Din
hija il-Liturgija tal-Hmistax il-Hadd matul is-Sena (2022) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Aktarx li l-iktar
mistoqsija li tinteressana u li l-iktar tfisser it-tħannin profond ta’ kull
bniedem hija: kif nistgħu ngħixu għal dejjem; x’nistgħu nagħmlu biex negħlbu
l-Mewt fiżika u, bħal Alla nnifsu, ngħixu għal dejjem. Għax m’hemmx dubju li din hija l-ikbar xewqa
tal-bniedem: il-Ħajja għal dejjem.
Ir-reliġjonijiet u l-kulturi kollha pruvaw jitqabdu ma’ din
il-mistoqsija, ittentaw jitkixxfu fid-dlam tal-Misteru dak li hemm moħbi lil
hemm mix-xmara mudlama li tifred din l-eżistenza minn dak li hemm lil hinn
minnha. Hija l-kultura moderna tagħna,
mwielda fil-filosofija tar-rivoluzzjoni Franċiża, li ċediet l-armi quddiem din
il-mistoqsija. Infatti hi l-ewwel
kultura li temmen biss b’dak li tara u tisma’ hawn. Għall-bniedem tal-lum, minn fejn ġie m’hemm
xejn u fejn hu sejjer m’hemm xejn. “Nieklu u nixorbu għax għada mmutu!”
Iżda l-bniedem
jibqa’ jagħmel din il-mistoqsija: “X’għandi
nagħmel biex niret il-ħajja ta’ dejjem?”
(Lq. 10, 25). Għax hu ċar li
l-mudell ta’ bniedem li tippreżenta l-kultura tal-lum huwa fqir wisq. Fil-bniedem hemm xi ħaġa misterjuża u
mportanti ħafna: l-istint tiegħu, li jgħidlu li hu ikbar minn ġismu, li hu ma
hux hawn b’kumbinazzjoni, li l-Ħajja tiegħu, l-Istorja tiegħu mhix daqshekk
sempliċi daqs li gozz ċelluli ingħaqdu b’kumbinazzjoni ma’ xulxin u ġie hu,
jimxi, jaħdem, jiekol, jikber fuq din il-pjaneta. Kulma hemm fih jimbuttah biex jemmen li hemm
pjan wara l-eżistenza tiegħu. Li, anke
jekk il-Ħajja taf tkun kiefra u traġika, hi rigal kbir, immens u ġiet maħluqa
fih u għalih minn “Imħabba”, minn Xi Ħadd li
ma jistax ikun li jobogħdu, jew jaqa’ u jqum minnu, iżda li ħabbu.
Kull lingwa għandha
kelma li tlissen l-Isem ta’ dan ix-“Xi Ħadd” li b’ilsienna nsejħulu
“Alla”. Ħadd ma jista’ jispjega l-Ħajja
ħlief li ħarġet minn xi Esseri tal-għaġeb li aħna nsejħulu “Alla”. Ix-Xjenza nnifisha timmuta u tgħid li xejn ma
jisir minn xejn; il-Ħajja ma setgħetx tivvinta jew taħlaq lilha nnifisha. Kollox beda minn xi Esseri li kien jeżisti
qabel kollox. Issa jekk “Alla” ħalaq
kollox b’Imħabba, din l-Imħabba hi eterna bħalu, għax Alla ma jħobbx lil dak li
għamel għal sebgħin, tmenin sena biss, iżda jibqa’ jħobbu dejjem.
Il-Mewt daħlet fl-eżistenza għax il-bniedem iddubita
mill-Imħabba u nqata’ minnha. Il-bniedem
jgħix sakemm hu maħbub. Mingħajr
l-Imħabba, jmut. Fejn hemm l-Imħabba
hemm il-Ħajja, fejn m’hemmx Imħabba hemm il-Mewt. Alla hu l-Imħabba li ħalqet lili u lilek bi
ħsieb. Jekk ma nemmnux f’din l-Imħabba,
hu naturali li ninqatgħu min-nifs tagħha u mmutu. Nistgħu nibqgħu nibilgħu l-ossiġenu fiżiku,
nieklu, norqdu, niġru u naqbżu kemm irridu – aħna mejta mingħajr
l-Imħabba. Kien għalhekk li darba Ġesù
qal: “Ħalli l-mejtin jidfnu l-mejtin
tagħhom.” (Lq. 9, 60).
Imma meta l-bniedem
jemmen li hu maħbub eternament, għal dejjem, mill-ewwel qalbu taqbeż b’tama
ġdida ta’ Ħajja eterna. Hu biex
jikkonvinċi l-bniedem dwar dan li l-Missier bagħat lil Ibnu fid-dinja, l-Inkarnazzjoni
meraviljuża ta’ Alla, biex jirbaħ il-biża tal-Mewt fil-bniedem u hekk jgħix fis-sigurtà qaddisa
ta’ Salvazzjoni għal dejjem. Min
jinagħtalu li jiskopri, bi Grazzja, lil Kristu u dak kollu li Kristu
akkwistalu, allura hu jibda jgħum fl-Imħabba bħalma ħuta tgħum fl-ilma. L-iskoperta hienja tal-Imħabba ta’ Alla
għalina murija fi Kristu Ġesù hi d-Dawl jiddi ta’ Ħajjitna, hi l-bidu tal-Ħajja
vera, hi l-għana veru li ħdejh il-bqija hu knis.
Bi Kristu,
l-bniedem tinbidillu n-natura tiegħu!
Dan hu tal-għaġeb. Twelidna
bnedmin xbiha ta’ Adam missierna, bl-istess natura miġbuda lejn l-egoiżmi
kollha li tista’ ssemmi għax hi natura marida għall-Mewt. Imma iktar ma l-Fidi tikxfilna l-kbir Misteru
tal-Mewt u l-Qawmien ta’ Kristu, Misteru kollu kemm hu ndirizzat lejk u lejja,
allura tikber fina natura xbiha ta’ Dak li rebaħ il-Mewt. Tikber fina l-Magħmudija. Niġu mħawlin fi Kristu li jgħix għal
dejjem. Kristu ma jmutx iktar u lanqas
dawk li huma fiH. Malli jinqered
l-ispettru tal-Mewt, il-bniedem isir kapaċi jħobb għax l-Imħabba hija l-Ħajja u
l-Ħajja hija l-Imħabba.
Imma liema tip ta’
Mħabba? L-Imħabba “Agapè”; l-Imħabba lejn
l-ieħor hekk kif inhu bla ma tippretendi li jinbidel. Din hi l-Imħabba li hi Alla; l-Imħabba li
ħalqitna; l-Imħabba li ma tippretendi
xejn, imma tinagħta, tinagħta, tinagħta.
Int kapaċi tagħmlu dan jekk int fi Kristu. Huwa Kristu fik li jħobb b’dan il-mod. U aħna, b’mod misterjuż, nafu li dan it-tip
ta’ Mħabba hu l-Verità, hu s-sens ta’ kollox.
“Għax il-kelma hi qrib tiegħek
ħafna, tinsab fuq fommok u f’qalbek biex tobdiha.” (Dewt. 30, 14).
Imma ħadd minna ma
jista’ jagħmel “Kmandament” mill-Imħabba.
Din tkun kuntradizzjoni manja! Ma
tistax tħobb bil-fors għax hemm Kmandament.
Le! Biex tħobb tassew trid tħobb
b’mod ħieles u dan ħadd ma jafu daqs Alla li hu l-istess Imħabba. Allura biex inħobbu bħal min ħabbna (Kristu),
hemm bżonn inħallu lil Kristu jikber fina, nixtiequ li Kristu jikber fina,
nitolbu biex Kristu jikber fina.
Il-Kristjaneżmu hu messaġġ ta’ Alla lil qalb il-bniedem, u l-qalb
ma jikkmandaha ħadd! Anke Alla li
ħalaqha, halliha ħielsa! Kollox jgħaddi
imma l-Imħabba (il-qalb) tibqa’ għal dejjem.
“Issa hawn fidi, tama u mħabba,
it-tlieta jibqgħu. Il-kbira fosthom l-imħabba.”
(1 Kor. 13, 13).
U biex ngħalqu
bil-mistoqsija li bdejna biha: x’irid
jagħmel il-bniedem biex ikollu l-Ħajja għal dejjem? It-tweġiba tahielna Alla
mill-qedem; insibuha fit-Torah tal-Lhud u jikkwotaha Kristu fil-Vanġeli. Hi l-Fidi Lhudija u Kristjana miġbura fi
frażi famuża magħrufa bħala ix-“Xemgħà”, kelma li ġejja mill-għerq
“Isma’”: “Isma’, O Iżrael: Alla tagħna l-Mulej, il-Mulej waħdu. Ħobb, mela,
lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u b’saħħtek
kollha!” (Dewt. 6, 4-5). Min għandu din l-Imħabba għand l-Ħajja
għal dejjem. U magħha matul iż-żmien
żdiedet biċċa oħra li tikkumplementaha: “U
lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek!”
(Lq. 10, 27).
Il-Liturġija
tal-Kelma tal-lum:
Qari I
Il-Kelma hi qribek sewwa biex tagħmilha.
Dewt 30, 10-14
Qari mill-Ktieb
tad-Dewteronomju
Mosè kellem lill-poplu u qal: “Il-Mulej jifraħ bik
u jagħmel il-ġid miegħek, jekk int tisma’ l-kelma tal-Mulej, Alla tiegħek, u
tħares l-ordnijiet tiegħu u l-liġijiet miktuba fil-ktieb ta’ din il-liġi; jekk
terġa’ lejn il-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha u b’ruħek kollha. Din
il-liġi li qiegħed nagħtik illum, mhijiex tqila għalik u anqas
’il bogħod minnek. Mhijiex fis-sema biex int tgħid: “Min se jitlgħalna
s-sema jġibhielna u jsemmagħhielna u nagħmluha?”. U anqas ma hi ’l
hemm mill-baħar biex int tgħid: “Min se jmur ’l hemm mill-ibħra u jġibhielna, u
jsemmagħhielna, u nagħmluha?”. Imma din il-ħaġa hi
qribek sewwa f’fommok u f’moħħok, biex tagħmilha”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 68 (69), 14 u 17. 30-31. 33-34. 36ab u 37
R/. (33): Tagħmlu l-qalb, intom li tfittxu lil
Alla.
Jien lilek nitlob, Mulej;
meta jogħġbok, o Alla, weġibni,
fil-kobor ta’ tjubitek
u skont il-wegħda tas-salvazzjoni tiegħek.
Weġibni, Mulej, għax mill-aħjar tjubitek;
dur lejja fil-kobor tal-ħniena tiegħek. R/.
Imma jiena msejken u batut;
terfagħni, o Alla, is-salvazzjoni tiegħek!
Infaħħar l-isem ta’ Alla bl-għana,
inkabbru b’għana ta’ radd il-ħajr. R/.
Hekk jaraw l-imsejkna u jifirħu;
u tagħmlu l-qalb, intom li tfittxu lil Alla.
Għax jisma’ l-fqajrin il-Mulej,
ma jistmellx l-imjassrin tiegħu. R/.
Għax Alla jsalva ’l Sijon,
u jibni l-bliet ta’ Ġuda;
u huma jerġgħu lura u jgħammru fiha.
Jirtuha wlied il-qaddejja tiegħu;
dawk li jħobbu lil ismu joqogħdu fiha. R/.
jew
Salm Responsorjali
Salm 18, 8.9. 10.11
R/. (9a): Il-preċetti tal-Mulej dritti, u jferrħu
l-qalb
Il-liġi tal-Mulej perfetta,
u tagħti l-ħajja;
ix-xhieda tal-Mulej hi sewwa,
u tgħallem lil min ma jafx. R/.
Il-preċetti tal-Mulej dritti,
u jferrħu l-qalb;
il-kmandament tal-Mulej safi,
u jdawwal l-għajnejn. R/.
Il-biża’ tal-Mulej sinċier,
u jibqa’ għal dejjem;
il-ġudizzji tal-Mulej sewwa,
u mseddqa għalkollox. R/.
Egħżeż mid-deheb,
mid-deheb l-aktar fin,
oħla mill-għasel
u mill-qtar tax-xehda. R/.
Qari II
Kollox bih u għalih kien maħluq.
Kol 1, 15-20
Qari mill-Ittra ta’
San Pawl Appostlu lill-Kolossin
Ħuti, Kristu hu x-xbieha ta’ Alla li ma jidhirx,
il-kbir fost il-ħlejjaq kollha;
għax fih kien maħluq kollox, fis-sema u fl-art,
dak kollu li jidher u dak kollu li ma jidhirx,
Troni u Ħakmiet, Prinċipati u Setgħat.
Kollox bih u għalih kien maħluq,
hu li hu qabel kollox,
u kollox fih qiegħed iżomm.
Hu r-Ras tal-Ġisem, li hu l-Knisja.
Hu li hu l-bidu, il-kbir li qam mill-imwiet,
sabiex ikun hu l-ewwel f’kollox.
Hekk Alla għoġbu li tgħammar fih il-milja kollha;
bih Alla għoġbu jerġa’ jħabbeb kollox miegħu;
bid-demm tiegħu, imxerred fuq is-salib,
ġieb is-sliem permezz tiegħu fis-sema u fl-art.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 6, 63ċ. 68ċ
Hallelujah. R/. Hallelujah
Il-kliem tiegħek Mulej, huwa spirtu u ħajja:
Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Il-proxxmu tiegħi min hu?
Lq 10, 25-37
Qari mill-Evanġelju
skont San Luqa
F’dak iż-żmien, iqum wieħed għaref fil-Liġi u, biex
iġarrab lil Ġesù, staqsieh: “Mgħallem, x’nagħmel biex niret il-ħajja ta’
dejjem?”. Qallu Ġesù:
“Fil-Liġi x’hemm miktub? Inti x’taqra fiha?”. U dak wieġeb: “Int
għandek tħobb il-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, u b’ruħek kollha,
bil-qawwa tiegħek kollha, u b’moħħok kollu, u lill-proxxmu tiegħek bħalek
innifsek”.
Qallu Ġesù: “Sewwa weġibt; agħmel hekk u tgħix”.
Iżda dak, biex juri li kellu raġun, qal lil Ġesù: “U l-proxxmu tiegħi min hu?”. U Ġesù raġa’ qabad
jgħidlu: “Wieħed raġel kien nieżel Ġeriko minn Ġerusalemm, u waqa’ f’idejn
il-ħallelin; dawn neżżgħuh, biċċruh bis-swat u telqu, u ħallewh nofsu mejjet.
Inzerta kien nieżel qassis minn dik it-triq u rah, għadda minn mal-ġenb u baqa’
sejjer. Hekk ukoll wieħed levita, meta wasal hemm u rah, għadda minn mal-ġenb u
baqa’ sejjer. Imma kien għaddej minn hemm wieħed Samaritan, wasal ħdejh, rah u
tħassru. Resaq lejh, dewwielu l-ġrieħi biż-żejt u l-inbid u rabathomlu, u
mbagħad tellgħu fuq il-bhima tiegħu, wasslu f’lukanda u ħa ħsiebu. L-għada ħareġ
biċċtejn flus, tahom lil tal-lukanda u qallu: “Ħu ħsiebu; jekk tonfoq xi ħaġa
iżjed, irroddhielek jien meta nerġa’ ngħaddi”. Minn dawn it-tlieta, int min
jidhirlek li ġieb ruħu ta’ proxxmu ma’ dak li waqa’ f’idejn il-ħallelin?”.
“Min ħenn għalih”, wieġbu dak. Qallu Ġesù: “Mur, u agħmel hekk int
ukoll”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
|