A+ | A- | Reset

smallphoto2.jpg

 

Welcome to Xewkijaparish.org, the website of Xewkija Parish.


Home
BENEDITTU XVI LIS-SACERDOTI: IDDEDIKAW HIN GHALL-QRAR U D-DIREZZJONI SPIRITWALI
Written by Mary Xerri   
Sunday, 04 July 2010

Pope Benedict XVI

Il-Papa Benedittu XVI iddedika l-udjenza ġenerali ta’ kull nhar t’Erbgħa għal riflessjoni fuq San Ġużepp Cafasso fl-okkażjoni tal-150 anniversarju mill-mewt tiegħu. Il-Papa offra b’mod partikolari lil-lajċi u r-reliġjużi mudell ta’ ħersuna li għexet u ddedikat ħajjitha għall-edukazzjoni, il-qrar, id-direzzjoni spiritwali u l-apostolat fost il-fqar u l-priġunieri.

“Dak ta’ San Ġużepp Cafasso hu messaġġ ħaj u tipiku. Ifforma ħafna saċerdoti, inkluż lil San Ġwann Bosco. Kien verament pastor b’ħajja interjuri rikka u kellu żelu kbir għall-kura pastorali. Kien bniedem ta’ talb, impenjat għall-katekeżi u l-qrar u ddedikat għall-Ewkaristija”. Il-Papa kompla jidentifika tliet virtujiet ta’ saċerdot qaddis – “kalma, viżjoni ċara u prudenza. It-tagħlim tiegħu ma kien qatt astratt pero dejjem kien ġej mill-esperjenza ħajja ta’ Alla”.

Il-Papa temm jirriafferma l-importanza tad-direzzjoni spiritwali biex jinftiehem mill-individwu dak li jrid minnu Alla.

Last Updated ( Sunday, 04 July 2010 )
 
L-INGILTERRA THEJJI GHAZ-ZJARA TAL-PAPA
Written by Mary Xerri   
Tuesday, 29 June 2010

Il-Konferenza Episkopali tal-Ingilterra u Wales ippubblikat ktejjeb ta’ 32 paġna biex tispjega l-għan u l-importanza taż-żjara tal-Papa u l-kontribuzzjoni tal-Knisja fis-soċjetà.

Fi kliem l-Arċisqof ta’ Westminster, Mons Vincent Nichols, iż-żjara hi importanti ħafna, jekk xejn għaliex se tkun l-ewwel żjara statali tal-Papa fil-pajjiż wara r-riforma; żjara fuq stedina tar-Reġina.

Hi wkoll importanti fuq livell ta’ tiġdid tal-Knisja.

“Ħafna nies li niltaqa magħhom jirrikonoxxu li s-soċjetà dieħla fi żmien, forsi żmien twil, li se jkun diffiċli. Fi żmien ta’ diffikultà lkoll neħtieġu r-riżorsi interjuri tagħna kollha possibbli, u r-riżorsa tal-fidi reliġjuża hi kruċjali għax tagħti lis-soċjetà stabbiltà u ġenerożità, l-iktar fi żmien ta’ limitazzjonijiet finanzjarji,” huwa qal, waqt li fisser li f’dan l-isfond in-nies “tagħraf l-importanza taż-żjara tal-Papa li se juri li l-fidi f’Alla mhix problema iżda don li wieħed irid jirċievi”.

Iż-żjara ġejja fi żmien sensittiv hekk kif il-Knisja għadha kemm għaddiet minn xhur ta’ attakki kontinwi dwar allegati abbużi sesswali minn saċerdoti; akkużi li saħansitra wasslu għal sejħiet biex il-Papa jiġi arrestat mal-wasla tiegħu fir-Renju Unit.

Ukoll, quddiem il-miljuni kbar li se tiġi tiswa ż-żjara tal-erbat ijiem, qamu dubji quddiem il-fattibilità tagħha u t-toqol li se ġġib fuq il-fidili u l-kaxxi tal-istat, fi żmien ta’ kriżi finanzjarja u tnaqqis tal-baġits.

Il-ktejjeb ta’ 32 paġna hu mmirrat l-iktar lejn dawk li huma biss konxji “tal-kontroversji ta’ llum”. Se jiġu stampati madwar 300,000 kopja u se jitqassmu lill-ġurnalisti, impjegati pubbliċi u tal-awtoritajiet lokali, kif ukoll f’kull parroċċa. Dan fi sforz biex jiġi spjegat b’mod ċar x’tinvolvi ż-żjara u xi tfisser il-Knisja.

Kif jgħid l-istess ktejjeb, “mhux faċli li twassal ir-rikkezza tat-tradizzjoni tal-ħsieb Kattoliku, u l-Kattoliċiżmu faċilment jiġi mifhum fid-dawl ta’ waħda jew oħra mill-kontroversji ta’ llum. Din hi n-nuqqas li dan il-ktejjeb qed jimmira li jindirizza”.

Fost l-oħrajn, il-ktejjeb jispjega r-relazzjoni bejn il-Vatikan u l-Monarkija Ingliża – li “kellha mumenti diffiċli wara l-qasma ta’ Neriku VIII minn ma’ Ruma – kif ukoll it-tagħlim soċjali tal-Knisja dwar faqar, u relazzjoni mad-denominazzjonijiet Insara l-oħra, kif ukoll reliġjonijiet oħra”.

Il-ktejjeb jindirizza wkoll l-iskandlu tal-abbuż sesswali fuq tfal minn saċerdoti, u jinsisti li “l-ħarsien tat-tfal sar parti permanenti mill-ħajja tal-Knisja Kattolika”.

Jispjega wkoll is-sinjifikat tal-Kardinal Newman, il-protestant li kkonverta għall-kattoliċiżmu u li se jiġi bbeatifikat mill-Papa. Il-motto tal-Kardinal Newman “Qalbi titkellem mal-Qalb” (Heart Speaks Unto Heart) ġie magħżul bħala l-motto taż-żjara tal-Papa.

Intant, bħalissa qed jiġi ffinalizzat l-itinerarju taż-żjara tal-Papa fir-Renju Unit, li minbarra fl-Ingilterra u Wales, mistennija tieħdu wkoll fl-Iskozja. L-itinerarju mistenni jkun ippubblikat fi żmien xahar – l-uniku ċertezza tidher li l-beatifikazzjoni ta’ Newman se ssir fl-ajruport ta’ Coventry.

 
NINSEW U NAHFRU
Written by Mary Xerri   
Tuesday, 29 June 2010
Patri Elija Vella OFM Conv
Aktar milli nfittxu min għandu raġun, għandna nagħmlu l-almu tagħna biex ninsew u naħfru.

Ruth kellha kelba l-mimmi ta’ għajnejha. Mhux l-ewwel darba li kellha xi tgħid ma’ żewġha Laurence minħabba fiha.

Mela darba din l-imbierka kelba ħammġet fuq is-sit tal-karozza. Laurence ma ndunax u poġġa fuq il-ħmieġ tal-kelba. Meta nduna kellu aptit jiżbranaha.

Is-sabiħa hi li Ruth, flok ma għadritu, tħassret il-kelba li, miskina, kellha l-istonku mqalleb. U bdew il-battibekki: jew jien jew il-kelba!

Imn’alla kien Dr Schiavone, psikologu mustaċċun, li ġab il-paċi bejniethom.

Fil-ħajja huwa faċli li nsibu ruħna fi problemi li jirrabjawna u jkissruna. Kollox jiddependi minn kemm kapaċi naffrontaw id-diffikultajiet b’ċerta maturità.

Ħadd ma jieħu gost iweġġa’.

Laurence ħassu mweġġa’ li martu minflok għadritu, żammet mal-kelba. Ruth ħassitha mweġġa’ li Żewgha ma kienx kapaċi jagħder lill-kelba.

Insomma: it-tnejn kienu mweġġgħin. It-tnejn kienu jeħtieġu l-mogħdrija.

Jiġri ħafna drabi li minflok ma nippruvaw ninsew u naħfru, infittxu min għandu raġun.

U r-raġun dejjem insibuh fuq in-naħa tagħna!

Tiftakru meta darba Ġesù ried imur Ġerusalemm, u ried jgħaddi minn villaġġ tas-Samarija?

Issa billi dawn saru jafu li Ġesù flimkien mad-dixxipli, minn hemm kienu se jidħlu Ġerusalemm, ma ridux jaċċettawhom.

Wieħed ma jridx jinsa li s-Samaritani kellhom lanżita daqshiex għal-Lhud.

Min-naħa l-oħra, Ġwanni u Ġakbu, li kienu ma’ Ġesù, meta raw hekk, tant irrabjaw li qalu lil Ġesù biex iħallihom jitolbu lill-Missier jibgħat fuq is-Samaritani nar qerriedi…

Ġesù ċanfar lil Ġwanni u lil Ġakbu u sempliċiment qalilhom jerħulha lejn villaġġ ieħor.

Ġesù la ħa gost bis-Samaritani li ma laqgħuhx minħabba l-mibegħda li kellhom, u lanqas ħa gost bl-entużjażmu fanatiku ta’ Ġwanni u Ġakbu.

Ġesù ma tax raġun lil dawn jew lil dawk, imma sempliċiment erħielha lejn villaġġ ieħor.

Li kieku minflok il-ħafna diskussjonijiet, Laurence u Ruth talbu maħfra lil xulxin, ma taħsbux li kienu jeħilsuha aktar ħafif milli qagħdu jiskomodaw lil Dr Schiavone?

U tinsiex li meta int u jien nagħmlu xi waħda minn tagħna – u nidinbu – Ġesù jinsab dejjem lest, b’idejh miftuħa, biex jilqagħna u jaħfrilna.

“Aħfilna – kif aħna naħfru lil min hu ħati għalina”.

Illum il-problema bejn Laurence u Ruth intemmet. Imma ngħiduha ċar u tond: lil Laurence ma ttihx tort jekk sal-ġurnata tal-lum, qabel ma jpoġġi bilqiegħda fuq is-sit tal-karozza, jiċċekkja darba u tnejn biex jara li kollox huwa sew.

Ruth tgħidlu li qed jiffissa. Jista’ jkun.

Imma t-trawma li għadda minnha meta nduna bil-qalziet imċappas, għadu ma jistax ifiq minnha!

 
FESTA TAL-BEATU NAZJU FALZON
Written by Mary Xerri   
Tuesday, 29 June 2010

Nhar il-Ħamis, l-1 ta’ Lulju, 2010, hu jum il-festa tal-Beatu Nazju Falzon.

Dakinhar, fil-Knisja tal-Patrijiet Franġiskani Minuri, Ta’ Ġieżu, Valletta, fejn hu midfun il-Beatu Nazju Falzon, il-ħinijiet tal-Quddiesa jkunu fis-7.15 a.m., fl-10.00 a.m. u  fil-11.00 a.m. Il-Quddiesa tal-10.00 a.m. tkun għall-morda. Fis-6.15 p.m. ssir konċelebrazzjoni  bis-sehem tal-membri tal-Catholic Enquiry Centre. Wara kull Quddiesa jsir talb għall-morda, fuq il-qabar tal-Beatu Nazju Falzon.

Fil-Knisja tal-Ġiżwiti, Valletta, nhar l-Erbgħa, 30 ta’ Ġunju, fis-6.00 p.m. jingħad ir-Rużarju quddiem Ġesu’ Sagramentat, u fis-6.30 p.m. ċelebrazzjoni tal-Quddiesa b’omelija, talba u venerazzjoni tar-Relikwja. F’din il-Knisja, l-Beatu Nazju Falzon waqqaf  “Kongregazzjoni” għall-membri tas-Servizzi u ħejja għall-Magħmudija aktar minn 650 persuna. Nhar il-Ħamis, l-1 ta’ Lulju, jum il-festa, il-ħinijiet tal-Quddies ikunu:  6.30a.m, 7.00a.m., 8.00a.m., 9.00a.m., 10.00a.m., 11.00a.m. u f’nofsinhar Quddiesa għall-English-speaking Catholics u għall-Maltin miżżewwġin ma’ barranin.

IL-BEATU NAZJU FALZON

Nazju Falzon, iben familja ta’ avukati, ħa l-lawrja ta’ avukat mill-Universita’ ta’ Malta, iżda qatt ma eżerċita’ din il-professjoni. Meta temm l-istudju għas-saċerdozju – l-filosofija u            t-teoloġija – u ħa l-ordnijiet minuri, ma ħassux dehen li jsir saċerdot.

Iddedika ħajtu jgħallem l-katekiżmu, l-ewwel lit-tfal subien fil-knejjes tal-Pilar, Sta Barbara u Vitorja, l-Belt, u wara lill-membri tas-servizzi, suldati u baħrin Ingliżi, fil-Knisja tal-Giżwiti.

Kellu devozzjoni kbira lejn San Ġużepp u kien meqjus bħala missier il-foqra.

Indifen fil-qabar tal-familja, fil-Knisja tal-Patrijiet Frangiskani, “Ta’ Gieżu”.

Hu meqjus bħala patrun ta’ l-avukati, membri tas-servizzi u studenti universitarji.

 
IS-SALIB SINJAL TA' TAMA
Written by Mary Xerri   
Tuesday, 29 June 2010

Fiż-Żjara Appostolika li għamel dan l-aħħar f’Ċipru, il-Papa Benedittu XVI tkellem dwar l-importanza li għandu s-Salib għad-dinja: “Is-Salib mhuwiex sempliċement simbolu privat ta’ devozzjoni, mhuwiex sempliċement sinjal ta’ sħubija ma’ grupp partikolari fis-soċjeta, u fil-profondità tat-tifsir tiegħu m’għandu xejn x’jaqsam mal-impożizzjoni bil-forza ta’ xi twemmin jew filosofija. Is-Salib jitkellem fuq it-tama, l-imħabba, ir-rebħa tan-non-vjolenza fuq l-oppressjoni, jitkellem fuq Alla li jerfa’ lil min hu fil-baxx, li jqawwi lil min hu dgħajjef, li jirbaħ fejn hemm il-firda u li jissupera l-mibgħeda bl-imħabba”.

Dan il-kliem għandu sinjifikat qawwi meta wieħed iżomm quddiem għajnejh li ftit tax-xhur ilu l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet Umani ddeċidiet li l-Italja għandha tneħħi s-slaleb mill-postijiet pubbliċi kollha. Meta l-Italja appellat kontra din id-deċizjoni, diversi pajjiżi, fosthom Malta, intervjenew bħala pajjizi terzi fil-każ.

Huwa b’sodisfazzjon li ninnutaw li l-intervent ta’ Malta sar bl-approvazzjoni flimkien tal-Prim Ministru u tal-Kap tal-Oppożizzjoni. Dakinhar il-Prim Ministru qal li “fuq punt ta’ prinċipju, ninsistu li pajjiż li għal sekli sħaħ dejjem żamm b’għożża valuri u tradizzjonijiet partikolari, m’għandux ikun obbligat ibiddilhom għax xi ħadd joġġezzjona għalihom. Sakemm il-poplu f’dik is-soċjetà jkun irid hekk, il-karatterisitiċi soċjali u kulturali tas-soċjeta għandhom ikunu rispettati. Qorti li tiddeċiedi mod ieħor ma tkunx qed turi sensittivita lejn dawn l-aspetti u tkun qed taqbad direzzjoni żbaljata”.

Nilqgħu u nappoġġjaw bis-sħiħ din il-pożizzjoni. Hekk, bħala pajjiż, inkunu qed nagħtu sehemna fil-ħajja pubblika sabiex l-Ewropa ma titlifx l-għeruq iNsara tagħha, għax kif qal il-Papa Ġwanni Pawlu II: “L-istorja tal-Ewropa ma tkunx tinftiehem jekk ma jkunx hemm referenza għall-ġrajjiet li mmarkaw iż-żmien importanti tal-evanġelizzazzjoni u s-sekli sħaħ li segwew u li fihom il-Kristjaneżmu, minkejja l-qasma bejn il-Lvant u l-Punent, sar ir-reliġjon tal-popli Ewropej” (Ecclesia in Europa, 24.)

Ma jkunx loġiku li wieħed jipprojbixxi simboli reliġjuzi bħas-Salib minn postijiet pubbliċi meta s-soċjetà saret konxja tad-dritt għall-libertà reliġjuza. It-turija tas-Salib f’postijiet pubbliċi ma timponix reliġjon: fit-tradizzjoni tagħna, is-Salib  hu simbolu u espressjoni tal-ogħla altruwizmu u ġenerozità, kif ukoll tal-ikbar solidarjetà offruta lil kulħadd.

Inħossu wkoll li l-ispirtu ta’ djalogu li jeżisti bejn il-knejjes u r-reliġjonijiet differenti, għandu jservi ta’ okkażjoni eċċellenti biex it-tradizzjonijiet reliġjuzi rispettivi jiġu rispettati.

Barra minn hekk, nħeġġu lill-iNsara sabiex jgħożżu s-Salib bħala sinjal tal-fidwa li Kristu ġab lill-umanità. Ninkuraġixxu lill-Insara sabiex jagħtu xhieda tal-fidi tagħhom billi jaċċettaw is-salib u jimxu wara Kristu.

+ Pawlu Cremona O.P.

+ Mario Grech

+ Annetto Depasquale


Fr Joe Magro

Segretarju

 
IL-KRIZI TAL-IKEL FL-AFRIKA THALLI 10 MILJUNI BIL-GUH - APELL URGENTI GHALL-GHAJNUNA
Written by Mary Xerri   
Tuesday, 29 June 2010

Caritas qed tappella għall-għajnuna internazzjonali sabiex tingħeleb il-kriżi tal-ikel fir-reġjun Sahel tal-Punent tal-Afrika, fejn 10 miljun persuna qed jiffaċċjaw il-ġuħ. In-Niġerja hi l-iktar milquta, bi 8 miljun persuna f’riskju serju. Dan, skont Caritas, meta hemm ukoll nuqqas kbir ta’ ikel f’Chad, Mali u Burkina Faso.

Is-Segretarju Ġenerali  ta’ Caritas Niġerja, Raymond Yoro, qed jappella għal għajnuna immedjata u qed jafferma li “qatt m’hu tard wisq biex wieħed jevita traġedja”. Iżid li “qed niffaċċjaw sitwazzjoni ta’ emerġenza biex insalvaw it-tfal fin-Niġerja. Dan hekk kif 378,000 tifel u tifla huma f’riskju ta’ malnutrizzjoni akuta u mal-miljun u 200,000 oħra huma

f’riskju ta’ malnutrizzjoni moderata”.

Caritas kompliet li l-kriżi, li qed tirriżulta minn xira rregolari, għoli tal-ħajja u faqar kroniku, hi “ħafna agħar” mill-aħħar kriżi tal-ikel fl-2005. Yoro kompla jgħid li minn dakinhar “il-lezzjoni kienet ċara li dewmien fl-għoti tal-għajnuna jiswa l-ħajjiet. U minkejja l-allarm f’Diċembru 2009, donaturi żammew pass kajman immens biex jagħtu l-għajnuna”. L-Aġenzija qalet li hemm nies ilhom jesperjenza nuqqas ta’ ikel għal sitt xhur sħaħ, bil-konsegwenza li qed ibihom il-ftit affarijiet li għandhom, jieklu ħxejjex selvaġġi, u saħansitra joħorġu ‘l uliedhom mill-iskejjel u jabbandunaw djarhom biex ifittxu l-ikel.

L-appell ta’ Yoro huwa għal għajnuna mmedjata.

In-Niġerja għandha biss nofs l-ammont ta’ riżorsi meħtieġa biex wieħed jitma lil dawk bil-ġuħ u xorta għadha nieqsa b’50 miljun dollaru Amerikan. Barra minn hekk is-sistema tas-saħħa fil-pajjiż, li tmexxi programmi ta’ trattament għall-malnutrizzjoni b’xejn, hi kważi falluta.

Caritas ilha tmexxi kampanja sa minn Mejju biex għall-inqas tiġbor 3.5 miljun dollaru Amerikan sabiex titma madwar 246,000 familja u tipprovdi mas-17,000 tifel u tifla u mara tqila bil-kura speċjali meħtieġa.

 
<< Start < Prev 1 2 3 4 5 6 7 8 9 Next > End >>

Results 27 - 52 of 218
© 2010 www.xewkijaparish.org