Din
hija il- Liturgija tal-Hames Hadd tar-Randan (2019) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Ir-Randan għaddej ġmielu u
ninsabu noqorbu lejn l-iktar ġimgħa liturġika mportanti għall-Knisja Kattolika
u anke għall-Knejjes kollha Nsara. Hija ġimgħa mimlija sentimenti,
emozzjonijiet u ċelebrazzjonijiet li jqanqlu fina nostalġija għal Alla, għal
Ħajja aħjar... dispjaċir li r-relazzjoni tagħna ma’ Alla, ahhh, setgħet kienet
aħjar. Iżda... u dan hu mportanti... waqt li nimmeditaw dak kollu li swejnielu
lil Kristu, dak kollu li Hu għamel għalina, id-dippressjoni fil-Ġnien,
it-tbatijiet fiżiċi, l-umiljazzjonijiet, l-agunija u l-Mewt, imma wkoll
il-Qawmien għal Ħajja ħielsa mill-irbit tal-Mewt, tajjeb li nistaqsu
l-mistoqsija fundamentali: Imma jien fejn nidħol f’dan kollu? Jekk lil Kristu jien swejtlu tant, Hu x’akkwista
għalija fil-prattika?
Wieħed jista’ jwieġeb għal
dan b’xi teorija, jew b’dak li jgħid il-Katekiżmu, imma din mhix Fidi iżda
tagħlim jew tagħrif. Fil-fond, fil-fond,
għaliex Kristu kellu jmut għalik? Xi tgħidlek il-Fidi li hi Grazzja li mhux
kulħadd għandu. Jew il-Ġimgħa Mqaddsa se
tibqa’ fuq livel ta’ kultura, drawwiet, folklore, pageants... ħwejjeġ li qatt
ma bidlu l-qalb ta’ ħadd. Min hu int,
min jien jien, biex Alla nnifsu kellu jiġi hawn u jħalli li jitgħolla ’l fuq
bejn sema u art, imsammar ma’ salib, biex ikun offerta b’risq tagħna ħalli aħna
niskappaw mill-Mewt u nidħlu f’Ħajja dejjiema minn issa stess, jekk
nemmnu? F’liema qagħda ninsabu aħna,
mela; f’liema qagħda jinsab kull bniedem biex il-Missier ippjana din
it-traġedja tal-Imħabba sa minn qabel ma ħalaq kollox?
|