Din
hija il-Liturgija tas-Sittax il-Hadd matul is-Sena (2022) bi hsibijiet min Joe Rapa.
L-akkoljenza hija
marka tan-Nisrani li mexa ’l quddiem fil-Fidi.
‘Akkoljenza’ tfisser li tilqa’ għandek lil min ma tafux għax
barrani. Tilqgħu f’pajjiżek, saħansitra
f’darek jekk ikun hemm bżonn, u ma tħalliħx jorqod barra fit-triq. Il-bniedem li jifraħ meta jilqa’ għandu lil
min hu fil-bżonn, hu bniedem għal qalb Alla.
In-Nisrani hu
dejjem akkoljenti għax għandu d-dixxerniment li jiġi mill-Ispirtu s-Santu.
Ikollok id-dixxerniment ifisser li inti ‘tara’ dak li ħaddieħor ma jarax. Dan hu don kbir tal-Ispirtu s-Santu, u ma
jistax jeżisti bniedem ta’ Fidi mingħajr ma jkollu wkoll id-dixxerniment. Id-dixxerniment jgħin lil dak li jkun li jara
lil Kristu fil-bniedem barrani, ta’ razza oħra u kulur differenti, li jinsab
miexi b’rasu baxxuta, waħdu, ’il bogħod minn pajjiżu u minn dawk li jħobb u
jħobbuh. Min għandu għajnejn ta’ Fidi,
għajnejn imdawla mill-Fidi, jagħraf lil Kristu batut f’dan il-bniedem. Wara kollox anke Ġesù, f’ġuf ommu, ma laqgħu
ħadd minn belt sħiħa, u laqgħuh l-annimali ta’ kamra f’razzett, meta deher
fid-dinja fi twelidu. X’oxxenità! Dak li ħalaq l-univers sab il-bibien magħluqa
għax ħadd ma kellu għajnejn jaraw tassew.
Ħadd ma kellu dixxerniment. Ħadd
ma kellu akkoljenza. Ħadd ma stmaH.
Bniedem b’
‘għajnejn’ differenti mill-bqija kien Abraham.
Hu veru li l-popli tal-Lvant huma ħafna, ħafna iktar akkoljenti minna u
jilqgħu min qalbhom lill-barrani. Hija
tradizzjoni fil-kultura tagħhom. Jista’
jkun li qed jitilfuha din, iktar kemm, minħabba l-globalizzazzjoni, qed isiru
jixbħu lilna, il-‘moderni’ tal-Punent.
F’mument ċentrali tal-Istorja ta’ ħajtu, Abraham jiltaqa’ ma’ Alla li
ġie għandu fil-persuni ta’ tliet stranġieri li kienu għaddejjin minn ħdejn
l-akkampament tiegħu. Abraham ħares
lejhom u ‘ra’. Malli rahom mar jiġri jilqagħhom mill-bieb tal-għarix u nxteħet wiċċu
fl-art quddiemhom. U qal: “Sidi, jekk
jien sibt ħniena f’għajnejk, tibqax għaddej minn quddiem il-qaddej
tiegħek. Ħa nġib ftit ilma u aħslu
riġlejkom, u strieħu taħt is-siġra, sakemm inġibilkom gidma ħobż biex titrejqu.” (Ġen. 18, 2-5).
Abraham, bniedem
dejjem jishar għal Alla, induna li kien fil-Preżenza qaddisa ta’ Dak li ħalaq
kollox. Illum qed ngħixu ħajja aljenata
wisq! Kif se jinduna l-bniedem jekk
jgħaddi Alla minn quddiemu? Dan kien il-biża’ ewlieni ta’ Santu
Wistin. Kien jgħid: “Jiena nibża’ li
jgħaddi l-Mulej minn quddiemi u ma nintebaħx!”
Għax il-Mulej dejjem jgħaddi biex isawwab il-Grazzja. Li Abraham qallu li l-istennija twila tiegħu
kienet waslet fi tmiemha u li sa sena wara kien se jkollu l-iben li tant
xtaq. Kemm grazzji jintilfu, kemm għerf,
kemm dawl li jissawwab minn Alla għalxejn għax dak li jkun ikun qed jgħodd
il-muniti tiegħu, jew jilgħab bil-ġugarelli, jew jgħajjat biex jisimgħuh
in-nies!
Il-Griegi kellhom
storja ħelwa biex jiddiskrivu mument importanti ħafna li fuqu ddur Ħajjitna u
li aħna lanqas biss nindunaw bih. Kienu
jgħidu l-Griegi l-antiki li hemm raġel xih jgħix ġo għar li kienu jgħidulu
l-‘Kajros’. Kellu rasu qargħaja ħlief
għal tliet beżbużiet biss. Ħafna kienu joqogħdu għassa mal-bokka tal-għar għax
darba kull tant, rari ħafna, dan ix-xiħ kien joħroġ jiġri u n-nies kienet
temmen li min ikun attent u jaħtaflu t-tliet beżbużiet li kellu f’rasu, xorti
tajba mmens kienet taqa’ fuqu. Ftit
ħafna kienu dawk l-ixxurtjati għax għalkemm ħafna kienu joqogħdu jistennewh
ħdejn l-għar, xorta kienu jaljenaw ruħhom... min ipaċpaċ fuq il-ħmerijiet, min
iħares lejn l-art, min jorqod...
It-Talb jgħinna
nistennew ‘il-Kajros’ li jgħaddi minn quddiemna f’daqqa. Huwa l-mument tal-Grazzja. Ħafna nies iltaqgħu mal-‘anġli’ ta’ Alla meta
waqfu jkellmu lil xi wieħed barrani fit-triq.
Pawlu kien jiġri minn belt stranġiera għal oħra, jgħarrex biex jara min
kien se jilqa’ l-Aħbar ta’ Kristu li kien qed iġorr. Fih, Malta rat il-‘Kajros’ li semmejna. Ħatfitu u rċeviet it-Teżor li mmarkalha
l-Istorja tagħha.
Kristu daħal għand
Marta u Marija. Minnhom it-tnejn, waħda
rat fiH bniedem li kellu jiġi milqugħ u moqdi skont it-tradizzjonijiet
tal-akkoljenza ta’ pajjiżha, imma l-oħra ndunat li hawn kienet qegħda
fil-Preżenza tal-‘Kajros’, ta’ Dak li kien se jibdlilha Ħajjitha kollha
mill-qiegħ nett. Waħda kompliet
b’xogħolha, u l-oħra stmat kollox bħala knis ħdejn il-qliegħ immens li hemm f’illi
tagħraf il-mument li fih Alla kien għaddej minn Ħajjitha. Waħda ħatfet
il-mument, u l-oħra baqgħet tgerger bit-toqol ta’ din il-Ħajja. Min jaf kemm-il darba ġralna dan lilna bla ma
biss indunajna!
Il-Liturġija
tal-Kelma tal-lum:
Qari I
Tibqax għaddej minn quddiem il-qaddej tiegħek.
Ġen 18:1-10a
Qari mill-Ktieb
tal-Ġenesi
F’dak iż-żmien, il-Mulej deher lil Abraham ħdejn
il-ballut ta’ Mamri; u hu kien fil-bieb tal-għarix fl-aqwa tas-sħana tal-jum. U
rafa’ għajnejh u ħares, u ra tlitt irġiel weqfin quddiemu; u malli rahom mar
jiġri jilqagħhom mill-bieb tal-għarix u nxteħet wiċċu fl-art quddiemhom. U qal:
“Sidi, jekk jien sibt ħniena f’għajnejk, tibqax għaddej minn quddiem il-qaddej
tiegħek. Ħa nġib ftit ilma u aħslu riġlejkom, u strieħu taħt is-siġra, sakemm
inġibilkom gidma ħobż, biex titrejqu,
imbagħad tibqgħu sejrin – għax għalhekk għaddejtu għand il-qaddej tagħkom”. U
huma qalulu: “Tajjeb, agħmel kif għedt”.
U Abraham ħaffef lejn l-għarix, ħdejn Sara, u
qalilha: “Fittex lesti tliet sigħan smid, agħġnu u agħmlu ftajjar”. U Abraham
mar jiġri ħdejn il-baqar u ħa għoġol tari u sabiħ, u tah lill-qaddej; u dan
fittex ilestih. U ħa l-baqta u l-ħalib u l-għoġol li kien lesta, u qegħedhom
quddiemhom. U hu baqa’ bilwieqfa quddiemhom taħt is-siġra, u huma bdew jieklu.
U staqsewh: “Fejn hi Sara, martek?”. U hu weġibhom: “Hemm
fl-għarix”. U qallu: “Nerġa’ niġi għandek bħal dan iż-żmien sena, u ara, Sara
martek ikollha iben”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
Salm 14(15):2-3ab,3ċd-4ab,5
R/.(1a): Mulej, min jgħammar fid-dar tiegħek?
Min jgħix bla ħtija u jagħmel it-tajjeb,
min jgħid is-sewwa f’qalbu;
min ma jqassasx bi lsienu. R/.
Min ma jagħmilx deni lil ġaru,
u ma jgħajjarx lil għajru;
min ma jistmax lill-bniedem ħażin,
imma jweġġaħ lil dawk li jibżgħu mill-Mulej. R/.
Min jislef u ma jitlobx imgħax,
u ma jixxaħħamx kontra min hu bla ħtija.
Min jagħmel dan qatt ma jitħarrek. R/.
Qari II
Il-misteru li kien moħbi, issa hu mgħarraf.
Kol 1:24-28
Qari mill-Ittra ta’
San Pawl Appostlu lill-Kolossin
Ħuti, jien issa nifraħ bit-tbatijiet tiegħi
minħabba fikom, għaliex bihom jiena ntemm f’ġismi dak li jonqos mit-tbatijiet
ta’ Kristu għall-ġisem tiegħu li hu l-Knisja. Tagħha jiena sirt ministru, skont
ma tani nagħmel Alla għalikom, jiġifieri li nxandar b’mod sħiħ il-Kelma ta’
Alla, il-misteru li kien moħbi sa miż-żminijiet u l-ġenerazzjonijiet kollha, u
li issa hu mgħarraf lill-qaddisin tiegħu. Lil dawn Alla ried jgħarrafhom kemm
huwa kbir l-għana tal-glorja ta’ dan il-misteru fost il-pagani: Kristu hu
fikom, it-tama tal-glorja tagħkom. Lilu aħna nħabbru lill-bnedmin kollha, u
nwissu u ngħallmu lil kulħadd bl-għerf kollu biex inwasslu lil kull bniedem
għall-perfezzjoni fi Kristu.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Lq 8:15
Hallelujah. R/. Hallelujah.
Henjin dawk li jisimgħu l-kelma
b’qalb tajba u sinċiera,
jgħożżuha, u jagħmlu l-frott billi jżommu sħiħ.
R/. Hallelujah.
Evanġelju
Marta laqgħetu għandha. Marija għażlet l-aħjar sehem.
Lq 10:38-42
Qari mill-Evanġelju
skont San Luqa
F’dak iż-żmien, Ġesù daħal f’raħal, u laqgħetu
għandha waħda mara jisimha Marta. Din kellha oħtha, jisimha Marija, li niżlet
bilqiegħda f’riġlejn il-Mulej tisimgħu x’kien qiegħed jgħid. Iżda Marta kienet
moħħha fuq il-ħafna xogħol tad-dar. Imbagħad resqet u qaltlu: “Mulej, m’intix
tara kif oħti ħalliet ix-xogħol kollu fuqi biss? Mela għidilha taqbad tagħmel
xi ħaġa miegħi”. Qabeż il-Mulej u qalilha: “Marta, Marta! Inti taħseb wisq u
tinkwieta fuq ħafna ħwejjeġ; imma waħda hi meħtieġa. U Marija għażlet l-aħjar
sehem, li ma jitteħdilhiex”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.
|