Din
hija il-Liturgija tas-Sollenita' tat-Trinita Qaddisa (2022) bi hsibijiet min Joe Rapa.
L-Insara kollha, imferrxin f’diversi Knejjes u Komunjonijiet Insara, huma
fil-fatt aħwa, ulied ta’ Magħmudija waħda fi Kristu, u fil-qalba tal-qalba
tal-Fidi tagħhom, għandom ukoll twemmin wieħed.
Għax jekk inti Kattoliku, jew Ortodoss, jew membru ta’ xi
Knisja/Komunjoni Protestanta, ilkoll nemmnu f’Alla Wieħed imma li hu tliet
Persuni distinti. Dan aħna nammettu li
hu Misteru lil hemm mill-moħħ ċkejken tagħna u Alla jitlob minna li nagħmlu din
il-qabża fl-umiltà u nemmnu dak li ma nistgħu qatt nifhmu... ħaġa mhix faċli,
speċjalment għall-bniedem tal-lum li jemmen li b’moħħu jista’ jasal għal
kollox!
Huwa l-Mulej tagħna Sidna Ġesù Kristu li wriena din il-Verità moħbija
fil-qalba taż-żmien. F’ħafna waqtiet
tal-Vanġeli, Ġesù jenfasizza t-Trinità Qaddisa u l-aħħar kelmiet tiegħu fuq
il-pjaneta tagħna kienu: “Morru mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus
kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu
s-Santu.” (Mt. 28, 19). La aħna Kristjani, aħna nemmnu f’dak kollu li
qal u għamel Ġesù, u kif jista’ jkun li naħsbu li kien qed jiġdeb meta poġġa
lilu nnifsu ħaġa waħda mal-Missier u l-Ispirtu li jgħaqqadhom flimkien?
Jien inħoss li min tinagħtalu l-Fidi, jaċċetta bla wisq taħbit din
ir-rivelazzjoni dwar in-natura ta’ Alla.
Iżda kien hemm żmien fl-ewwel sekli tal-Knisja meta kienu qamu
kontroversji fuq in-natura ta’ Alla u ta’ Kristu li wasslu għal ereżiji u
firdiet. Għalhekk il-Knisja kellha
tlaqqa’ Konċilji biex tissiġilla għal dejjem il-Verità kif twasslet lilha ħalli
tevita iktar inkwiet u hekk twieldu diversi Dommi tal-Knisja li min ma
jaċċettahomx jinqata’ minnha.
Nagħrfu wkoll li iktar ma nersqu lejn Alla bil-Fidi u fl-intimità
tal-Imħabba, iktar nindunaw bl-immensità tiegħU li aħna ma nistgħu qatt
inħaddnu fiċ-ċokon tagħna. U hekk għandu
jkun! Alla hu Alla, waqt li aħna ħlejjaq
tiegħU niddependu għak kull nifs minnU.
Għandu raġun is-Salm Responsorjali tal-lum jipproklama: “O Mulejja, Alla tagħna, kemm hu kbir
l-Isem tiegħek fuq l-art kollha!” (S. 8,
1). U iktar ’l isfel ikompli jgħid: “Inħares lejn is-smewwiet, għemil subgħajk,
il-qamar u l-kwiekeb li int qegħidt fihom!
X’inhu l-bniedem biex tiftakar fih, bin il-bniedem, biex taħseb
fih?” (S. 8, 4-5).
Għax tassew li l-ħolqien ikanta l-Glorja ta’ Dak li ħalqu. Imma l-Fidi tagħna trid tkun mibnija iktar
fis-sod. Il-Fidi hi Rigal ta’ Alla
nnifsu. Hi Grazzja misterjuża. Huwa l-Ispirtu s-Santu li jixhed
għall-Missier u għall-Iben fil-profond tal-personalità tagħna. L-Ispirtu jixhed lilna, idawwalna, iħeġġiġna,
jimbuttana biex nixxennqu għal Fidi dejjem ikbar, Fidi li ma jkollhiex bżonn
ta’ “provi” jew “raġuni”, iżda tkun Fidi mibnija fuq l-Istorja li fiha int tkun
iltqajt miegħU. Ħadd ma jista’ jisraqhielek Fidi bħal din! Għal Abraham, il-Fidi kienet it-tifel li
twelidlu, hu li ma setax ikollu tfal minn martu. Fatti!
U barra minn dan, l-Ispirtu s-Santu li nissel f’laħam il-bniedem lill-Iben ta’
Alla minn ġuf Marija; li mlieH bil-qawwa u l-Glorja; li ħadu biex jitqabad fid-deżert
mal-ispirtu tal-ħażen; li wrieħ it-triq li riedu jimxi l-Missier, it-triq
tal-Misteru tal-Għid; dan l-istess Spirtu huwa Sid l-Istorja tagħna u jkellimna
l-ħin kollu biha. Hu jsawwarna fi Nsara
Adulti permezz tal-Ġrajjiet li jgħaddina minnhom, sbieħ u koroh. Huwa l-Ispirtu s-Santu li fl-aħħar mill-aħħar
jagħtina d-Dawl biex niftħu fommna u nixhdu li f’qalbna aħna nemmnu li Kristu
Ġesù hu l-Mulej għall-Glorja ta’ Alla l-Missier!
Togħġobni l-Kolletta tal-lum, l-ewwel Talba tal-Ewkaristija, li tibda
bil-kelmiet: “O Alla Missier, inti bgħatt fid-dinja l-Kelma tal-verità u l-Ispirtu
tal-qdusija...” Il-Missier hu Mħabba
li ma setgħetx iżżomm lilha nnifisha għaliha, magħluqa ġol-fosdqa tagħha, imma
tferrxet u inagħtat billi ħalqet, u kulma nħalaq minnha hu maħbub bi Mħabba
Eterna, li ma tmut qatt. Din l-Imħabba
li hi l-Missier awtomatikament tegħleb il-Mewt għax hi Alla u hi eterna, hi
għal dejjem. Dan hu l-għerq tal-Fidi
tagħna fil-Ħajja bla tmiem. L-Imħabba li
hi Alla ma tistax tħobb it-trab u l-irmied li jibqa’ minna fil-qabar. Hi taqleb il-ġebla tal-qabar, l-ewwel
tal-Iben, imma tagħna wkoll!
Kollox jeħodna għal għand il-Missier, li minnU ħriġna u fiH ngħixu għal
dejjem. Kristu fdiena biex aħna mmorru
għand il-Missier. L-Ispirtu s-Santu
jqaddisna biex aħna mmorru għand il-Missier.
Fil-Vanġelu tal-lum, Ġesù jgħid: “Dak
kollu li għandu l-Missier huwa tiegħi.”
(Ġw. 16, 15). Il-Lhud
għedewwa tiegħU fehmuh tajjeb dan il-Kliem, u fehmu tajjeb ukoll frażijiet oħra
mxerrdin ’l hawn u ’l hemm fil-Vanġeli.
Bħal meta qal: “Tassew, tassew
ngħidilkom, qabel ma kien Abraham, jien hu.”
(Ġw. 8, 58). “JIENA HU”, (JHWH), huwa l-Isem ta’ Alla
irrivelat lil Mosè minn ġol-għollieq jaqbad bla ma jinħaraq. Kien għalhekk li
iktar minn darba qabdu l-ġebel biex iħaġġruh, kif kienu jagħmlu lil kull min
jidgħi, u kien għalhekk li kaxkruh quddiem Pilatu għax, qalu huma: “Hu li hu
bniedem, qed jagħmel lilu nnifsu Alla!”
Il-Qassis il-Kbir, ir-Rappreżentant tal-Poplu quddiem Alla ċarrat ħwejġu
fis-Sinedriju għax fehem li Ġesù kien qed jixhed li hu u l-Missier kienu
l-istess “ħaġa”.
Kristu huwa l-Kelma li toħroġ minn fomm Alla u taħlaq, u tagħti l-Ħajja, u
tinagħta l-ħin kollu, għax tħobb. “Verbum Dei Caro Factum Est”, “Il-Kelma ta’ Alla Saret Laħam”. Kristu huwa l-Kelma tal-Verità, u l-Verità hi
li aħna maħbubin, li aħna mifdijin, li dnubietna kollha tħallas dejnhom għax
il-Kelma-Alla, Kristu Ġesù tela’ fuq is-Salib minflokna u hemm kiseb merti
bl-abbundanza biex kull bniedem li jemmen isalva. Dawn il-merti jixterrdu fuqna fl-Ewkaristija,
fil-waqt li l-Ġemgħa li temmen tinġabar biex terġa tgħix, tagħmel Memorjal
tal-Mewt u l-Qawmien ta’ Kristu li bihom Hu fdiena.
Hu l-Ispirtu li hu xhud ta’ dan fil-fond tal-ispirtu tagħna. Il-pjazez u t-toroq tagħna mimlija storbju
tad-dinja, imma ħelu ħelu hu jixhed li aħna maħbubin, għal kollox maħbubin minn
Imħabba li tinagħta, tinagħta, tinagħta għalina. X’ħin tagħsar lil Alla dan hu dak li
ssib. Dan hu l-aktar importanti li nemmnu.
L-essenza ta’ Alla hija l-Imħabba li l-ħin kollu qegħda tinagħta għall-għadu
tagħha.
Dan nistgħu ngħarfuh biss, biss, biss fid-Dawl tal-Ispirtu s-Santu. L-ebda intelliġenza, l-ebda devozzjoni,
l-ebda tqanżiħ tal-bniedem ma twassal għal dan l-Għarfien immens u
stupend. Il-bniedem li jagħraf, bi
Grazzja, li Alla inagħta kollu kemm hu għalih, hu bniedem differenti minn kif
kien qabel, u differenti wkoll mill-oħrajn.
Id-dinja tidher differenti għalih, l-istess il-problemi tagħha. Is-Salib jidher differenti. Min għamillu l-ħsara issa jidher
differenti. Kollox differenti għax qed
jgħix fl-Imħabba bħalma ħuta tgħix fl-ilma.
U din l-Imħabba tibqa’ tinagħta għall-Eternità.
Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum.
Qari I
Il-Għerf kien
jeżisti sa minn qabel ma nbdiet l-art.
Prov 8:22-31
Qari mill-Ktieb tal-Proverbji
Dan jgħid il-Għerf
ta’ Alla:
“Il-Mulej kellu lili
sa mill-bidu ta’ għemilu,
sa minn qabel l-eqdem
għemejjel tiegħu.
Sa minn dejjem
twaqqaft, mill-bidu, qabel ma nbdiet id-dinja.
Kien għad m’hemmx
l-ibħra l-kbar,
meta tnissilt jien,
kien għad m’hemmx għejun inixxu l-ilma;
qabel ma tqiegħdu
l-muntanji, qabel l-għoljiet jien twelidt.
Kien għadu ma għamilx
l-art bir-raba’ tagħha,
u lanqas l-ewwel
traba tal-art.
Meta ħejja s-smewwiet
jien kont hemm,
meta ħażżeż dawra fuq
wiċċ il-baħar kbir,
meta saħħaħ
is-smewwiet hemm fuq,
u qiegħed fis-sod
in-nixxigħat ta’ qiegħ il-baħar;
meta ħażżeż trufijiet
il-baħar, biex l-ilmijiet ma jaqbżux trufhom;
meta qiegħed sisien
l-art,
jien kont maġenbu
bħala tfajjel, l-għaxqa tiegħu,
jum wara ieħor,
nitliegħeb il-ħin kollu quddiemu;
nitliegħeb fuq l-art
imħejjija għall-bnedmin,
nitgħaxxaq b’ulied
il-bnedmin”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil
Alla.
Salm Responsorjali
Salm 8:4-5,6-7,8-9
R/.(2a): Mulej, Sid
tagħna, kemm hu kbir ismek fl-art kollha!
Inħares lejn
is-smewwiet, għemil subgħajk,
il-qamar u l-kwiekeb
li int qegħedt fihom!
X’inhu l-bniedem biex
tiftakar fih,
bin il-bniedem, biex
taħseb fih? R/.
Ftit inqas mill-allat
għamiltu,
bis-sebħ u l-ġmiel
żejjintu,
qegħedtu fuq
l-għemejjel kollha ta’ jdejk! R/.
Kollox taħt riġlejh
qegħedtlu:
in-nagħaġ u l-baqar
kollha, sal-bhejjem tax-xagħri;
l-għasafar tal-ajru u
l-ħut tal-baħar,
dak kollu li jterraq
fil-baħar. R/.
Qari II
Ma’ Alla, bi Kristu
bis-saħħa tal-imħabba li ssawbet fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu.
Rum 5:1-5
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani
Ħuti, issa li aħna
ġġustifikati bil-fidi, għandna s-sliem ma’ Alla, permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu;
permezz tiegħu għandna d-dħul bil-fidi għal din il-grazzja li fiha qegħdin.
Aħna niftaħru bit-tama li għandna li għad niksbu l-glorja ta’ Alla. Mhux biss
dan: imma niftaħru wkoll bis-sofferenzi, għax nafu li s-sofferenza ġġib
is-sabar, is-sabar irawwem il-ħila, il-ħila t-tama. U din it-tama ma tqarraqx
bina, għax l-imħabba ta’ Alla ssawbet fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu li
kien mogħti lilna.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil
Alla.
Akklamazzjoni qabel
l-Evanġelju
ara Apok 1:8
Hallelujah. R/.
Hallelujah.
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu,
lill-Mulej Alla, li
hu, u li kien, u li għad irid jiġi.
R/. Hallelujah.
Evanġelju
Dak kollu li għandu
l-Missier huwa tiegħi. L-Ispirtu jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom.
Ġw 16:12-15
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù
qal lid-dixxipli tiegħu: “Baqagħli ħafna
ħwejjeġ x’ngħidilkom, imma għalissa ma tifilħux għalihom. Meta jiġi hu,
l-Ispirtu tal-verità, iwassalkom għall-verità kollha; għaliex hu ma jgħid xejn
minn tiegħu, imma jgħid dak li jisma’, u jħabbrilkom il-ġejjieni.
Hu jagħtini glorja,
għaliex jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom. Dak kollu li għandu
l-Missier huwa tiegħi. Għalhekk għedt li jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru
lilkom”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.
|