Din
hija il-Liturgija ta' L-Erbatax il-Hadd matul is-Sena (2022) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Li kieku kellna niskopru t-Teżor Moħbi li hemm fina, li
huwa l-Magħmudija stupenda li nagħtatilna bi Grazzja eċċezzjonali, kieku
l-Knisja tiġi mfawra b’eluf u eluf ta’ xhieda li jafu li l-Ferħ veru, kif qal
il-Papa f’Ta’ Pinu, hu li tevanġelizza!!
Li tħabbar lil Kristu rebbieħ fuq il-Mewt hi l-aqwa Aħbar, hi l-ungwent
li jindilek fuq il-ġrieħi ta’ dinja miktuba għall-qerda. Il-Magħmudija mqaddsa rċivejniha bħala żerriegħa
poġġuta fina b’Miraklu Morali mirbuħ lilna mill-Merti ta’ Kristu fuq is-Salib. Aħna lkoll għonja! Aħna lkoll għandna ġid li d-dinja mhix kapaċi
tixtrieh! Aħna lkoll għandna ‘account’ fuq isimna li l-ebda Bank ma
jiflaħ għalih! Aħna, li tant drabi nħossuna
tallaba, għax anke jekk naqilgħuha tajjeb, għandna bżonn lil ħaddieħor li
jferraħna, li jħobbna, li jagħtina l-prosit, u sikwit dawn l-affarijiet ma
jaslux għandna, fuq isimna hemm miktub Wirt Glorjuż.
Minn fejn ġej it-tgergir tagħna? Minn fejn ġejja r-rabja u l-vjolenza? Minn fejn ġejja l-idolatrija tagħna meta
nagħmlu allat min-nies, minn affarijiet, minn delizzji, minn l-istess familji
tagħna. Minn fejn ġejja l-kilba
għall-flus, għax-xogħol, għall-fama, għall-wirt tal-familjari, għall-karriera,
għall-pjaċiri sesswali, għal li nidhru sbieħ, għall-favuri nġusti? Hu ovvju li l-Miraklu li hemm ġewwa fina,
il-Magħmudija tagħna, ma tajnihiex ċans tikber.
Emminna li l-Magħmudija hi rit ta’ darba u daqshekk. Inagħqadna mal-Klabb! Reliġjożità għandna
kemm trid, anke jekk anke din qegħda tmut.
Folklor psewdo-Nisrani, kulturi li tant nimlew żaqqna bihom. Drawwiet...
Dwar Ġwanni l-Battista nafu ħafna fatti, imma jgħaddielna
minn moħħna li bil-Magħmudija li biha ġejna ngastati fi Kristu, magħmula parti
minn Ġismu, aħna ġejna mogħtiha
ż-żerriegħa tal-karattru ta’ Ġwanni? Kull
Nisrani, kull Nisrani li laqa’ l-Fidi, hu bħal Ġwanni bin Żakkarija, Prekursur
ta’ Kristu! Jiena, int, ilkoll li fuqna
niżel l-ilma tal-Ispirtu s-Santu, aħna Prekursuri tal-Mulej. Ma tistax tikber fil-Fidi mingħajr ma tħoss
fik Nar li jimbuttak biex tħejji t-triq għal Kristu fil-ħajja tan-nies ta’
madwarek. Mhux bil-kliem biss iżda anke
bix-xhieda tiegħek, billi tkun differenti, ma tibżax għal wiċċek fejn jidħol
Dak li tant ħabbek. Hawn tant mard
madwarna! Tant solitudni, tant
dippressjoni, tant biża’ mill-Mewt, tant pressjoni minn dinja li tiftaħar li hi
moderna imma li hi post ħafna iktar diffiċli biex tgħix fih minn dari, anke
jekk imdawrin bil-kumdità. Ġwanni ma
kienx hu li ġie biex ifejjaq lin-nies.
Ħafna iktar serja minn hekk hija l-qagħda tad-dinja! Kellu b’onn jinkarna Alla nnifsu fostna. Huwa Hu li jfejjaq. Huwa Hu li jbiddel qalb in-nies. Huwa Hu li jimliena bl-inbid tal-Festa
tat-Tieġ. Ġwanni ġie jħabbru minn
qabel. L-istess jagħmel kull Nisrani
veru: jħejji t-triq f’qalb in-nies biex jidħol Kristu u jagħlaq it-toqba li
minnha ħiereġ il-gas velenus li jeqridna.
Il-Magħmudija tibagħtna biex nixhdu għall-Mulej. Għax il-Magħmudija tfisser Mewt u Ħajja. Min għandu l-Magħmudija ta’ Kristu u fi
Kristu, għandu fih id-DNA ta’ proċess li matulu jmut il-bniedem il-qadim,
il-bniedem egoista, il-bniedem imwerwer mill-mewt għax ma jemminx b’Ħajja oħra,
il-bniedem li jgħidlek: “Illum xejn mhu xejn; aħna moderni.” Imut dan il-bniedem li jagħmel kemm irid
arja, imma jaf li hu qatt ma ħabb lil ħadd, biex minfloku jitwieled bniedem
jixbah lil Kristu! Xogħol tiegħek? Le! Kif qatt jista’ jkun. Dan hu xogħol Alla. Xogħol l-Ispirtu s-Santu. Għax li jmut mgħarraq
il-bniedem il-qadim fil-vaska tal-Magħmudija u jitwieled il-ġdid, dan hu
Miraklu kbir fuq li kbir. U Alla dan
irid iwettqu ma’ kull wieħed minna, imma, u hawn ġej il-bużilliss, lilna
ħalliena fil-libertà nagħżlu jekk irridux il-bniedem il-ġdid jew aħna komdi
bil-qadim. Agħżel int. Mingħajr l-“Iva!” mimlija fiduċja tiegħek, ma
jsir xejn.
Fi żmienna l-Istorja nbidlet. Il-Knisja tal-lum m’għadhiex il-Knisja ta’
sittin sena ilu. Malta mimlija nies li
trabbew f’kultura Nisranija imma li llum jippreferu ma jgħammdux lit-trabi
tagħhom għax jgħidulek: “Jaraw huma meta jikbru!” Hu misteru kif dan ġara f’ġenerazzjoni
waħda. Kien hemm struttura li dehret
soda daqs is-swar u llum jekk tagħfas b’sebgħek tinduna li huma swar
tal-karti! Imma Alla hu Sid l-Istorja. Kemm-il darba għaddiet minn dan
Ġerusalemm! Illum Alla jsejjaħ
lill-Knisja l-ġdida tiegħu, biex iddur lura lejn għeruqha biex terġa’ ssib
il-vera identita tagħha, lejn l-Atti tal-Appostli u ż-żmien primittiv tagħha
fejn kulma kienet tagħmel il-Knisja kien tippriedka li Kristu rebaħ il-Mewt, li
Kristu hu t-tweġiba waħdanija għall-inkwiet kollu tagħna, li min jemmen fiH u
jikber fiH bil-Magħmudija mhu se jmut qatt!
Anzi minn jittallab mingħand Alla l-Grazzja li jikber l-Ispirtu li
nagħtalu fil-Magħmudija, dan jidħol fil-Ħajja ta’ Dejjem ġa minn hawn. Għax il-Ħajja li Kristu jwegħedna mhix biss
għad-dinja l-oħra. Hemm tilħaq il-milja
tagħha. Imma d-dinja għandha bżonn tara
nies/xhieda li jġagħluha temmen li Kristu jiswa. Nies ‘Ħajjin’ tassew. Nies differenti li bl-atteġġjament tagħhom
iħajru u jiġbdu oħrajn lejn is-Salvazzjoni ta’ dejjem. Għalhekk hu mportanti li tidher Knisja
ferrieħa, Knisja umli imma li tgħaxxaq lil min isir jafha tassew. Ifirħu
lil Ġerusalemm, u thennew biha, intom ilkoll ħbieb tagħha! Aqbżu bil-ferħ, intom ilkoll li qsamtu swied
il-qalb magħha! Hekk intom terdgħu u
tixbgħu minn sider il-faraġ tagħha; terdgħu u titgħaxxqu minn sider is-sebħ tagħha. (Is. 66, 10-11). Il-ħalib li tagħtina l-Knisja hija
l-Kerigma, ix-xandira ta’ dak li Kristu wettaq għalina bil-Misteru tal-Għid
tiegħU.
Imma biex ikollna Fidi mibnija fuq il-blat, hemm bżonn li
nagħmlu esperjenza ta’ Alla biex Alla ma jibqax biss xi “Teorija” li tgħallimna
fuqha imma Xi Ħadd li ltqajna miegħU.
Abraham tgħallem jemmen fl-Istorja li għadda minnha, u bħalu Iżrael
ukoll bħala poplu. Għax Alla jkellimna
bil-ġrajja li nkunu għaddejjin minnha.
Importanti li jkollok x’tirrakkonta dwar Alla. Hu dan li jimpressjona n-nies, mhux
id-dommi. Is-Salm tal-lum jgħidilna: “Ejjew, isimgħu, u ngħidilkom, intom ilkoll
li tibżgħu minn Alla, ngħidilkom x’għamel miegħi!” (S. 65, 16).
Għax min
jesperjenzja l-Preżenza ta’ Alla f’Ħajtu ma jistax ma jitkellimx fuqU, ma
jagħmilx ħiltu biex ħaddieħor li jkun fid-dlam jara d-Dawl prezzjus. Jekk tikber il-Magħmudija fik, tibda tinduna
li l-Verità hi biss Alla u li l-Merti ta’ Kristu huma l-unika għana li għandu
bżonn il-bniedem. Għax barra minn Kristu
kollox frugħa u ġiri wara r-riħ. Kollox
jispiċċa ħlief min jikber fi Kristu.
Pawlu jgħid: “Ħuti;
ngħid għalija, ma jkun qatt li niftaħar jekk mhux bis-salib ta’ Sidna Ġesù
Kristu.” (Gal. 6, 14). Pawlu kien jaf li hu ma kien xejn, iżda
Kristu kien kollox. Hu kien tassew
il-Prekursur tiegħU, jiġri minn belt għal oħra jressaq lin-nies lejH u joqgħod
iħares u jara kif Kristu għandu
l-kapaċità jbiddel il-qlub. Nies pagani,
b’kultura pagana, isiru qaddisin mexjin fl-art minħabbba s-Setgħa ta’ Kristu li
taħdem fil-bnedmin. Għal Pawlu m’hemm xejn ta’ siwi ħlief li nkunu ħolqien
ġdid. (Gal. 6, 15). Kollox knis
ħdejn Kristu. U dan il-ħolqien ġdid, li
suppost nisimgħu ħafna iktar dwaru fil-knejjes tagħna, hija l-Magħmudija
mmaturata fina bil-Kelma, bl-Istorja li ngħaddu minnha, bis-Sagramenti,
bit-Talb.
L-Evanġelju tal-lum jurina kif Ġesù ġiegħel lid-dixxipli
tiegħu, tnejn u sebgħin wieħed, biex ikunu Prekursuri tiegħi billi jlestulu
l-qlub tan-nies biex Hu jkun jista’ jaħdem fihom. Il-Mulej
qabbad tnejn u sebgħin oħra u bagħathom tnejn tnejn qablu f’kull belt u post
fejn kien se jmur hu. (Lq. 10, 1). M’hemm l-ebda tama li aħna se naċċettaw
li nkunu Prekursuri tal-Mulej minn jeddna.
Mur ’l hemm! Aħna nafu Ġwanni
l-Prekursur kif spiċċa. Kristu jibgħatna
“bħal ħrief qal l-ilpup!” (Lq. 10, 3).
Dejjem ikun hemm min imieri lill-Prekursur, min jippersegwitah, min
jheddu biex jiskot, u kull tant minn ġol-Knisja stess! Tant li Ġesù ġagħalhom jisħtu l-bliet li ma
jilqgħuhomx! “Imma l-belt li fiha tidħlu u ma jilqgħukomx, oħorġu fil-pjazez tagħha,
u għidu, ‘Sat-trab ta’ beltkom infarfru minn ma’ riġlejna, u nħalluh
għalikom. Imma kunu afu dan: is-saltna
ta’ Alla waslet.’ Ngħidilkom li dak
il-jum ikun eħfef għal Sodoma milli għal dik il-belt.” (Lq. 10, 10-12).
Allura x’inhi dik il-ħaġa li jagħmilna tassew Prekursuri
ta’ Kristu, jgħidu li jridu n-nies?
L-Imħabba! L-Imħabba kollox! Mingħajr l-Imħabba xejn. Kollox bil-fors. Jasar reliġjuż. Le!
Hemm bżonn niskopru l-Imħabba.
Kif se nħobbu tassew lil Ġesù b’tali mod li nitilfu wiċċna man-nies
minħabba fiH? Billi nikopru, l-ewwel u
qabel kollox, kemm ħabbna Hu meta miet u rxoxta għalina. Ħadd ma jista’ jħobb lil Alla jekk qabel ma
jħossux maħbub minnU f’Ġesù Kristu.
L-Imħabba ta’ Alla murija fi Kristu Ġesù twelled fina Imħabba reċiproka,
Imħabba ġejja mill-istess Imħabba divina li wriena Kristu u li biha issa nkunu
nistgħu nħobbu lil Alla fuq kollox u lill-proxxmu bħalna nfusna. M’hemmx triq oħra.
Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:
Qari I
Se nifrex fuqha
s-sliem bħal xmara.
Iż 66:10-14ċ
Qari mill-Ktieb
tal-Profeta Iżaija
Ifirħu lil Ġerusalemm,
thennew biha,
intom ilkoll ħbieb tagħha!
Aqbżu bil-ferħ,
intom ilkoll li qsamtu swied il-qalb magħha!
Hekk intom terdgħu u tixbgħu
minn sider il-faraġ tagħha;
terdgħu u titgħaxxqu mis-sider mimli tagħha.
Għaliex dan jgħid il-Mulej:
“Arani! Se nifrex fuqha s-sliem bħal xmara,
u bħal xmara tfur il-ġid tal-ġnus.
U intom terdgħu u fuq id-dirgħajn tintrefgħu,
u jżiegħlu bikom fuq l-irkupptejn.
Bħalma omm tfarraġ lil binha,
hekk jiena nfarraġ lilkom
u f’Ġerusalemm titfarrġu.
Taraw u tifraħ qalbkom,
u għadamkom bħal ħaxix iħaddar;
u jagħrfu fil-qaddejja tiegħu id il-Mulej”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
Salm 65(66):1-3a,4-5,6-7a,16,20
R/.(1): Għajtu bil-ferħ lil Alla.
Għajtu bil-ferħ lil Alla,
bnedmin tad-dinja kollha;
għannu s-sebħ ta’ ismu,
xandru s-sebħ u t-tifħir tiegħu.
Għidu lil Alla: “Kemm int tal-biża’ f’għemilek!”. R/.
“L-art kollha tagħtik
qima,
tgħannilek u tgħanni lil ismek”.
Ejjew, araw l-għemejjel ta’ Alla;
tal-biża’ f’għemilu fost il-bnedmin. R/.
Biddel il-baħar f’art niexfa,
għaddew bil-mixi minn nofs ix-xmara.
Għalhekk, nifirħu bih!
Hu jsaltan bil-kobor tiegħu għal dejjem! R/.
Ejjew, isimgħu, u ngħidilkom,
intom ilkoll li tibżgħu minn Alla,
ngħidilkom x’għamel miegħi.
Imbierek Alla, li ma warrabx it-talba tiegħi;
ma warrabx minn fuqi t-tjieba tiegħu! R/.
Qari II
Jien inġib f’ġismi l-marki ta’ Kristu.
Gal 6:14-18
Għeluq tal-Ittra ta’
San Pawl Appostlu lill-Galatin
Ħuti, ngħid għalija, ma jkun qatt li niftaħar jekk
mhux bis-salib ta’ Sidna Ġesù Kristu, li bih id-dinja hi msallba għalija u jien
għad-dinja. Għaliex, biċ-ċirkonċiżjoni jew mingħajrha, xejn ma hemm ta’ siwi,
ħlief il-ħolqien ġdid. U dawk kollha li jimxu fuq din ir-regola, is-sliem u
l-ħniena fuqhom, u wkoll fuq Iżrael ta’ Alla. Mil-lum
’il quddiem ħadd ma għandu jħabbatni iżjed; jien inġib f’ġismi l-marki
ta’ Kristu. Il-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu tkun magħkom, ħuti. Amen.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Kol 3:15a,16a
Hallelujah. R/. Hallelujah.
Ħalli s-sliem ta’ Kristu jsaltan fi qlubkom;
ħalli l-kelma ta’
Kristu tgħammar sħiħa fikom.
R/. Hallelujah.
Evanġelju
Jistrieħ is-sliem tagħkom fuqu.
Lq 10:1-12,17-20
Qari mill-Evanġelju
skont San Luqa
F’dak iż-żmien, il-Mulej għażel tnejn u sebgħin
oħra u bagħathom tnejn tnejn qablu f’kull belt u post fejn kien se jmur hu. U
qalilhom: “Il-ħsad huwa kbir, imma l-ħaddiema ftit! Itolbu mela lil Sid il-ħsad
biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu! Morru: araw, qiegħed nibgħatkom bħal
ħrief qalb l-ilpup. Teħdux magħkom la but, la ħorġa u lanqas qrieq, u fit-triq
issellmu lil ħadd.
Fid-dar fejn tidħlu, l-ewwel għidu: ‘Is-sliem lil din
id-dar’. U jekk fiha jkun
hemm min iħobb is-sliem, jistrieħ is-sliem tagħkom fuqu; jekk le, it-tislima
tagħkom terġa’ lura għandkom. Ibqgħu għand dik il-familja, u kulu u ixorbu
milli jkollhom huma, għax il-ħaddiem ħaqqu ħlasu. Toqogħdux idduru minn familja
għal oħra. F’kull belt li fiha tmorru u jilqgħukom, kulu dak li jqegħdulkom
quddiemkom; fejqu l-morda li jkun hemm; u lin-nies għidulhom: ‘Is-Saltna ta’ Alla
waslitilkom’. Imma l-belt li fiha
tidħlu u ma jilqgħukomx, oħorġu fil-pjazez tagħha u għidu: ‘Sat-trab ta’ beltkom
infarfru minn ma’ riġlejna, u nħalluh għalikom. Imma kunu afu dan: is-Saltna
ta’ Alla waslet’. Ngħidilkom li dak
il-jum ikun eħfef għal Sodoma milli għal dik il-belt”.
It-tnejn u sebgħin reġgħu lura ferħana jgħidu:
“Mulej, ix-xjaten ukoll joqogħdu għalina minħabba f’ismek”. U hu qalilhom:
“Iva, jien kont narah lix-Xitan jaqa’ bħal berqa mis-sema. Araw, tajtkom
is-setgħa li tirfsu fuq sriep u skorpjuni u li tegħlbu kull qawwa tal-għadu u
ebda ħsara ma jagħmlulkom. Madankollu mhux b’dan ifirħu, li l-ispirti joqogħdu
għalikom, imma ifirħu għax għandkom isimkom miktub fis-smewwiet”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.
|