Din
hija il-Liturgija tat-Tmintax il-Hadd matul is-Sena (2022) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Fi tfulitu u
l-aktar f’żogħżitu m’intix se tlum lill-bniedem li jibqa’ msaħħar u maħtuf
mis-sbuħija u t-tlellix tad-dinja ta’ madwaru li hu jkun għadu qiegħed
jiskopri. Hu għalxejn li twiddbu u tipprova tagħtih għerf li moħħu la jrid u
lanqas jista’ jassorbi. F’żogħżitu
l-bniedem hu mimli stennija, tamiet sbieħ, pjanijiet, ottimiżmu. Kliem serju fuq ir-rejaltà tal-Ħajja u
l-bżonn li jimmatura u jrabbi l-għaqal, jgħejjieh u jxebbgħu. Irid jipprova hu, u jekk jista’ jkun jipprova
kollox.
Hemm eċċezzjonijiet. Hemm dawk li minn kmieni jinagħtalhom għaqal
u dehen li ma jafdawx wisq lill-passjonijiet u l-ħala taż-żogħżija u hekk
iweġġgħu inqas meta jiltaqgħu mad-diżappunti.
Imma għal kuntrarju, hemm ukoll dawk li jixjieħu fl-ingann
tad-dinja! Alla jagħtihom l-għomor biex
jimmaturaw, u ma jimmaturaw qatt.
Il-maturazzjoni vera tal-bniedem hi li hu jagħraf li huwa dgħajjef, li
quddiem il-misteru tal-Ħajja huwa bħal nemlu quddiem muntanja, u li għandu
bżonn lil Alla li ħalqu u li minnu tfawwar il-Ħajja għal kull maħluq.
Pajjiżna ilu li
qabad triq ta’ imitazzjoni ta’ ġnus oħra f’tellieqa sfrenata ta’
sekulariżmu. Dak li għidna dwar
iż-żogħżija li tinganna, nistgħu ngħiduh għal ġensna li għadu fiż-żogħżija
tiegħu, għadu qiegħed jgħodd il-muniti fil-but li qabel ma kellux u għajnejh
iffissati lejn it-trab tal-art li għalih jidher donnu deheb. Oliver Friġġieri, il-filosofu Malti, darba
qal li pajjiżna qisu tfajjel adoloxxenti li qed iduq il-Ħajja għall-ewwel darba
u li jogħġbu dak kollu li jgħidlu ħaddieħor ħlief dak li jgħidulu l-ġenituri
tiegħu. Ilkoll għaddejna minn dan! Il-Punent, bil-ftaħir kollu tiegħu, hawn
jinsab! Imma Alla jdawwar kollox
għall-ġid. Huwa Hu Sid l-Istorja u jaf
jimmatura l-ġnus bl-Istorja tagħhom stess.
Il-Ktieb ta’ Koħelet
fit-Testment il-Qadim huwa famuż għat-tnehid tiegħu quddiem il-bluha
tal-bniedem li jkompli jfittex il-milja, l-eliżir tal-Ħajja f’eżistenza li
qegħda tmut il-ħin kollu. “O frugħa tal-frugħat – igħid Koħelet – o
frugħa tal-frugħat! Kollox hu
frugħa!” (Koħ. 1, 2). Hekk jiftaħ dan il-Ktieb u hekk
jispiċċa. U tassew vojta u fiergħa hija l-Ħajja li fiha Alla ma jidher imkien
u iblah il-bniedem li qatt ma waqaf jaħseb ftit imnejn ġie, għalfejn qed jgħix,
fejn sejjer. Kemm nies jibqgħu
adoloxxenti Ħajjithom kollha! Kemm nies
ħadmu daqs klieb il-jiem kollha mislufa lilhom taħt il-kappa tax-xemx,
biex imbagħad ħallew kollox lil
ħaddieħor, sikwit nies kważi barranin għalihom li bil-kemm kienu jafuhom! X’ħasra tara l-kotra kollha kemm hi miġnuna
fuq ix-xogħol minn filgħodu sa filgħaxija bla ma jindunaw li huma vittmi ta’
jasar modern. Daħqu bihom! Kulħadd ilsir tal-banek. Kulħadd marbut minn għonqu għomru kollu
jħallas il-“loan” fuq l-erba’ ħitan
li għandu fejn jistkenn! Aħna lsiera
tal-ekonomija mondjali bla ma nafu. Kull
wieħed minna qisu skurfina ċkejkna, ċkejkna f’magna-monstru li tiddomina kollox.
U Alla? Fejn hu Alla?
Alla mhu mkien. M’għandix ħin
naħseb fuqu. Imma Alla hu l-Ħajja! Jekk ma naħsibx fuq Alla jfisser li m’inix
ngħix! Xi ħadd serqilna l-Ħajja bla ma
ndunajna. Fejn hu llum il-ħolm taż-żogħżija?! “O
frugha tal-frugħat – igħid Koħelet – o frugħa tal-frugħat! Kollox hu frugħa!
Aħna li kbirna u
għaddejna minn dan kollu, u nħarsu lura u ninħasdu meta naraw kif għadda
ż-żmien, nafu kemm għandu raġun Salm 90 li jgħid: “Aħna bħal ħaxix li jinbet filgħodu; filgħodu jwarrad u jħaddar;
filgħaxija jidbiel u jinxef.” (S. 90,
5-6). Mingħajr Alla, l-Ħajja qisha sufarell
tal-festa li jagħmel ħafna storbju imma jtemm lilu nnifsu f’qasir il-ħin.
Lil Abraham, Alla
qallu biex iħares lejn is-Sema kollha kwiekeb u ma jibqax iħares lejn it-tajn
tal-art. Hekk għamel Abraham u sab wirt
li ġennu! Kull wieħed minna Alla
jistiednu biex iħares lejn is-Sema li għaliha hu maħluq u hemm isib is-sens
tal-Ħajja. Bis-Sema biss nimlew il-vojt
dejjiemi li hemm ġewwa fina. Dejjem
jonqosna xi ħaġa. “Aħdem, Ġuż,
aħdem! Isa ftit ieħor u jkollna biex
nixtru...” Fl-Istorja tal-Knisja dejjem
kien hemm movimenti kbar ta’ nies li ndunaw bis-sigriet tal-Ħajja u ħarbu
mill-ibliet u mid-dinja biex ‘jgħixu’ tassew, biex ma jitilfux dak li
skoprew. Huma mietu għad-dinja u sabu
l-Ħajja! Dan hu t-teżor moħbi. Ahhh!
Imma kemm huma ftit dawk li
jiskopruh! Għaliex, Mulej??
Pawlu jgħid: “Jekk intom irxuxtajtu ma’ Kristu, fittxu
l-ħwejjeġ tas-sema fejn Kristu qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla. Aħsbu fil-ħwejjeġ tas-sema mhux f’dawk
tal-art” (Kol. 3, 1-2). Dan kollu
jinstema’ stupidu għall-bniedem tad-dinja, imma l-Knisja tibqa’ tħabbar dan
l-għerf li hu moħbi f’velu. Malli dan
il-velu jiċċarrat, int tkun tista’ tgħajjat: “Kollu minnu dak li dejjem qaluli
u li jien qatt ma tajt kasu!” Għal dawk
li sabu l-Għerf veru, li sabu l-Ħajja li ma tispiċċax u li tibda ġa minn hawn, Pawlu jgħid: “Għax intom mittu, imma ħajjitkom hi moħbija flimkien ma’ Kristu
f’Alla.” (Kol. 3, 3). Il-bniedem imut għad-dinja, imma mhux
għax hu dgħajjef, mhux għax falla, mhux għax hu mwarrab u baħnan, iżda għax sab
il-ġawhra prezzjuża u kkalkula li jaqbillu jbiegħ kollox biex jixtri l-għalqa
fejn kienet midfuna dik il-ġawhra. Din
hija l-Magħmudija! II-bniedem il-qadim,
ta’ dari, jmut u jegħreq fl-ilma, u minfloku jgħix Xi Ħadd ieħor, Kristu, li hu
Ħaj għal dejjem! Kemm hi qarrieqa
d-dinja li tgħidlek li jekk timxi wara Kristu tkun qed tiċħad għal tant ħwejjeġ
sbieħ, meta fil-fatt fi Kristu biss tinsab il-Ħajja vera, il-Ħajja kollha sens,
il-Ħajja li tagħtik garanzija li int m’intix se tmut għax miet Hu flokok. Fil-wiċċ sofferenti ta’ Kristu tinsab
is-Sbuħija li ssalva d-dinja, qal Dostojevski.
Dawk li huma fi Kristu jafu li m’għandhom bżonn xejn minn ta’ din
id-dinja għax huma se jgħixu għal dejjem.
Il-Ġenna tibda minn hawn. Jibqa’
t-taħbit. Jibqa’ l-kumbattiment. Jibqa’ l-periklu li nerġgħu lura u nitilfu
kollox. Imma meta wieħed iduq kemm hu
tajjeb il-Mulej, mhux lakemm jitbellah tant għall-ħwejjeġ ta’ qabel.
Il-frugħa, l-ingann
tad-dinja jinġabar fil-muniti, fil-flus li l-bniedem jaħseb li bihom jista’ jixtri
s-sigurtà dejjiema għalih, anke jekk dell il-Mewt jimxi miegħu. Il-flus huma x-xbieha tal-idolu. Ix-xogħol hu qaddis u l-flus huma qaddisa
għax fi Kristu msallab kollox tqaddes.
Imma meta l-flus, il-fiduċja fil-flus, tieħu post il-fiduċja f’Alla,
allura kollox isir żibel. Il-profeti
kien jiftħu ħalqhom u jħanġru u jgħajtu kontra l-idolatrija, kontra li Iżrael
ifittex il-Ħajja mingħand min ma setax jagħtih ħlief Mewt. Alla jagħtina x-xogħol, u Alla jagħtina
l-flus, imma mix-xogħol għamilna ‘alla’ u bil-flus qanqalna l-għira
tal-Imħabba. Il-flus huma l-qaddejja
tal-bniedem, iżda Alla jinkedd jara li l-kotra tinżel għarkupptejja quddiemhom
u titlob il-Ħajja mingħandhom. Minflok, tieħu
jasar.
Il-Vanġelu se
jħawwad lil bosta. Ġesù hu dejjem pass
jew tnejn jew għaxra ’l quddiem minna.
Dejjem jissorprendina. Dejjem hu
profond. Dejjem iħares fil-ġewwieni
tal-bniedem. Dejjem imur għall-marda
vera tiegħek u tiegħi. Il-frugħa
fid-dinja tinsab mhux fiH! Wieħed seraq
il-wirt lil ħuh. Storja li tiġri,
le? Min baqa’ b’xejn mar għand Ġesù
għall-ġustizzja. Baqa’ b’xiber imnieħer! Għaliex Ġesù m’għamlilhox “division by two”? Għax kemm min seraq u kemm dak li ġie
jirraporta u lest li jiftaħ kawża u jibqa’ Ħajtu kollha ma jkellimx lil ħih,
it-tnejn li huma huma “mejtin” għal Kristu.
It-tnejn jaħsbu li mill-flus, mill-għana tad-dinja tiġi l-Ħajja. Hu jgħidilhom: “Iftħu għajnejkom u ħarsu rwieħkom minn kull regħba, għax imqar jekk
wieħed ikollu bir-radam, ħajtu ma tiddependix mill-ġid li jkollu.” (Lq 12, 15).
Aħna lkoll nemmnu li mhux l-istess ikollok il-ġid u ma
jkollokx. Għan-natura tagħna mnissla
minn Adam, il-flus jagħmlu differenza!
Għal Kristu ma jagħmlu l-ebda differenza, anzi hemm probabiltà li
jħassrulna Ħajjitna, u dan nafuh tajjeb mill-aħbarijiet.
Kristu jgħidilna
biex ngħassu kontra kull regħba. Li
wieħed ikollu l-ġid huwa rigal ta’ Alla, u jekk jużah tajjeb jgħinu jakkwista
s-Saltna. Imma jekk minflok jużah
tajjeb, jintrabat miegħu u qatt m’għandu xaba’, allura flok is-Saltna jsib
il-jasar ta’ dejjem. Ħafna jgħixu ta’
fqar meta għandhom ħafna ġid, u oħrajn jgħixu ta’ sinjuri meta għandhom ftit.
Mulej, missli qalbi
u fejjaqhieli, biex dak li jbeżżagħni fik isir ħelu għax jiddawwal.
Il-Liturġija
tal-lum:
Qari I
X’se jmissu l-bniedem mit-taħbit u l-kedda li jkun ħa?
Qoħ 1:2; 2:21-23
Qari mill-Ktieb ta’
Qoħelet
O frugħa tal-frugħat, jgħid Qoħèlet. O frugħa tal-frugħat! Kollox frugħa! Għax dan jiġri: wieħed, li jkun ħadem
bl-għaqal u l-ħila u b’suċċess, ikollu jgħaddi sehmu lil ħaddieħor li xejn ma
tħabat għalih. Dan ukoll frugħa u ħaġa mill-agħar. Għax x’se jmissu l-bniedem mit-taħbit u
l-kedda li jkun ħa taħt ix-xemx? Għomru kollu jbati u jinħaqar bil-kedda
u lanqas billejl ma jserraħ rasu.
Dan ukoll hu frugħa!
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
Salm 89(90):3-4,5-6,12-13,14,17
R/.(1): Mulej, int kont għalina kenn minn nisel
għal nisel.
Int traġġa’ l-bnedmin lejn it-trab,
u tgħidilhom: “Erġgħu lura, intom bnedmin!”.
Elf sena huma għalik bħal jum tal-bieraħ li għadda,
jew bħal sahra tal-lejl. R/.
Int taħsadhom, u jsiru bħal ħolma.
Huma bħall-ħaxix li jinbet filgħodu;
filgħodu jwarrad u jħaddar,
filgħaxija jidbiel u jinxef. R/.
Għalhekk għallimna ngħoddu jiem ħajjitna,
sabiex aħna nimxu bil-għaqal.
Dur lejna, Mulej! Kemm se ddum?
Ħenn għall-qaddejja tiegħek! R/.
Imliena kmieni bit-tjieba tiegħek,
biex nifirħu u nithennew ħajjitna kollha.
Ħa tkun fuqna l-grazzja ta’ Alla Sidna!
Wettqilna inti x-xogħol ta’ jdejna,
wettaq, iva, xogħol idejna. R/.
Qari II
Fittxu l-ħwejjeġ tas-sema, fejn Kristu qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla.
Kol 3:1-5,9-11
Qari mill-Ittra ta’
San Pawl Appostlu lill-Kolossin
Ħuti, jekk intom irxuxtajtu ma’ Kristu, fittxu
l-ħwejjeġ tas-sema, fejn Kristu qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla. Aħsbu
fil-ħwejjeġ tas-sema, mhux f’dawk tal-art. Għax intom mittu, imma ħajjitkom hi
moħbija flimkien ma’ Kristu f’Alla. Meta jidher Kristu, li hu l-ħajja tagħkom,
imbagħad intom ukoll tidhru flimkien miegħu fil-glorja. Mewtu ġo fikom dak
kollu li hu tal-art: żína, faħx, ġibdiet, xewqat ħżiena, u r-regħba li hi
idolatrija. Tigdbux lil xulxin, intom li nżajtu l-bniedem il-qadim bl-għemil
kollu tiegħu, u lbistu l-bniedem il-ġdid, li jiġġedded dejjem skont ix-xbieha
ta’ min ħalqu, u jikber fl-għerf. Fih ma hemmx Grieg jew Lhudi, ċirkonċiż jew
mhux, Barbaru jew Skita, ilsir jew ħieles, iżda Kristu f’kollox u f’kulħadd.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Mt 5:3
Hallelujah. R/. Hallelujah.
Henjin il-foqra fl-ispirtu,
għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
R/. Hallelujah.
Evanġelju
Il-ħwejjeġ li ħejjejt għalik, ta’ min ikunu?
Lq 12:13-21
Qari mill-Evanġelju
skont San Luqa
F’dak iż-żmien, xi ħadd mill-folla qal lil Ġesù:
“Mgħallem, għid lil ħija jaqsam il-wirt miegħi”. Wieġbu Ġesù: “Ħabib, min
qegħedni mħallef fuqkom, jew qabbadni nqassmilkom il-ġid bejnietkom?”.
Imbagħad qal lin-nies: “Iftħu għajnejkom u ħarsu rwieħkom minn kull
regħba, għax imqar jekk wieħed ikollu bir-radam, ħajtu ma tiddependix mill-ġid
li jkollu”.
U qalilhom parabbola: “Wieħed raġel għani ġabar
kotra ta’ frott mir-raba’ tiegħu. U beda jaħseb u jgħid bejnu u bejn ruħu: ‘X’se nagħmel? Għax
dan il-frott kollu ma għandix fejn naħżnu! Ara x’nagħmel’, qal, “inħott l-imħażen li
għandi u nibni oħrajn akbar, u naħżen fihom il-qamħ u l-ġid kollu li għandi.
Imbagħad ngħid lili nnifsi: Ruħi, għandek ħażna kbira ta’ ġid għal bosta snin;
mela strieħ, kul, ixrob, ixxala!’. Iżda qallu Alla: ‘Iblah li int! Dan
il-lejl stess jitolbuk ruħek lura. U l-ħwejjeġ li ħejjejt għalik, ta’ min
ikunu?’. Hekk jiġrilu min
jiġma’ l-ġid għalih innifsu bla ma jistagħna quddiem Alla”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.
|