Thursday, 18 August 2022
           
Home
IL-HMISTAX-IL HADD MATUL IS-SENA (2022) MIN HU HAJ? DAK LI JHOBB L ALLA U L SIEHBU PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 09 July 2022

Din hija il-Liturgija  tal-Hmistax il-Hadd matul is-Sena (2022) bi hsibijiet min Joe Rapa.

sammaritan_tajjeb.jpg

 

Aktarx li l-iktar mistoqsija li tinteressana u li l-iktar tfisser it-tħannin profond ta’ kull bniedem hija: kif nistgħu ngħixu għal dejjem; x’nistgħu nagħmlu biex negħlbu l-Mewt fiżika u, bħal Alla nnifsu, ngħixu għal dejjem.  Għax m’hemmx dubju li din hija l-ikbar xewqa tal-bniedem: il-Ħajja għal dejjem.  Ir-reliġjonijiet u l-kulturi kollha pruvaw jitqabdu ma’ din il-mistoqsija, ittentaw jitkixxfu fid-dlam tal-Misteru dak li hemm moħbi lil hemm mix-xmara mudlama li tifred din l-eżistenza minn dak li hemm lil hinn minnha.  Hija l-kultura moderna tagħna, mwielda fil-filosofija tar-rivoluzzjoni Franċiża, li ċediet l-armi quddiem din il-mistoqsija.  Infatti hi l-ewwel kultura li temmen biss b’dak li tara u tisma’ hawn.  Għall-bniedem tal-lum, minn fejn ġie m’hemm xejn u fejn hu sejjer m’hemm xejn.  “Nieklu u nixorbu għax għada mmutu!”  

 

Iżda l-bniedem jibqa’ jagħmel din il-mistoqsija: “X’għandi nagħmel biex niret il-ħajja ta’ dejjem?”  (Lq. 10, 25).  Għax hu ċar li l-mudell ta’ bniedem li tippreżenta l-kultura tal-lum huwa fqir wisq.  Fil-bniedem hemm xi ħaġa misterjuża u mportanti ħafna: l-istint tiegħu, li jgħidlu li hu ikbar minn ġismu, li hu ma hux hawn b’kumbinazzjoni, li l-Ħajja tiegħu, l-Istorja tiegħu mhix daqshekk sempliċi daqs li gozz ċelluli ingħaqdu b’kumbinazzjoni ma’ xulxin u ġie hu, jimxi, jaħdem, jiekol, jikber fuq din il-pjaneta.  Kulma hemm fih jimbuttah biex jemmen li hemm pjan wara l-eżistenza tiegħu.  Li, anke jekk il-Ħajja taf tkun kiefra u traġika, hi rigal kbir, immens u ġiet maħluqa fih u għalih minn “Imħabba”, minn Xi Ħadd li  ma jistax ikun li jobogħdu, jew jaqa’ u jqum minnu, iżda li ħabbu.

 

Kull lingwa għandha kelma li tlissen l-Isem ta’ dan ix-“Xi Ħadd” li b’ilsienna nsejħulu “Alla”.  Ħadd ma jista’ jispjega l-Ħajja ħlief li ħarġet minn xi Esseri tal-għaġeb li aħna nsejħulu “Alla”.  Ix-Xjenza nnifisha timmuta u tgħid li xejn ma jisir minn xejn; il-Ħajja ma setgħetx tivvinta jew taħlaq lilha nnifisha.  Kollox beda minn xi Esseri li kien jeżisti qabel kollox.  Issa jekk “Alla” ħalaq kollox b’Imħabba, din l-Imħabba hi eterna bħalu, għax Alla ma jħobbx lil dak li għamel għal sebgħin, tmenin sena biss, iżda jibqa’ jħobbu dejjem.

 

Il-Mewt  daħlet fl-eżistenza għax il-bniedem iddubita mill-Imħabba u nqata’ minnha.  Il-bniedem jgħix sakemm hu maħbub.  Mingħajr l-Imħabba, jmut.  Fejn hemm l-Imħabba hemm il-Ħajja, fejn m’hemmx Imħabba hemm il-Mewt.  Alla hu l-Imħabba li ħalqet lili u lilek bi ħsieb.  Jekk ma nemmnux f’din l-Imħabba, hu naturali li ninqatgħu min-nifs tagħha u mmutu.  Nistgħu nibqgħu nibilgħu l-ossiġenu fiżiku, nieklu, norqdu, niġru u naqbżu kemm irridu – aħna mejta mingħajr l-Imħabba.  Kien għalhekk li darba Ġesù qal: “Ħalli l-mejtin jidfnu l-mejtin tagħhom.”  (Lq. 9, 60). 

 

Imma meta l-bniedem jemmen li hu maħbub eternament, għal dejjem, mill-ewwel qalbu taqbeż b’tama ġdida ta’ Ħajja eterna.  Hu biex jikkonvinċi l-bniedem dwar dan li l-Missier bagħat lil Ibnu fid-dinja, l-Inkarnazzjoni meraviljuża ta’ Alla, biex jirbaħ il-biża tal-Mewt  fil-bniedem u hekk jgħix fis-sigurtà qaddisa ta’ Salvazzjoni għal dejjem.  Min jinagħtalu li jiskopri, bi Grazzja, lil Kristu u dak kollu li Kristu akkwistalu, allura hu jibda jgħum fl-Imħabba bħalma ħuta tgħum fl-ilma.  L-iskoperta hienja tal-Imħabba ta’ Alla għalina murija fi Kristu Ġesù hi d-Dawl jiddi ta’ Ħajjitna, hi l-bidu tal-Ħajja vera, hi l-għana veru li ħdejh il-bqija hu knis.

 

Bi Kristu, l-bniedem tinbidillu n-natura tiegħu!  Dan hu tal-għaġeb.  Twelidna bnedmin xbiha ta’ Adam missierna, bl-istess natura miġbuda lejn l-egoiżmi kollha li tista’ ssemmi għax hi natura marida għall-Mewt.  Imma iktar ma l-Fidi tikxfilna l-kbir Misteru tal-Mewt u l-Qawmien ta’ Kristu, Misteru kollu kemm hu ndirizzat lejk u lejja, allura tikber fina natura xbiha ta’ Dak li rebaħ il-Mewt.  Tikber fina l-Magħmudija.  Niġu mħawlin fi Kristu li jgħix għal dejjem.  Kristu ma jmutx iktar u lanqas dawk li huma fiH.  Malli jinqered l-ispettru tal-Mewt, il-bniedem isir kapaċi jħobb għax l-Imħabba hija l-Ħajja u l-Ħajja  hija l-Imħabba.

 

Imma liema tip ta’ Mħabba?  L-Imħabba “Agapè”; l-Imħabba lejn l-ieħor hekk kif inhu bla ma tippretendi li jinbidel.  Din hi l-Imħabba li hi Alla; l-Imħabba li ħalqitna;  l-Imħabba li ma tippretendi xejn, imma tinagħta, tinagħta, tinagħta.  Int kapaċi tagħmlu dan jekk int fi Kristu.  Huwa Kristu fik li jħobb b’dan il-mod.  U aħna, b’mod misterjuż, nafu li dan it-tip ta’ Mħabba hu l-Verità, hu s-sens ta’ kollox.  “Għax il-kelma hi qrib tiegħek ħafna, tinsab fuq fommok u f’qalbek biex tobdiha.”  (Dewt. 30, 14).

 

Imma ħadd minna ma jista’ jagħmel “Kmandament” mill-Imħabba.  Din tkun kuntradizzjoni manja!  Ma tistax tħobb bil-fors għax hemm Kmandament.  Le!  Biex tħobb tassew trid tħobb b’mod ħieles u dan ħadd ma jafu daqs Alla li hu l-istess Imħabba.  Allura biex inħobbu bħal min ħabbna (Kristu), hemm bżonn inħallu lil Kristu jikber fina, nixtiequ li Kristu jikber fina, nitolbu biex Kristu jikber fina.  Il-Kristjaneżmu hu messaġġ ta’ Alla lil qalb il-bniedem, u l-qalb ma jikkmandaha ħadd!  Anke Alla li ħalaqha, halliha ħielsa!  Kollox jgħaddi imma l-Imħabba (il-qalb) tibqa’ għal dejjem.  “Issa hawn fidi, tama u mħabba, it-tlieta jibqgħu. Il-kbira fosthom l-imħabba.”  (1 Kor. 13, 13).

 

U biex ngħalqu bil-mistoqsija li bdejna biha:  x’irid jagħmel il-bniedem biex ikollu l-Ħajja għal dejjem? It-tweġiba tahielna Alla mill-qedem; insibuha fit-Torah tal-Lhud u jikkwotaha Kristu fil-Vanġeli.  Hi l-Fidi Lhudija u Kristjana miġbura fi frażi famuża magħrufa bħala ix-“Xemgħà”, kelma li ġejja mill-għerq “Isma’”:  “Isma’, O Iżrael: Alla tagħna l-Mulej, il-Mulej waħdu. Ħobb, mela, lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u b’saħħtek kollha!”  (Dewt. 6, 4-5).  Min għandu din l-Imħabba għand l-Ħajja għal dejjem.  U magħha matul iż-żmien żdiedet biċċa oħra li tikkumplementaha: “U lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek!”  (Lq. 10, 27).

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

Qari I

Il-Kelma hi qribek sewwa biex tagħmilha.

Dewt 30, 10-14

Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju

Mosè kellem lill-poplu u qal: “Il-Mulej jifraħ bik u jagħmel il-ġid miegħek, jekk int tisma’ l-kelma tal-Mulej, Alla tiegħek, u tħares l-ordnijiet tiegħu u l-liġijiet miktuba fil-ktieb ta’ din il-liġi; jekk terġa’ lejn il-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha u b’ruħek kollha. Din il-liġi li qiegħed nagħtik illum, mhijiex tqila għalik u anqasil bogħod minnek. Mhijiex fis-sema biex int tgħid: “Min se jitlgħalna s-sema jġibhielna u jsemmagħhielna u nagħmluha?”. U anqas ma hi ’l hemm mill-baħar biex int tgħid: “Min se jmur ’l hemm mill-ibħra u jġibhielna, u jsemmagħhielna, u nagħmluha?”. Imma din il-ħaġa hi qribek sewwa f’fommok u f’moħħok, biex tagħmilha”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 68 (69), 14 u 17. 30-31. 33-34. 36ab u 37

R/. (33): Tagħmlu l-qalb, intom li tfittxu lil Alla.

Jien lilek nitlob, Mulej;

meta jogħġbok, o Alla, weġibni,

fil-kobor ta’ tjubitek

u skont il-wegħda tas-salvazzjoni tiegħek.

Weġibni, Mulej, għax mill-aħjar tjubitek;

dur lejja fil-kobor tal-ħniena tiegħek. R/.

 

Imma jiena msejken u batut;

terfagħni, o Alla, is-salvazzjoni tiegħek!

Infaħħar l-isem ta’ Alla bl-għana,

inkabbru b’għana ta’ radd il-ħajr. R/.

 

Hekk jaraw l-imsejkna u jifirħu;

u tagħmlu l-qalb, intom li tfittxu lil Alla.

Għax jisma’ l-fqajrin il-Mulej,

ma jistmellx l-imjassrin tiegħu. R/.

 

Għax Alla jsalva ’l Sijon,

u jibni l-bliet ta’ Ġuda;

u huma jerġgħu lura u jgħammru fiha.

Jirtuha wlied il-qaddejja tiegħu;

dawk li jħobbu lil ismu joqogħdu fiha. R/.

jew

Salm Responsorjali

Salm 18, 8.9. 10.11

R/. (9a): Il-preċetti tal-Mulej dritti, u jferrħu l-qalb

Il-liġi tal-Mulej perfetta,

u tagħti l-ħajja;

ix-xhieda tal-Mulej hi sewwa,

u tgħallem lil min ma jafx. R/.

 

Il-preċetti tal-Mulej dritti,

u jferrħu l-qalb;

il-kmandament tal-Mulej safi,

u jdawwal l-għajnejn. R/.

 

Il-biża’ tal-Mulej sinċier,

u jibqa’ għal dejjem;

il-ġudizzji tal-Mulej sewwa,

u mseddqa għalkollox. R/.

 

Egħżeż mid-deheb,

mid-deheb l-aktar fin,

oħla mill-għasel

u mill-qtar tax-xehda. R/.

Qari II

Kollox bih u għalih kien maħluq.

Kol 1, 15-20

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Kolossin

Ħuti, Kristu hu x-xbieha ta’ Alla li ma jidhirx,

il-kbir fost il-ħlejjaq kollha;

għax fih kien maħluq kollox, fis-sema u fl-art,

dak kollu li jidher u dak kollu li ma jidhirx,

Troni u Ħakmiet, Prinċipati u Setgħat.

Kollox bih u għalih kien maħluq,

hu li hu qabel kollox,

u kollox fih qiegħed iżomm.

Hu r-Ras tal-Ġisem, li hu l-Knisja.

Hu li hu l-bidu, il-kbir li qam mill-imwiet,

sabiex ikun hu l-ewwel f’kollox.

Hekk Alla għoġbu li tgħammar fih il-milja kollha;

bih Alla għoġbu jerġa’ jħabbeb kollox miegħu;

bid-demm tiegħu, imxerred fuq is-salib,

ġieb is-sliem permezz tiegħu fis-sema u fl-art.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 6, 63ċ. 68ċ

Hallelujah. R/. Hallelujah

Il-kliem tiegħek Mulej, huwa spirtu u ħajja:

Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Il-proxxmu tiegħi min hu?

Lq 10, 25-37

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, iqum wieħed għaref fil-Liġi u, biex iġarrab lil Ġesù, staqsieh: “Mgħallem, x’nagħmel biex niret il-ħajja ta’ dejjem?”. Qallu Ġesù: “Fil-Liġi x’hemm miktub? Inti x’taqra fiha?”. U dak wieġeb: “Int għandek tħobb il-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, u b’ruħek kollha, bil-qawwa tiegħek kollha, u b’moħħok kollu, u lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek”.

 

Qallu Ġesù: “Sewwa weġibt; agħmel hekk u tgħix”. Iżda dak, biex juri li kellu raġun, qal lil Ġesù: “U l-proxxmu tiegħi min hu?”. U Ġesù raġa’ qabad jgħidlu: “Wieħed raġel kien nieżel Ġeriko minn Ġerusalemm, u waqa’ f’idejn il-ħallelin; dawn neżżgħuh, biċċruh bis-swat u telqu, u ħallewh nofsu mejjet. Inzerta kien nieżel qassis minn dik it-triq u rah, għadda minn mal-ġenb u baqa’ sejjer. Hekk ukoll wieħed levita, meta wasal hemm u rah, għadda minn mal-ġenb u baqa’ sejjer. Imma kien għaddej minn hemm wieħed Samaritan, wasal ħdejh, rah u tħassru. Resaq lejh, dewwielu l-ġrieħi biż-żejt u l-inbid u rabathomlu, u mbagħad tellgħu fuq il-bhima tiegħu, wasslu f’lukanda u ħa ħsiebu. L-għada ħareġ biċċtejn flus, tahom lil tal-lukanda u qallu: “Ħu ħsiebu; jekk tonfoq xi ħaġa iżjed, irroddhielek jien meta nerġa’ ngħaddi”. Minn dawn it-tlieta, int min jidhirlek li ġieb ruħu ta’ proxxmu ma’ dak li waqa’ f’idejn il-ħallelin?”. “Min ħenn għalih”, wieġbu dak. Qallu Ġesù: “Mur, u agħmel hekk int ukoll”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

 
< Prev   Next >