Din
hija il-Liturgija tas-Seba' Hadd ta' L-Ghid ( Is-Sollennita' ta' Tlugh il-Mulej fis-Sema ) (2022) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Dan il-Ħadd ipoġġi quddiemna waħda mill-akbar Festi tal-Knisja, dik li
missirijietna kienu jsejħulha “Lapsi” u li hija t-Tlugħ tal-Mulej
fis-Sema. Ftit huma dawk li jagħtuha importanza;
tidher festa sekondarja x’ħin tqabbilha mal-Pentekoste li riesaq u iktar u
iktar mal-Għid u l-Milied. Imma għandha
raġun il-Knisja tgħixha din il-Festa b’mod qawwi għax tkellimna fuq veritajiet
fundamenali tal-Fidi tagħna. Il-Festi
kollha huma kateketiċi, jikkatekizzaw, isaħħu fil-Fidi, u din mhix inqas. Ewsebju, storiku tal-Knisja primittiva li
għex bejn it-tielet u r-raba’ sekli isemmiha fil-kitbiet tiegħu, waqt li S.
Wistin, li għex ftit wara Ewsebju, jitkellem dwarha bħala Festa universali
mal-Knisja kullimkien, u li kellha l-Vġili solenni tagħha bħall-festi l-kbar
l-oħra.
Hija ġġib fi tmiem mhux biss il-missjoni fiżika ta’ Kristu fuq din l-art
(speċi l-kontra tal-Milied), imma tagħlaq ukoll żmien fundamentali
għall-Appostli u għall-Knisja li kienet qegħda tissawwar. Mill-Għid il-Kbir sa Lapsi għaddew erbgħin
jum, erbgħin jum mimlijin esperjenzi ta’ barra minn hawn. L-Appostli tbellhu b’dak li għadda minn
għalihom f’dan iż-żmien. Huma draw
bil-Mulej, li raw imsallab u difnuh huma stess, issa jsibuh f’nofshom f’daqqa
waħda, darba wara darba, jisimgħuH, ikellmuH, jieklu miegħU, imissuH.
Dawn kienu esperjenzi totalment kontra n-natura, diffiċli għall-moħħ uman
biex jassorbihom kollha. Kristu kellimhom
ħafna fuq il-Ħajja ta’ Dejjem, fuq il-Knisja, fuq il-ġerarkija tagħha, fuq
l-Evanġelizzazzjoni tal-ġnus u, fuq kollox, li kellhom bżonn l-Ispirtu ta’ Alla
nnifsu sabiex jiċċaralhom dan kollu. Kellhom
bżonnu wkoll l-Ispirtu s-Santu biex
jagħtihom il-kuraġġ u l-awtorità għax fit-taħwid tagħhom kellhom qalbhom
mimlija tħassib u nkwiet fuq il-missjoni li kienu jafu li se jidħlu għaliha.
Kollox kien ġdid għalihom. Min se
jlumhom jekk ħassew id-dinja ddur bihom, mifxula, imħawda, kull tant jiddubitaw
jekk kinux f’sensihom jew le? U wasal
l-erbgħin jum wara dak il-Jum imbierek tal-Qawmien tiegħU, u Hu ħadhom miegħu ħdejn
Betanja, u hemm, wara li bagħathom biex
ikunu xhieda tiegħu fid-dinja kollha, rawH jitbiegħed minnhom u jittieħed lejn
is-Sema. U kif kienu hekk, ma jafux x’se
jaqbdu jagħmlu, żewġt irġiel lebsin l-abjad qalulhom li Ġesù kellu jerġa’ jiġi
darb’oħra, fl-aħħar taż-żmien.
Huwa l-Ispirtu s-Santu li kellu jdawwal kollox. Ġesù, qabel ħallihom enfasizza l-importanza
li huma ma jagħmlu xejn għalissa ħlief jistennew l-Ispirtu s-Santu. Kemm kien importanti dan! Ġie li għidniha f’dawn il-kitbiet li d-dehra
ta’ Kristu mqajjem mill-Mewt għaġġbet u ferrħet lill-Appostli, iżda, u din hi
kurżità, din l-esperjenza ma bidlithomx minn ġewwa. Baqgħu jibżgħu bħal qabel; baqgħu egoisti;
baqgħu iħossuhom mhedda; baqgħu ma
jistgħu jifhmu xejn mill-Misteru tal-Missjoni ta’ Ġesù, tant li mumenti qabel
ħallihom għall-aħħar darba, huma staqsewH:
“Mulej, hu dan iż-żmien li fih
int se terġa’ twaqqaf is-Saltna ta’ Iżrael?”
(Atti 1, 6). Kienu għadhom
joħolmu bis-Saltna politika ta’ Iżrael, bil-poter tad-dinja eċċ. Il-Mulej ftit ta kas ta’ dan għax Hu kien jaf
x’bidla kien se jġib fihom l-Ispirtu
s-Santu, li jibdel lill-bniedem fil-qalb tiegħu u jagħtih viżjoni ta’ kulma
jiġri fid-dinja differenti minn dik li kellu qabel.
L-Appostli kienu nies “reliġjużi”, imma kienu għadhom mhumiex Kristjani. Reliġjuż issir skont in-natura għax
ir-reliġjożita hi naturali. Ir-reliġjuż
jistenna l-mirakli fiżiċi, jemmen f’dak li jara b’għajnejh u jmiss
b’idejh. L-Appostli għaddew minn din
il-fażi tal-konverżjoni għax għexu tliet snin ma’ Ġesù u dawn kienu mimlijin
daqs bajda. Huma raw ħafna mirakli
fiżiċi, u l-ikbar miraklu kien ir-ritorn ta’ Kristu wara l-Mewt tas-Salib.
Imma jkollna ngħidu li l-affarijiet li naraw u mmissu b’idejna jimmarkaw
il-qalb b’mod superfiċjali. Kristu kien
jaf li l-bidla l-kbira f’qalbhom kellha sseħħ biss permezz tal-Miraklu Morali,
tad-Dawl li kellhom jirċievu f’qalbhom mill-Ispirtu s-Santu. Huwa l-Ispirtu s-Santu li kellu jibdilhom
minn nies egoisti u ambizzjużi bħall-oħrajn, f’nies kollhom kuraġġ, b’Nar
jaqbad f’qalbhom bl-Imħabba għal Alla u l-bnedmin. Kristu kien kellemhom fuq din l-esperjenza li
kienet riesqa lejhom. Il-Qari mill-Atti
tal-lum jgħid li Ġesù “ordnalhom biex ma
jitilqux minn Ġerusalemm, imma joqogħdu jistennew sa ma sseħħ il-wegħda
tal-Missier, ‘li fuqha’, qalilhom, “smajtu x’kont għedtilkom. Jiġifieri, li Ġwanni għammed bl-ilma, imma
intom fi ftit jiem oħra titgħammdu bl-Ispirtu s-Santu.’” (Atti 1, 4-5). Din kienet il-Magħmudija li kellha
tibdilhom.
Huwa n-Nar li kellhom jirċievu f’din il-Magħmudija tal-Pentekoste li welled
tassew il-Knisja, li għamel minn dawn it-tnax, Ġemgħa waħda magħquda fi Kristu,
mogħtija kollha kemm hi għax-Xhieda ta’ Ġesù.
Kien fid-Dawl tal-Ispirtu li sa fl-aħħar fehmu kollox. Huwa l-Ispirtu s-Santu li jagħmel minna nies
ġodda. Hu mbierek il-bniedem li dejjem
jitlob l-ikbar Grazzja li jista’ jagħtih il-Missier: ir-rigal tal-Ispirtu
s-Santu li jdawlu għal kollox dwar dak li għamel għalih l-Iben ta’ Alla. Għax ir-reliġjon u l-katekiżmi jagħtuna
ħafna, ħafna tagħrif dwar il-Mulej, imma laqgħa ħajja miegħu isseħħ biss
bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Wieħed
jista’ jkun jaf kollox u ma jkun jaf xejn.
Għax lil Kristu ssir tafu b’mod intimu meta jdawlek dwarU l-Ispirtu
s-Santu.
Infatti l-Mulej qal lil ta’ madwaru: “Ngħidilkom
is-sewwa, jaqblilkom li jiena mmur; għaliex jekk a mmurx, id-Difensur ma jiġix
għandkom; imma jekk immur nibgħatulkom.”
(Ġw. 16, 7). Hawn il-Mulej
qiegħed jgħid xi ħaġa profonda ħafna.
Irid jurina li l-Preżenza spiritwali hi iktar qawwija mill-Preżenza fiżika. Għal tliet snin għex il-ħin kollu
mal-Appostli, u issa kien se jħallihom, imma wegħedhom li waħedhom mhux se
jħallihom żgur, anzi l-Ispirtu tiegħU li se jibagħtilhom kien se jagħmlu iktar
qrib għax biH Hu kien se jgħammar fihom issa.
Ħafna jgħidu: jekk nara, nemmen.
Qegħdin jidħku bihom infushom.
Min għandu l-Fidi vera ma jemminx għax ra xi ħaġa bl-għajnejn fiżiċi
tiegħu, jew għax xi ħadd ippruvalu l-verità ta’ dak li jemmen, imma għax fih
seħħ Misteru. Fih irċieva xhieda
mingħand l-Ispirtu s-Santu dwar li Ġesù
hu l-Iben ta’ Alla u li hu s-Salvatura tad-dinja, u din il-Fidi li tiġi
mill-Ispirtu s-Santu ma jisraqhielu ħadd, lanqas bit-theddid tat-torturi u
l-martirji.
Dan kollu tenfasiżżah din is-Solennita tal-lum. Tenfasiżżah u tiċċelebrah, tagħmel festa
minnu! Il-Knisja tifraħ illum għax barra
mill-istennija tal-Ispirtu, illum tiċċelebra fatt tal-għaġeb. Kristu tela’ fis-sema b’ġisem bħal tagħna! Aħna l-bnedmin ġa ninsabu fis-Sema, f’dan
il-post li ħadd ma jaf x’inhu jew fejn hu, għax wieħed minna, Ġesù, jinsab hemm
b’laħam u għadam bħal tagħna. U bħalu
wkoll Ommu, l-Verġni Marija, tgħallimna l-Knisja.
Dan hu l-post li għalih ġejna maħluqin.
Dan hu l-post li għalih ġejna mgħammdin.
Dan hu l-post li hu Pajjiżna, li hu tagħna bi dritt mhux għax
jistħoqqilna, jew għax nirbħuh aħna, iżda għax rebħu għalina Kristu bil-Merti
tiegħu. Huwa HU li jimmeritalna l-Ġenna,
u allura l-Ġenna hija tagħna, bil-Bieb tagħha miftuħ beraħ quddiemna. Ir-rebħa ġa hi tagħna, għax id-Demm ta’ Alla
ġie mxerred kollu kemm hu b’risq tiegħi u tiegħek u ta’ kull bniedem. Il-prezz ġa tħallas u l-kuntratt sar! Kemm aħna xortina tajba! Bla ma jistħoqqilna qegħdin xi erbgħa jew
ħames goals minn fuq u baqa’ biss ħames minuti logħob! Kieku l-Ingliżi jgħidu li “it is ours to lose”. Nistgħu nitilfuha, imma għax irridu
nitilfuha. Il-Knisja tiċċelebra
l-funerali ta’ dawk li jemmnu fil-Grazzja ta’ Kristu, u tgħodd jum il-Mewt
tagħhom bħala d-“Dies Natalis”, Jum
it-Twelid tagħhom għall-Ħajja l-vera.
Quddiem it-tħassib dwar il-futur tagħna, Ġesù jagħmlilna l-qalb u jgħidilna
biex ma ninkwetawx. Waħda
mill-karatteristiċi tal-bniedem tal-Fidi huwa
li hu ma jinkwetax. Hawn ħafna
nies “reliġjużi” li jinkwetaw, imma Nisrani veru, Kristjan veru, ma
jinkwetax. Ġesù jgħidlna: “Tħallux qalbkom titħawwad! Emmnu f’Alla, u emmnu fija wkoll. Fid-dar ta’ Missieri hemm ħafna postijiet; li
ma kienx hekk, kont ngħidilkom. Sejjer
inħejjielkom fejn toqogħdu. U meta mmur
u nħejjielkom post, nerġa’ niġi neħodkom miegħi biex, fejn inkun jien, tkunu
intom ukoll.” (Ġw. 14, 1-4). Ġesù jitlobna biex nemmnu Kliemu. Hemm ħafna postijiet, qal, u dan hu tassew,
għax il-Merti tiegħu huma kbar biżżejjed biex isalva kulħadd bihom. L-omm tad-dnubiet kollha hi li dan hu tqil għalina li nemmnuh; fid-dinja
dejjem rajna l-kuntrarju: li kull ħaġa tajba li akkwistajna kellna nitħabtu
bis-sħiħ għaliha, u sikwit nitħabtu għalxejn.
Imma Ġesù bata għalina biex immeritalna l-Ġenna għal dejjem, u dawk li
huma mdawlin fuq dan, isiru nies ġodda li hu naturali għalihom li jgħixu kif
iridhom Dak li għamel tant għalihom.
Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:
Qari I
Kien meħud ’il fuq waqt li huma kienu jħarsu lejh.
Atti 1:1-11
Bidu tal-Ktieb
tal-Atti tal-Appostli
Fl-ewwel rakkont tiegħi, Teofilu, tkellimt fuq dak kollu
li Ġesù kien għamel u għallem minn mindu beda sal-jum li fih kien meħud
fis-sema, wara li, permezz tal-Ispirtu s-Santu, ta l-ordnijiet tiegħu
lill-appostli li hu kien għażel.
Wara l-passjoni tiegħu dehrilhom u tahom ħafna
provi li hu ħaj; f’erbgħin jum rawh kemm-il darba u kellimhom fuq il-ħwejjeġ
tas-Saltna ta’ Alla. Meta kien għadu magħhom, ordnalhom biex ma jitilqux minn
Ġerusalemm, imma joqogħdu jistennew sa ma sseħħ il-wegħda tal-Missier, “li
fuqha” – qalilhom – “smajtu x’kont
għedtilkom: Ġwanni għammed bl-ilma, imma intom, fi ftit jiem oħra titgħammdu
bl-Ispirtu s-Santu”.
Kif kienu flimkien staqsewh: “Mulej, hu dan
iż-żmien li fih int se terġa’ twaqqaf is-Saltna ta’ Iżrael?”. Hu weġibhom:
“Mhijiex biċċa tagħkom li tkunu tafu l-waqt u ż-żmien li l-Missier għażel
bis-setgħa tiegħu. Imma meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, intom tirċievu
l-qawwa, u tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha u s-Samarija u
sa truf l-art”.
Wara li qal dan, huma u jħarsu lejh, kien meħud ’il
fuq, u sħaba ħadithulhom minn quddiem għajnejhom. Waqt li kienu b’għajnejhom
fis-sema jħarsu lejh sejjer, f’daqqa waħda dehru ħdejhom żewġt irġiel libsin
l-abjad, u qalulhom: “Irġiel tal-Galilija, x’intom tħarsu lejn is-sema? Dan
Ġesù, li kien meħud minn magħkom lejn is-sema, għad jerġa’ jiġi kif rajtuh
sejjer”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
Salm 46(47):2-3,6-7,8-9
R/.(6): Tela’ Alla b’għajat ta’ ferħ.
jew
R/. Hallelujah, Hallelujah, Hallelujah.
Popli kollha, ċapċpu jdejkom,
għajtu b’leħen ta’ ferħ lil Alla!
Għax il-Mulej, l-Għoli, hu tal-biża’,
sultan kbir fuq l-art kollha. R/.
Tela’ Alla b’għajat ta’ ferħ,
il-Mulej bid-daqq tat-trombi.
Għannu lil Alla, għannu,
għannu lis-sultan tagħna, għannu. R/.
Għax Alla s-sultan tal-art kollha:
għannulu bis-sengħa għanja sabiħa.
Isaltan Alla fuq il-ġnus kollha,
joqgħod Alla fuq it-tron imqaddes tiegħu. R/.
Qari II
Kristu daħal fis-sema stess.
Lhud 9:24-28; 10:19-23
Qari mill-Ittra
lil-Lhud
Kristu ma daħalx f’santwarju magħmul b’idejn il-bnedmin
li hu biss xbieha tas-santwarju veru, imma daħal fis-sema stess, biex issa
jidher għalina quddiem Alla. U daħal hemm mhux biex minn żmien għal żmien
joffri lilu nnifsu bħalma l-qassis il-kbir jidħol kull sena fis-santwarju biex
joffri demm ħaddieħor. Li kieku kien hekk, kien ikollu jbati ħafna drabi sa
mill-ħolqien tad-dinja. Iżda issa deher darba għal dejjem, meta waslet il-milja
taż-żminijiet, biex ineħħi d-dnub bis-sagrifiċċju tiegħu nnifsu. U kif hu
miktub għall-bnedmin li għandhom imutu darba biss, u wara dan isir il-ġudizzju,
hekk ukoll Kristu, wara li offra lilu nnifsu darba biss biex jitgħabba
bid-dnubiet tal-kotra, għad jerġa’ jidher darb’oħra, mhux biex ineħħi
d-dnubiet, imma biex isalva lil dawk li qegħdin jistennewh bil-ħerqa.
Ladarba, ħuti, għandna l-fiduċja li nidħlu
fis-Santwarju bis-saħħa tad-demm ta’
Ġesù billi ngħaddu mit-triq, ġdida u ħajja, li hu fetħilna ’l ġewwa mill-velu,
li hu l-ġisem tiegħu stess; u ladarba għandna dan il-qassis il-kbir imqiegħed
fuq il-familja ta’ Alla, ejjew nersqu b’qalb sinċiera u b’fidi sħiħa, bi qlubna
mnaddfin minn kuxjenza ħażina u l-ġisem tagħna maħsul b’ilma safi. Inżommu sħiħ
fl-istqarrija qawwija tat-tama tagħna, għax ta’ kelmtu huwa dak li għamlilna
l-wegħda.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Mt 28:19a,20b
Hallelujah. R/. Hallelujah.
Morru agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, jgħid
il-Mulej.
Jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien.
R/. Hallelujah.
Evanġelju
Huwa u jberikhom, kien meħud fis-sema.
Lq 24:46-53
Għeluq tal-Evanġelju
skont San Luqa
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Hekk kien miktub, li
l-Messija jbati u fit-tielet jum iqum mill-imwiet, u li l-indiema għall-maħfra
tad-dnubiet tixxandar f’ismu lill-ġnus kollha, ibda minn Ġerusalemm. Intom xhud
ta’ dan. U jiena, araw, nibgħat fuqkom lil dak li wiegħed Missieri. Imma intom
ibqgħu fil-belt, sa ma Alla jkun libbiskom bil-qawwa tiegħu”.
Imbagħad ħadhom sa ħdejn Betanja, u rafa’ jdejh u
berikhom. U ġara li, huwa u jberikhom, infired minnhom u kien meħud fis-sema.
Huma nxteħtu fl-art jagħtuh qima, u mimlijin b’ferħ kbir reġgħu lura lejn
Ġerusalemm, u qagħdu l-ħin kollu fit-tempju jbierku lil Alla.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.
|