Din
hija il-Liturgija tas-Sollenita' tat-Twelled ta' San Gwann Battista (2022) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Tifraħ il-Knisja Ommna bir-Rebħa tal-Għarus tagħha fuq il-Mewt u
d-Dnub. Tifraħ ukoll b’dawk kollha li
taw xhieda għaliH saċ-ċarċir ta’ demmhom.
Tifrah bil-Patrijarki, bil-Profeti, bl-Appostli li fuqhom inbniet. Tifraħ b’tant Qaddisin, dawk li nafu bihom u
dawk li ma jafhom ħadd. Tifraħ bina kull
meta nirbħu lill-Ħażin u nikbru fil-Fidi.
Tifraħ il-Knisja f’dan iż-żmien b’dak li hu l-Aħħar fost il-‘Profeti’ ta’
Alla imma li ġie jħabbar Żmien Ġdid, hu li deher bħal Muntanja għolja li tifred
l-art imdallma tal-imgħoddi mill-Art maħsula bid-Demm tal-Ħaruf, imdawla
bl-Ispirtu moħbi għal tant ġenerazzjonijiet.
Tifraħ il-Knisja bi Ġwanni l-Battista, li l-hija ssejjaħlu “l-ikbar fost
il-Profeti u l-Prekursur tal-Mulej”. Hu
kien l-aħħar wieħed fost sensiela ta’ nies li Alla żejjinhom u għabbihom
fl-istess ħin bid-Don tal-Profezija; libbishom il-mantar tal-Ispirtu s-Santu u
għamilhom ilkoll bħal kolonni tal-ħadid li żammew wieqaf il-Poplu ta’ Alla. Tifraħ il-Knisja għax deher fuq l-art l-aħħar
u l-aqwa fost dawn, imma li fetaħ il-bieb biex bil-prezz tad-Demm ta’ Kristu
jitwieled “Poplu-Profeta”, is-Saltna ta’ Alla fuq l-art.
Il-Profeti kienu nies immarkati minn Alla sa minn ġuf ommhom, magħżula għal
biċċa xogħol iebsa li ħafna minnhom beżgħu minnha. Ġeremija jgħid: “Ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli: “Qabel ma sawwartek fil-ġuf,
għaraftek; qabel ma ħriġt minn ħdan ommok, ikkonsagrajtek.” (Ġer. 1, 4-5). Isaija, min-naħa tiegħu jgħid: “Il-Mulej mill-ġuf sejjaħli, mill-ġewwieni
ta’ ommi ftakar f’ismi. (Is. 49, 1). Dwar Ġwanni bin Żakkarija, San Luqa jgħid
li l-Arkanġlu Gabrijel xehed għalih: “Hu
jimtela bi spirtu qaddis sa minn ġuf ommu.”
(Lq. 1, 15). Il-messaġġiera
ta’ Alla kollha jgħiduha din li kienu mmarkati minn Alla għall-missjoni tagħhom
sa minn qabel ma dehru fid-dinja, u dan jgħiduh mhux bi ftaħir, iżda
għall-kuntrarju, huma jagħfsu fuq l-inizjattiva ta’ Alla, u li dak li kellhom
kien mogħti lilhom bi Grazzja għax ġew magħżula qabel ma setgħu jagħmlu
t-tajjeb jew il-ħażin. San Pawl jiftaħ u
jwessa’ din l-għażla predestinata għal
dawk kollha li huma Xhieda ta’ Ġesù: “Għax
lil dawk li hu għarafhom mill-bidu, ippredestinahom ukoll biex jieħdu s-sura
fuq ix-xbieha ta’ Ibnu, ħalli dan ikun il-kbir fost ħafna aħwa.” (Rum. 8, 29).
Ħafna drabi, ir-rejazzjoni ta’ dawn in-nies għall-Għażla tagħhom kienet
waħda ta’ tħassib, biża’, fixla. Lil
Alla, Ġeremija jgħidlu: “Ah, Sidi Mulej,
ma nafx nitkellem, għadni żgħir!” (Ġer.
1, 6), u Isaija, li kien għadu żagħżugħ ukoll, ħassu skandalizzat bih
innifsu u qal: “Jaħasra għalija! Mitluf jien!
Bniedem b’xufftejh imniġġsa jien!
U f’nofs poplu b’xufftejh imniġġsa ngħammar; madankollu rajt b’għajnejja
lis-Sultan, il-Mulej tal-eżerċti.” (Is.
6, 5). Mosè nnifsu ipprova jiżgiċċa
għax kien imfixkel minn difett f’ilsienu.
Dan hu mportanti li ngħarfuh għax Ġwanni u l-Magħżulin kollha huma Kelma
ta’ Alla għalina, kif se naraw iktar ’il quddiem.
Fuq jekk Ġwanni rreżistiex jew le s-Sejħa, ma nafu xejn. Li nafu hu li ta’ età żagħżugħa inagħqad ma
grupp ta’ nies imsejħin “l-Esseni” li kienu komunità ta’ aħwa rġiel li ħallew
l-ibliet u l-irħula u marru jgħammru fid-deżert biex jgħixu forma safja ta’
Ħajja mogħtiha għall-qima ta’ Alla u l-istennija tal-Messija. Mingħandhom Ġwanni skopra s-siwi tal-ħasil
ritwali bħala sinjal tal-indafa interjuri, rit li kienu jiċċelebraw kull
filgħodu f’banjijiet għal tal-apposta msejħin “mikvah”.
Lill-Profeti tal-Antik Testment, Alla żejjinhom b’Imħabba kbira lejH u lejn
il-Poplu tiegħu. Kienu nies “maħruqa”
min-Nar tal-Ispirtu li ma kienx iħallihom kwieti. Tip ta’ bniedem ‘kollu Nar’ narawh
fil-Profeta Elija. Fi Ġwanni dan narawh
fil-milja tiegħu. F’mument meta Ġeremija
qata’ qalbu għal kollox milli jdawwar il-qalb tal-poplu u l-mexxejja tiegħu
lejn Alla, hu għamel f’moħħu li ma jsemmix il-Kelma ta’ Alla iktar. “Il-kelma
tal-Mulej saret għalija tagħjir u tmaqdir kuljum. U jien għidt: ‘Ma nsemmiħx aktar, ma
nitkellimx aktar f’ismu.’ Iżda f’qalbi
hemm bħal nar jaqbad, magħluq f’għadmi.
Għejjejt inżommu magħluq ġo fija, ma
niflaħx għalih.” (Ġer. 20,
8-9). Din hija l-Qawwa
tal-Profezija, li hija l-Qawwa tal-Ispirtu li kienet tiġri fil-vini ta’ Ġwanni
u wara tal-Appostli, u wkoll ta’ kull Nisrani li jimxi ’l quddiem fl-għarfien
tat-Teżor li hu Kristu.
Il-Profeta huwa l-bniedem “stramb” li ma jemminx fil-“political correctness” li tant tħobb is-soċetà tagħna. Din l-espressjoni tfisser l wieħed joqgħod
attent x’jgħid biex ma jurtax, ma jwebbisx qlub, ma jagħmilx għedewwa, ikun
diplomatiku, jagħmel kompromessi a spejjeż tas-sewwa għax id-dinja taħseb li
bejn żewġ estremitajiet il-verità tinsab fin-nofs. Ġwanni, u kull Profeta, jiftaħ garġih u jgħajjat
kontra dan! Il-Verità mhix
kompromess! Il-Verita mhix it-triq
tan-nofs! Il-Verità hi waħda u estrema! Min jiskopri l-Verità jitriegħex bil-mistħija
quddiem it-tentazzjoni tad-dinja biex ma jqanqalx l-ilma qiegħed b’dak li
jgħid.
Dan kollu għejja lill-Profeti għax kienu nies umani, sikwit dgħajfa,
bħalna. Kollha ġew ippersegwitati. Kollha spiċċaw ħażin, u Alla ried li Ġwanni
ma jkunx differenti għax hu ma beżgħax għal ilsienu quddiem in-nies
tal-poter. Hu seta’ jgħid li
bħall-Profeti ta’ qablu: “Il-Mulej
għamilli fommi xabla misnuna; għamel minni vleġġa maħtura.” (Is. 49, 2). Dan kollu għax kienu jħobbu lil dawk li kienu
jlumu, u kienu jitħabtu biex isalvaw dak li kien prezzjus: il-wirt ta’ Alla
imwiegħed.
Jekk Ġwanni l-Battista kien iben il-Profeti, u Missierhom ilkoll, fuq
kollox huwa kien il-Prekursur tal-Messija mwiegħed. Kien il-Ħabbar, “l-Anġlu tad-Deżert”, kif
isejħulu tal-Orjent. Fomm il-Profeti
tal-“Antik” intebaq bl-aħħar viżjoni ta’ Malakija: “Ara, jiena nibagħtilkom ’l Elija l-profeta qabel ma jasal Jum il-Mulej
u Jum il-biża’. U jdawwar qalb il-missirijiet lejn uliedhom u qalb l-ulied
lejn missirijiethom.” (Mal. 3, 23-24). Alla żamm Kelmtu meta ‘Elija’ deher fi
Ġwanni bin Żakkarija, tiela u nieżel matul il-Ġordan isejjaħ lin-nies
għall-indiema, wara li jkun uriehom dnubhom.
Għax iż-żmien kien qsar.
Kien meta l-missjoni ta’ Ġwanni kienet fl-aqwa tagħha li deher Kristu u
feġġet ix-Xemx ta’ era ġdida għall-bniedem.
U hu hawn li naraw il-kobor tar-rivelazzjoni ta’ Alla f’dan il-bniedem,
Ġwanni. Kristu bena l-Knisja tiegħu fuq
Pietru għax dan l-Appostlu Alla nebbħu bl-għarfien li quddiemu kellu lill-Iben
ta’ Alla l-Ħaj. Imma Ġwanni kien ġa
ħabbar xi ħaġa iktar profonda: “Araw
il-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja!”
(Ġw. 1, 29). Ġwanni kien
l-ewwel wieħed li ġie mnebbaħ bis-Sorpriża sopranaturali ta’ Alla bi tweġiba
għal dnub il-bniedem. Mhux iktar
il-kastig hu t-tweġiba għad-dnub iżda l-miġja ta’ Alla nnifsu liebes laħam
il-bniedem biex, bħall-Ħaruf tal-Għid li nqatel ġewwa l-Eġittu biex il-poplu ma
jmutx, hu jitla’ fuq il-forka jġorr fuqU d-dnub ta’ kulħadd biex ikun
it-Tpattija, il-Fidwa, l-Offerta fuq l-altar b’risq tiegħi u tiegħek. Ġwanni ma setax jintebaħ b’dan minnu nnifsu. Dan ix-xenarju kien wisq ta’ barra minn hawn
għal bniedem naturali. Mhux ta’ b’xejn
li l-arti Nisranija dejjem iġġibu bil-Ħaruf maġenbu, simbolu tal-Missjoni ta’
Kristu!
U lilna dan kollu x’jgħidilna? Għax
jekk Ġwanni bin Żakkarija kien Profeta għal żmienu, huwa Profeta għal żmienna
wkoll, b’ħafna modi. Kull Nisrani
jirċievi l-karattru ta’ ‘Profeta’ fil-Magħmudija tiegħU. Il-Knisja hija l-Ġemgħa qaddisa ta’ Profeti
għad-dinja ta’ kull żmien. Mhux veru li
hi leħen fost diversi ilħna li jgħinu lill-bniedem. Din hija l-gidba tar-relattiviżmu
tal-lum. Fil-Knisja tinsab il-Verità
waħdanija li tista’ ssalva l-umanità. U l-Verità ħarġet minn fomm Ġwanni: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnub
tad-dinja.” Din biss hi
l-Verità. U aħna lkoll Profeti biex
inwasslu din il-Verità lil kull min hu mfarrak bi dnubu, jew bl-Istorja, jew
bid-dubji fuq Alla. Dan ma jseħħx jekk
iż-żerreigħa tal-Magħmudija ma sabitx art tajba fejn tikber, imma ntrefgħet
moħbija ġo kexxun! Imma jekk
il-Magħmudija tikber fina, aħna nikbru fid-don tal-Profezija, li mhux don li
nħabbru l-ġejjini bħalma tħobb taħseb id-dinja, imma li ngħidu dejjem il-Verità
biex is-Saltna ta’ Kristu tikber.
Il-Verita tagħmilna melħ li jagħti togħma lid-dinja.
U dan hu eżatt min kien Ġwanni. Kien
melħ b’togħma qawwija. Huwa mellaħ lil
Iżrael biex minnu jinbet fdal li dawwal id-dinja kollha bl-Aħbar ta’
Kristu. Jekk m’aħniex ‘Melħ’, aħna
barranin għal Ġwanni, lanqas jagħrafna minn pagani. U bħall-melħ li jinħall u jmut biex il-borma
titjieb, anke hu intreħa fi ħdan il-Martirju.
Mhux kull Nisrani hu mitlub imut għal Kristu, iżda hemm bosta tipi ta’
Martirju u l-Imħabba tieħdok lejh, u dan nafuh ilkoll għax ilkoll ‘mitna’ bosta
drabi għal dawk li nħobbu.
Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum, Jum il-Festa tal-Parroċċa
Qari I
Is
49:1-6
Qari mill-Ktieb tal-Profeta
Isaija
Isimgħuni, gżejjer, agħtuni widen,
popli mbiegħda! Il-Mulej mill-ġuf sejjaħli, minn ħdan ommi ftakar f’ismi.
Għamilli fommi xabla msinna, taħt id-dell ta’ idu ħbieni. Għamel minni vleġġa
maħtura, fil-barżakka tiegħu ħbieni. U qalli: “Israel, inti l-qaddej tiegħi,
bik jiena nkun imfaħħar.”
U jien
għedt: “Għalxejn inkeddejt, u fix-xejn ħlejt saħħti.” Imma l-ġustizzja tiegħi
fil-Mulej u l-ħlas tiegħi għand Alla tiegħi.
U issa
tkellem il-Mulej, li minn ħdan ommi għamilni qaddej tiegħu, biex għandu rreġġa’
lura ’l Ġakobb u biex Israel jinġabar miegħu mill-ġdid, għax jien kont imfaħħar
f’għajnejn il-Mulej, u Alla tiegħi kien il-qawwa tiegħi. Hu qalli: “Tkun ħaġa
żgħira wisq għalik li inti tkun il-qaddej tiegħi biex tqajjem biss it-tribù ta’
Ġakobb u treġġa’ lura l-fdal ta’ Israel. Jien nagħmel minnek dawl għall-ġnus,
biex is-salvazzjoni tiegħi sa truf l-art tinfirex.”
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu
ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
Salm
138: 1-3. 13-15
R/. Irroddlok ħajr, għax tal-għaġeb
għamiltni!
Mulej, int tgħarbilni u
tagħrafni;
int taf meta noqgħod u meta
nqum,
int tagħraf mill-bogħod
ħsibijieti.
Int tagħraf il-mixi u
l-waqfien tiegħi;
triqati kollha inti tafhom
sewwa. R/.
Int sawwart il-ġewwieni
tiegħi,
u f’ġuf ommi inti nsiġtni.
Irroddlok ħajr, għax
tal-għaġeb għamiltni:
tal-għaġeb huma l-għemejjel
tiegħek. R/.
U ’l ruħi inti tafha
tajjeb.
Ma kienx moħbi għadmi
minnek,
meta kont qiegħed insir
fis-satra
u nintiseġ fil-qigħan
tal-art. R/.
Qari II
Atti
13:22-26
Qari mill-Ktieb tal-Atti
tal-Appostli
F’dak
iż-żmien: Pawlu qal: “Alla, lil missirijietna, qiegħed ’il David bħala sultan
tagħhom, li għalih ta din ix-xhieda: ‘Sibt ’il David, bin Ġesse, raġel skont
qalbi li jagħmel dak kollu li rrid jien.’ Hu minn nislu li Alla, skont
il-wegħda tiegħu, ġieb għal Israel salvatur, li hu Ġesù. Qabel il-miġja tiegħu,
Ġwanni deher ixandar magħmudija ta’ ndiema lill-poplu kollu ta’ Israel.
U meta
kien wasal fi tmiem il-ħidma tiegħu, Ġwanni qal: ‘Jien miniex dak li intom
taħsbu li jien. Dan ġej warajja, u jien anqas jistħoqqli nħoll il-qorq ta’
riġlejh.’ Ħuti, ulied in-nisel ta’ Abraham, u intom li tibżgħu minn Alla, lilna
ġiet mibgħuta l-bxara ta’ din is-salvazzjoni.”
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu
ħajr lil Alla.
Akklamazzjoni għall-Evanġelju
Lq
1:76
Hallelujah. Hallelujah.
Int, tfajjel, tissejjaħ profeta tal-Għoli, għax tmur qabel il-Mulej biex
tħejjilu triqatu.
Hallelujah.
Evanġelju
Lq
1:57-66.80
Qari mill-Evanġelju skont San
Luqa
Eliżabetta għalqilha ż-żmien li
teħles, u kellha tifel. Il-ġirien u qrabatha semgħu li l-Mulej wera ħniena
kbira magħha, u marru jifirħu magħha. Meta mbagħad fit-tmien jum ġew biex
jagħmlu ċ-ċirkonċiżjoni lit-tifel, riedu jsemmuh Żakkarija, għal missieru; imma
qabżet ommu u qalet: “Le, imma Ġwanni jkun jismu.” Qalulha: “Ma hemm ħadd li
jismu hekk fost qrabatek!”
Imbagħad bdew jistaqsu
bis-sinjali lil missieru x’ried isemmih, u hu talabhom xi ħaġa fuqiex jikteb, u
kiteb hekk: “Ismu huwa Ġwanni.” U kulħadd baqa’ mistagħġeb. Dak il-ħin stess
Żakkarija nfetaħlu fommu, ilsienu nħall, u beda jitkellem u jfaħħar ’l Alla.
U l-ġirien tagħhom ilkoll
qabadhom il-biza’, u bdew ixerrdu dawn il-ġrajjiet kollha mal-għoljiet kollha
tal-Lhudija, u kull min kien jismagħhom kien iżommhom f’qalbu u jgħid: “Mela
x’għad ikun dan it-tifel?” U tassew, id il-Mulej kienet miegħu. It-tifel kiber
u ssaħħaħ f’ruħu, u baqa’ jgħix fid-deżert sa dakinhar li ħareġ quddiem Israel.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir
lilek Kristu.
|