Thursday, 18 August 2022
           
Home
IS-SBATAX-IL HADD MATUL IS-SENA (2022) AHNA MEDJATURI GHAD-DINJA QUDDIEM ALLA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 23 July 2022

Din hija il-Liturgija  tas-Sbatax il-Hadd matul is-Sena (2022) bi hsibijiet min Joe Rapa.

bpfsp_3.jpg

 

Il-ħażin, il-kattiv, il-midneb stinat, in-nagħġa li ħarbet mill-merħla għax ħasbet li tkun aħjar fl-isfrattu tad-dinja, id-dinja nnifisha għandha bżonn, għandhom bżonn dawn l-aħwa min jidħol għalihom b’Talba ħerqana quddiem Alla.  Minħabba l-qagħda miġbuda għat-taħsir u l-ħażen li tagħha aħna lkoll vittmi, ilkoll għandna bżonn min jidħol għalina quddiem il-Missier biex it-tjieba tiegħu tpatti għan-nuqqas ta’ tjieba tagħna; biex it-Talba tiegħu tpatti għall-inkapaċità tat-Talba fqira tagħna. 

 

Abraham kien xbieha ta’ dan il-Medjatur.  Hu jindaħal bejn Alla u d-dinja korrotta, ivvizzjata, li kienet temmen li hienja huma dawk li jgħakksu lil ħaddieħor, li jabbużaw minn ħaddieħor, li jagħmlu li jridu għax huma ‘alla’.  Dan kollu għadu madwarna, iżda fi żmien Abraham, l-epiċentru ta’ ħażen il-bniedem kienu l-ħamest ibliet ta’ maġenb il-Baħar il-Mejjet: Sodoma, Gomorrah, Admah, Żeboim u Żoara.  Fuqhom kienet riesqa l-isplużjoni tal-qilla ta’ Alla u malli Abraham sar jaf b’dan, hu ħass qalbu titqanqal għall-bluha tal-bniedem u jidħol fi speċi ta’ taqtiegħa ma’ Alla biex jipprova “jixtri” l-Maħfra.  Dan ir-rakkont ħelu ta’ Abraham li jipprova jiddefendi kawża mitlufa insibuh fl-Ewwel Qari tal-lum. 

 

 

Abraham il-Ġust jgħolli Talba Saċerdotali f’isem il-midinbin u hekk isir xbiha tan-Nisrani adult li bil-Magħmudija ħajja li tinsab fih huwa mmarkat biex jidħol għad-dinja, biex jagħti togħma lid-dinja bħalma l-melħ jagħti togħma lill-borma.  Fir-rakkont tal-lum naqraw li Alla jgħid: “Ma neqridhiex minħabba l-għaxra.”  Imma n-Nisrani jinagħtalu dan il-karattru ta’ mogħdrija u tħassib kbir għall-midneb għax hu ġie mgħammed fi Kristu li hu l-Medjatur il-Kbir, il-Medjatur Ewlieni tal-ħolqien kollu.  Hu ġie mibgħut mill-Missier biex mhux biss jitlob għad-dinja midinba bħalma għamel fl-Aħħar Ċena, iżda biex isir Hu nnifsu “Dnub” minflok id-dinja u jilqa’ fuqu l-kundanna terribbli li hemm marbuta mad-“Dnub”.  Kristu jmut fuq is-Salib biex id-dinja ma tmutx!  Din l-Ubbidjenza għall-missjoni li l-Missier bagħtu jagħmel f’ismi u f’ismek, għalija u għalik, jagħmlu l-Medjatur waħdieni, iżda mhux Hu biss.  Dawk kollha li ġew mgħaddsa fl-ilmijiet tal-Magħmudija, jsiru parti minn Kristu l-Mejdatur tad-Dinja u t-Talba tagħhom hi qawwija quddiem il-Missier.  B’kundizzjoni waħda:  Il-Magħmudija mhix xi ħaġa tal-“magics”.  Il-Mulej jagħtina żmien biex ngħixu ħalli f’dan iż-żmien li jmiss lilna iseħħ il-Pjan ta’ Alla fina.  U dan il-Pjan hu li tikber, titqawwa, tixxettel u tagħti l-frott din il-Magħmudija li nagħtatilna bħala żerriegħa fil-bidu ta’ Ħajjitna.  Dawn huma ħwejjeġ serji li nagħmlu sew li nieħdu ħsiebhom bil-għaqal.  Jekk nisimgħu b’xi ħadd li ntelaq għad-dnub u qalbna ma titnikkitx u ma tinkwetax u ma titlobx għalih, dan ifisser li għadna “tfal” fil-Fidi.

 

Bis-saħħa tagħna biss aħna m’aħna kapaċi nagħmlu xejn tajjeb.  Huwa jekk Kristu jikber fina li nistgħu nsiru dak li jrid il-Missier: Medjaturi li jitniehdu quddiem Alla għall-proxxmu.  Din l-Imħabba għandha isem: Ġesù Kristu.  Is-Salm 138 jesprimi r-radd ta’ ħajr li jħoss il-bniedem li ġie magħmul ħabib ta’ Alla minn Alla nnifsu.  Inroddlok ħajr, Mulej, b’qalbi kollha, għat-tjieba tiegħek u għall-fedeltà tiegħek.  Fil-jum li fih sejjaħtlek, smajtni; kattartli l-qawwa f’ruħi.  Il-leminija tiegħek issalvani.  Int ma titlaqx għemil idejk.”  (S. 138, 1w).   Dan kollu jista’ jseħħ fina jekk aħna nilqgħu lil Kristu bħala l-Medjatur għalina quddiem il-Missier.  Nilqgħu lil Kristu jfisser nemmnu f’dak li Hu wettaq għalina.  In-Nisrani jemmen li Kristu miet għalih fuq is-Salib sabiex il-kastig tad-dnubiet kollha li għamel jeħodhom Kristu minfloku. 

 

Illum ħadd ma jrid jitkellem fuq “dnub” u fuq “kastig”.  F’kull ġenerazzjoni, mhux issa biss, il-bniedem jikkwieta l-kuxjenza tiegħu u jagħmel “brain-washing” fuqu nnifsu li xejn mhu xejn.  Din hija Sodoma u Gomorrah.  Imma l-bniedem jaf li d-dnub joqtol!  Il-bniedem jaf li mad-dnub hemm marbut t-telfien tal-“Ħajja” li tiġi biss mingħand Alla.  Il-bniedem jaf li d-dnub u l-egoiżmu tiegħu jeqirdulu qalbu, joqtluhielu, iwebbsuh għal kull min jaħseb li hu kontrih.  Da kollu għexnieh.  Fejn m’hemmx l-Imħabba għall-ieħor hemm il-Mewt.

 

Il-Missier bagħat lil Ibnu biex jeqred il-qrusa tal-Mewt minn ġo qalbna billi ħa din il-qrusa, din il-Mewt Huwa stess, Hu li ma kienx jaf x’inhu dnub.  Hu miet biex ipatti għad-dnub tiegħi, u l-Missier qajmu mill-Mewt biex jien ma jkolli l-ebda dejn x’inpatti!  Din hija l-Aħbar li l-Knisja xandret f’kull ġenerazzjoni għal elfejn sena sħaħ.  Kristu huwa l-Medjatur għalija, midneb, u l-ħin kollu juri l-pjagi tiegħu lill-Missier a favur tiegħi.  Dawn huma l-merti li lili jsalvawni, u din is-Salvazzjoni tagħmel mill-bniedem ħlejqa ġdida, doċli, mansweta, imburġata bil-gratitudni lejna Alla. 

 

Min jgħaddi mid-dnub għall-ġustifikazzjoni fi Kristu jaf x’inhi d-differenza.  Fit-Tieni Qari San Pawl jgħid li f’ħajjitna jseħħ dak li kien mogħti lilna fir-Rit tal-Magħmudija.  “Intom indfintu miegħu bil-magħmudija u rxuxtajtu miegħu permezz tal-fidi tagħkom fil-qawwa ta’ Alla li qajmu mill-imwiet.”  (Kol. 2, 12).  San Pawl ikompli jgħid dak li ġa semmejna: “Kontu mejta minħabba dnubietkom, imma issa Alla takom il-ħajja flimkien ma’ Kristu: ħafrilna dubietna kollha.  Ħassar id-dejn li kellna bl-obbligi li kien hemm kontrina; neħħieħ min-nofs u sammru mas-salib.”  (Kol. 2, 13-14).  Tassew li din  hija r-Rebħa tan-Nisrani.  Din hija l-Fidi li aħna mistiedna li nikbru fiha.  Minn hawn tnixxi l-Ħajja vera li rebħilna Kristu.  Hija din iċ-ċertezza li dnubietna kollha huma ġa mpattija mid-Demm ta’ Kristu li xxerred kollu, li tagħmel minna Medjaturi għad-dinja, għal sieħbi fuq ix-xogħol, għal marti, għal żewġi, għal uliedi, għall-mexxejja tal-pajjiż, għall-Knisja, għal dak l-imsejken li sab ruħu l-ħabs...

 

Huwa għal din il-Fidi fil-Mewt u l-Qawmien mill-Mewt tiegħU li Kristu jixtieq li nittalbu ħerqanin fit-Talb tagħna.  Kemm nitolbu għal affarijiet żgħar, ħwejjeġ tad-dinja li jgħaddu!  Kemm nivvintaw devozjonijiet għal qaddisin, qaddisin għal dak il-bżonn, qaddis għall-bżonn l-ieħor...!  Lil Marija oħt Marta, Kristu qalilha li hi għażlet l-aħjar sehem li ma jitteħdilhiex.  (Lq. 10, 42).  Ġesù għallimna kif għandna nitolbu u għalxiex għandna nitolbu, fil-“Missierna”.  Hi Talba kollha kemm hi fl-Ispirtu u profonda mmens fl-għarfien ta’ dak li għandna bżonn tassew.  Fil-“Missierna” m’hemm xejn materjali, anke jekk il-Mulej iridna nitolbuh għall-bżonnijiet tagħna fuq din l-art, ukoll.  Hija Talba biex jikber Kristu fina, biex nikbru fil-Fidi fiH, biex insiru dejjem aktar spiritwali u Medjaturi għall-oħrajn.  Iridna niffittawH biex ikabbrilna dejjem aktar il-Fidi miskina tagħna bħall dak il-bniedem li mar iħabbat il-bieb ta’ sieħbu f’nofs ta’ lejl għax kellu bżonnu. Persistenza fit-Talb!  Talb biex ninagħtaw l-Ispirtu s-Santu!  It-Talba biex nikbru fil-Fidi u fl-Ispirtu hija t-Talba waħdanija li għandha garanzija li tinstema’ mill-Missier.  Din hi Kelma ta’ Ġesù.  “Mela, jekk intom, nies ħżiena bħalkom, tafu tagħtu lil uliedkom ħwejjeġ tajba, kemm aktar il-Missier mis-smewwiet jagħti spirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu!”  (Lq. 11, 13).

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

Qari I

La tagħdabx, Sidi, jekk nitkellem.

Ġen 18:20-32

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

F’dak iż-żmien il-Mulej qal: “L-għajta ta’ Sodoma u Gomorra hi tassew qawwija, u t-toqol ta’ dnubhom hu kbir. U issa se ninżel u nara jekk għamlux għalkollox skont l-għajta tagħhom li waslet għandi. Jekk le, inkun naf”.

Dawk l-irġiel kisru minn hemm, u rħewlha lejn Sodoma; imma l-Mulej baqa’ wieqaf quddiem Abraham. Abraham resaq lejn il-Mulej u staqsieh: “U int se teqred it-tajjeb mal-ħażin? U jekk hemm ħamsin bniedem ġust f’nofs il-belt, jaqaw lil dawn se teqridhom u ma taħfirx lill-pajjiż minħabba l-ħamsin ġust li hemm f’nofsha? Ma jkun qatt li inti tagħmel ħaġa bħal din, li toqtol il-bniedem ġust mal-ħażin, u l-ġust u l-ħażin tmisshom l-istess xorti. Ma jkun qatt minnek, l-imħallef tal-art kollha, li ma tagħmilx ġustizzja”.

U l-Mulej wieġeb: “Jekk jiena nsib ħamsin bniedem ġust f’nofs il-belt, jien naħfirha lill-post kollu minħabba fihom”. Wieġeb Abraham u qal: “Arani, jien issugrajt nitkellem mal-Mulej, għalkemm jien trab u rmied. U jekk hemm nieqsa ħamsa għall-ħamsin ġust, minħabba ħamsa u erbgħin se teqred il-belt kollha?”. U wieġbu l-Mulej: “Ma neqridhiex jekk insib fiha ħamsa u erbgħin”.

Imma Abraham kompla jitkellem miegħu u jgħidlu: “U jekk issib hemm erbgħin?”. U wieġbu: “Ma nagħmilx dan, minħabba l-erbgħin”. Qal Abraham: “La tagħdabx, Sidi, jekk nerġa’ nitkellem: u jekk jinstabu tletin?”. U hu wieġeb: “Ma nagħmilx dan, jekk insib hemm tletin”. U raġa’ qallu: “Ara kif nissogra nkellem lil Sidi: U jekk jinstabu hemm għoxrin?”. U l-Mulej wieġeb: “Ma neqridhiex minħabba l-għoxrin”. U wieġeb: “La tagħdabx, Sidi, jekk nerġa’ nitkellem darba oħra biss: U jekk jinstabu hemm għaxra?”. U hu qallu: “Ma neqridhiex minħabba l-għaxra”.

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Salm Responsorjali

Salm 137(138):1-2a,2bċ-3,6-7ab,7ċ-8

R/.(3a): Meta sejjaħtlek, int weġibtni, Mulej.

Irroddlok ħajr, Mulej, b’qalbi kollha,

għaliex int smajt kliem fommi.

Quddiem l-allat irrid ngħannilek.

B’wiċċi fl-art ninxteħet quddiem is-santwarju tiegħek. R/.

 

Irroddlok ħajr għat-tjieba u l-fedeltà tiegħek,

għax int kabbart ismek u kelmtek fuq kollox.

Meta sejjaħtlek, int weġibtni,

kattarli l-qawwa f’ruħi. R/.

 

Kbir il-Mulej, imma jieħu ħsieb iż-żgħar;

u, għalkemm fl-għoli, jagħraf mill-bogħod.

Jekk insib ruħi fl-għali, inti tħarisli ħajti;

terfa’ idek kontra l-għedewwa tiegħi. R/.

 

Il-leminija tiegħek issalvani mill-qilla tagħhom.

Il-Mulej iżomm kelmtu miegħi.

It-tjieba tiegħek, Mulej, tibqa’ għal dejjem;

la titlaqx għemil idejk! R/.

Qari II

Alla takom il-ħajja flimkien ma’ Kristu: Ħafrilna dnubietna kollha.

Kol 2:12-14

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Kolossin

Ħuti, intom indfintu ma’ Kristu bil-magħmudija u rxuxtajtu miegħu permezz tal-fidi tagħkom fil-qawwa ta’ Alla li qajmu mill-imwiet. Kontu mejta minħabba dnubietkom u għax ma kellkomx iċ-ċirkonċiżjoni f’ġisimkom; imma issa Alla takom il-ħajja flimkien ma’ Kristu: Ħafrilna dnubietna kollha. Ħassar il-kont tad-dejn li kellna bl-obbligi li kien hemm kontrina; neħħieh min-nofs u sammru mas-salib.

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Rum 8:15bċ

 

Hallelujah. R/. Hallelujah.

Intom irċevejtu l-Ispirtu li jagħmel minnkom ulied adottivi;

u li bih aħna nistgħu ngħajtu: Abbà! Missier!

R/. Hallelujah.

Evanġelju

Itolbu u jingħatalkom.

Lq 11:1-13

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

Darba Ġesù kien qiegħed xi mkien jitlob. Kif spiċċa mit-talb, wieħed mid-dixxipli tiegħu qallu: “Mulej, għallimna nitolbu, bħalma Ġwanni wkoll għallem lid-dixxipli tiegħu”. U qalilhom: “Meta titolbu, għidu:

Missier, jitqaddes ismek, tiġi Saltnatek.

Ħobżna ta’ kuljum agħtina kuljum.

U aħfrilna dnubietna,

għax aħna wkoll naħfru lil kull min hu ħati għalina,

u la ddaħħalniex fit-tiġrib’”.

Qalilhom ukoll: “Wieħed minnkom ikollu ħabib li jiġih f’nofs ta’ lejl u jgħidlu: Ħabib, islifni tliet ħobżiet, għax ġie għandi wieħed ħabib tiegħi mill-vjaġġ u ma għandix x’nagħtih. U l-ieħor iwieġbu minn ġewwa u jgħidlu: Iddejjaqnix; issa l-bieb magħluq, u wliedi qegħdin fis-sodda miegħi; ma nistax inqum nagħtik. Ngħidilkom jien, li jekk ma jqumx jagħtih għax ħabib tiegħu, iqum u jagħtih kulma jkollu bżonn minħabba l-wiċċ sfiq tiegħu. U jiena ngħidilkom: Itolbu u jingħatalkom, fittxu u ssibu, ħabbtu u jiftħulkom. Għax min jitlob, jaqla’; min ifittex, isib; u min iħabbat, jiftħulu.

Min hu dak il-missier fostkom li, jekk ibnu jitolbu ħuta, minflok ħuta jagħtih serp? Inkella jekk jitolbu bajda jagħtih skorpjun? Mela jekk intom, nies ħżiena bħalkom, tafu tagħtu lil uliedkom ħwejjeġ tajba, kemm aktar il-Missier mis-smewwiet jagħti spirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu!”.

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Tifħir lilek, Kristu.

 

 

 
< Prev   Next >