nbatu ħafna biex nidħlu fis-Saltna ta’ Alla”.

 

Għamlulhom ukoll presbiteri f’kull Knisja, u bit-talb u s-sawm ħallewhom f’idejn il-Mulej, li fih kienu emmnu. Imbagħad għaddew minn Pisidja u ġew fil-Pamfilja. Wara li xandru l-kelma f’Perġe, niżlu Attalija; minn hemm marru bil-baħar lejn Antjokja, mnejn kienu bagħtuhom u rrikkmandawhom f’idejn il-grazzja ta’ Alla għax-xogħol li temmew.

 

Meta waslu, laqqgħu l-membri tal-Knisja u qagħdu jgħarrfuhom b’dak kollu li Alla għamel magħhom, u wrewhom kif fetaħ il-bieb tal-fidi għall-pagani.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Salm Responsorjali

Salm 144(145):8-9,10-11,12-13ab

 

R/.(ara 1): Imbierek ismek għal dejjem, Mulej.

jew

R/. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Twajjeb u ħanin il-Mulej,

idum biex jagħdab u kollu tjieba.

Twajjeb ma’ kulħadd il-Mulej,

tjubitu fuq kulma għamel. R/.

 

Kulma għamilt iroddlok ħajr, Mulej;

iberkuk il-ħbieb tiegħek kollha.

Is-sebħ tas-saltna tiegħek ixandru,

fuq is-setgħa tiegħek jitkellmu. R/.

 

Jgħarrfu lill-bniedem il-qawwa tiegħek,

u s-sebħ u l-ġmiel tas-saltna tiegħek.

Saltnatek hi saltna għaż-żminijiet kollha,

minn nisel għal nisel il-ħakma tiegħek. R/.

 

Qari II

Il-Mulej jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom.

Apok 21:1-5a

 

Qari mill-Ktieb tal-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu

 

Jiena, Ġwanni, rajt sema ġdid u art ġdida, għax is-sema ta’ qabel u l-art ta’ qabel għabu, u ma kienx hemm iżjed baħar. U l-Belt il-qaddisa, Ġerusalemm il-ġdida, rajtha nieżla mis-sema mingħand Alla, imħejjija bħal għarusa mżejna għall-għarus tagħha.

 

U smajt leħen qawwi ġej mit-tron jgħid:

“Din hi l-għamara ta’ Alla mal-bnedmin!

Hu jgħammar magħhom,

u huma jkunu l-poplu tiegħu,

u Alla nnifsu jkun magħhom, Alla tagħhom.

Hu jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom;

ma jkunx hemm iżjed mewt,

anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed,

għax għabu l-ħwejjeġ ta’ qabel”.

 

Imbagħad dak li hu bilqiegħda fuq it-tron qal: “Ara, se nġedded kollox”.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Ġw 13:34

 

Hallelujah. R/. Hallelujah.

Nagħtikom kmandament ġdid, jgħid il-Mulej,

li tħobbu lil xulxin bħalma ħabbejtkom jien.

R/. Hallelujah.

 

Evanġelju

Nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin.

Ġw 13:31-33a,34-35

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

 

Kif ħareġ Ġuda miċ-ċenaklu, Ġesù qal: “Bin il-bniedem huwa gglorifikat issa, u permezz tiegħu huwa gglorifikat Alla. Jekk Alla huwa gglorifikat permezz ta’ Bin il-bniedem, Alla wkoll permezz tiegħu nnifsu għad jigglorifika lilu, u dalwaqt jigglorifikah. Uliedi, ftit ieħor se ndum magħkom. Nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin. Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin. Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom”.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Tifħir lilek, Kristu.

Last Updated ( Saturday, 14 May 2022 )
 
< Prev   Next >