PENTEKOSTE GHID IL-HAMSIN IL-QAWWA TAL-ISPIRTU S-SANTU TINVADI D-DINJA U TWELLED IL-KNISJA
Written by Frans Galea   
Saturday, 03 June 2017

Din hija il- Liturgija  ta' Pentekoste- Ghid l-Hamsin ( 2017 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.

19.jpg

 

Il-kelma “Pentekoste” tindika li din il-festa taħbat ħamsin jum wara l-Għid il-Kbir.  Is-suġġett tal-festa nbidel maż-żmien.  Fil-bidu kienet festa marbuta mal-agrikultura: festa tal-ħsad fir-rebbiegħa, festa ta’ ferħ kbir għax l-għixien tal-bniedem u l-annimali tiegħu kien jiddependi għal kollox mill-ħsad ta’ kull sena.  Dan kien fiż-żmien bikri ta’ qabel ma Iżrael niżel jgħammar fl-Eġittu u anke matul is-sekli li dam hemm.  Imma mal-ħelsien ta’ Iżrael, it-tema tal-Pentekoste, jew Għid il-Ħamsin, inbidel, bħalma nbidlet ukoll it-tifsira tal-Għid.  L-Għid sar il-ħruġ tal-poplu mill-jasar u ħamsin jum eżatt wara dan, Iżrael wasal quddiem il-muntanja Sinaj fejn Alla għamel Patt magħhom.  Mhux biss tahom il-Liġi, imma għamel ftehim magħhom, u dan għadu sal-lum ta’ mportanza fenomenali għal dan il-poplu.  Għax Alla għażlu biex ikun il-poplu partikulari tiegħu.  Iżrael sar iben Alla, waqt li l-ġnus l-oħra kienu l-għedewwa tiegħu, il-pagani, dawk li jemmnu f’allat foloż.  Iżrael biss irċieva l-verità, u kull sena kien jiċċelebra din il-ġrajja li ħabtet fi żmien il-Pentekoste.  Allura sa żmien Ġesù din il-festa kienet tfakkar lill-poplu f’dak li kien ġara fuq is-Sinaj.

 

Għall-Insara, l-Pentekoste, jew Għid il-Ħamsin f’ilsienna, huwa l-jum meta l-Knisja terġa’ tgħix u tiċċelebra l-Memorjal tal-invażjoni tal-Ispirtu s-Santu fuq grupp ta’ nies fqar, sempliċi, imħawdin għal kollox, biex b’hekk twieldet il-Knisja.  Permess ta’ Profeti bħal Goel, Geremija u Eżekjel, it-Testment il-Qadim kien ġa ħabbar minn qabel li kellu jasal żmien li fih il-Mulej kien se jimla bl-Ispirtu tiegħu lil dawk kollha li jixtiequH, ikunu minn liema ġens ikunu.  San Ġwann il-Battista ħabbar ukoll li warajh kien ġej Dak li kellu jgħammed mhux biss bl-ilma imma wkoll bl-Ispirtu.  Anke Ġesù nnifsu, kemm matul il-ħajja pubblika tiegħu, kif ukoll wara l-Qawmien, wiegħed li fi ftit jiem wara kellhom jitgħammdu fl-Ispirtu.

 

Il-katekeżi tal-bidu tal-Knisja tgħid li l-Ispirtu ma setax jinagħta qabel ma Kristu wettaq il-Misteru tal-Għid, għax dan l-Ispirtu kellu jiġi akkwistat mill-merti tal-ubbidjenza, l-Passjoni, l-Mewt u l-Qawmien tal-Messija.  Din l-esperjenza kbira ta’ Kristu kellha tkun l-għajn li minnha jgelgel b’abbundanza l-Ispirtu ta’ Alla fuq id-dinja.  Infatti l-Vanġelu tal-Vġili jgħid li l-Ispirtu kien għadu ma nagħtax billi Kristu kien għadu mhux igglorifikat.

 

Il-Pentekoste, flimkien mal-Għid il-Kbir, huma l-uniċi żewġ festi li fihom il-Knisja tistedinna biex ngħixu l-Vġili tagħhom.  Il-Knisja terġa’ għal darb’oħra tishar, tistenna li l-Ispirtu jfawwar, bħalma xmara tfur wara xita qawwija.  Hu diġa jgħammar fiha, imma l-Knisja taf li hi dejjem għandha bżonn li jikber fiha, biex minnha joħorġu s-sinjali tiegħu li jiġbdu l-imbegħdin lejha, dawk ta’ qalbhom miksura, dawk li huma għomja, truxi, zopop fil-Ħajja u għalhekk huma emarġinati u msejkna.  Għal dawn in-nies, il-Knisja hi l-unika tama għax hi biss tista’ tlaqqagħhom mas-Salvatur tal-bniedem.

 

L-Ewwel Qari

 

L-Ispirtu s-Santu li jbiddel il-qlub kien il-kalamita li għaqqad flimkien dixxipli Lhud u oħrajn pagani, biex hekk seħħet xi ħaġa li kienet il-kontra ta’ dak li ġara fit-Torri ta’ Babel.  L-egoiżmu u d-dnub tal-bniedem fired, imma l-Ispirtu tal-Imħabba li ħareġ mill-ubbidjenza, is-sagrifiċċju u r-rebħa fuq il-mewt ta’ Kristu, għaqqad.  Il-biża’ tal-mewt, jifred, joħloq l-egoiżmi, imma fejn jidher l-Ispirtu, dan kollu jisparixxi. 

 

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi.  11, 1-9

 

U l-art kollha kienet ilsien wieħed u kliem wieħed.  Meta l-bnedmin telqu mil-lvant sabu wita f'art Singħar u baqgħu hemm.  U qalu wieħed lil ieħor: “Ejjew nagħmlu l-madum  u naħmuh sewwa!” U l-madum kienu jużawh flok il-ġebel, u l-qatran flok it-tajn.  U reġgħu qalu: “Ejjew nibnu belt għalina, u torri, bil-quċċata tiegħu tilħaq is-smewwiet, u nagħmlu isem għalina, ħalli ma nixterdux mal-wiċċ kollu ta' l-art.”

 

 U l-Mulej niżel jara l-belt u t-torri li kienu qegħdin jibnu l-bnedmin. U l-Mulej qal: “Arahom, poplu wieħed u lsien wieħed għalihom ilkoll. U dan għadu l-bidu ta' xogħolhom; issa kull ma jiġihom f'rashom xejn ma jaqtgħalhom qalbhom!  Ejja, ħa ninżlu u nħabblulhom ilsienhom, ħalli ma jifhmux ilsien xulxin.”

 

U l-Mulej xerridhom minn hemm għal fuq wiċċ l-art kollha, u waqfu mill-bini tal-belt.  Għalhekk bdew isejjħulha Babel, għax hemm ħawwad il-Mulej ilsien l-art, u minn hemm xerridhom il-Mulej mal-wiċċ kollu ta' l-art.

 

It-Tieni Qari

 

Fuq l-Appostli, il-manifestazzjoni tal-Ispirtu ta’ Alla ntweriet b’sinjali tal-għaġeb: riħ qawwi jvenven u ilsna tan-nar.  Dan kien sehem minn dak li ġara fuq is-Sinaj meta l-poplu twerwer quddiem in-nar, it-tkarwit tar-ragħad, id-daqq tat-trombi u r-rifnu li beda jgerbeb il-blat mill-muntanja.  Alla wera xi ftit mill-kobor tiegħu, waqt li l-poplu għaraf iċ-ċokon u x-xejn tiegħu.  Dan kollu kien parti mill-għoti tal-Patt minn Alla lil Iżrael.  Iżrael sar l-iben adottiv tal-Mulej minn fost il-popli kollha.  Mhux għax kellu xi ħaġa speċjali, anżi kien l-iżgħar fost il-popli, grupp ta’ lsiera li kienu għadhom kif inħelsu u li lanqas biss kellhom pajjiż fejn jgħamru... għalhekk kważi lanqas setgħu jissejħu ġens, poplu.

 

Kien Alla li bħal donnu rikkibhom fuq ġwienaħ l-ajkli u ressaqhom lejH wara li ħelishom mill-jasar.  Dan il-Patt, dan il-ftehim, sar il-kburija ta’ Iżrael, għadu hekk sal-lum.  Huma jħossu li Alla ppreferihom għax għażilhom.  Imma lilhom il-Muej għażilhom b’risq il-ġnus kollha tal-art.  Għażilhom biex minn dan il-poplu joħroġ id-Dawl li kellu jdawwal lid-dinja, u dan id-Dawl kellu jkun l-Ispirtu ta’ Ġesù. 

 

Qari mill-Ktieb tal-Esodu.  19, 3-8a, 16-20b

 

F’dak iż-żmien: Mosè tala' ħdejn Alla, u l-Mulej sejjaħlu mill-muntanja u qallu: “Dan għid lil dar Ġakobb u għarraf lil ulied Iżrael:  'Rajtu intom x'għamilt lill-Eġizzjani, u kif lilkom ġarrejtkom fuq il-ġwienaħ ta' l-ajkli u ressaqtkom lejja.  Issa, jekk tisimgħu leħni u żżommu l-patt tiegħi, intom tkunu l-wirt tiegħi minn fost il-popli kollha, għax l-art kollha tiegħi.  Intom tkunu għalija saltna ta' qassisin u ġens qaddis.' Dan hu l-kliem li tgħid lil ulied Iżrael.”  Mbagħad Mosè mar isejjaħ lix-xjuħ tal-poplu, u qegħdilhom quddiemhom dan il-kliem kollu li ordnalu l-Mulej.  U l-poplu kollu wieġeb b'leħen wieħed u qalu: “Kull ma qal il-Mulej aħna nagħmluh.”

 

Fit-tielet jum mas-sebħ kien hemm ragħad u beraq, u sħab oħxon għatta l-muntanja. Nstama' wkoll iż-żarżir qawwi tat-tromba, u triegħed il-poplu kollu fil-kamp.  Mosè ħareġ il-poplu  mill-kamp biex jiltaqgħu ma' Alla; u waqfu f'riġlejn il-muntanja.  Il-muntanja tas-Sinaj bdiet iddaħħan kollha kemm hi, għax niżel fuqha l-Mulej fin-nar. Id-duħħan beda tiela' 'l fuq bħad-duħħan ta' forn, u l-muntanja kienet titħeżħeż kollha.  Kull ma jmur id-daqq tat-tromba kien dejjem jitqawwa. Mbagħad tkellem Mosè, u Alla wieġbu b'ragħda.  U niżel il-Mulej fuq il-quċċata tal-muntanja tas-Sinaj, u l-Mulej sejjaħ lil Mosè biex jitla' fuq il-quċċata tal-muntanja.

 

It-Tielet Qari

 

Mingħajr l-Ispirtu s-Santu, il-bniedem jiekol u jorqod tassew, jaħdem, jilgħab, jiġri, jivvinta u jqatta’ l-ħin tiegħu.  Imma ma jkunx jgħix.  Ikun biss jeżisti.  U jiġu mumenti meta din il-Mewt li hu jkun qed jgħix tidher ċara għalih u jaqa’ f’dippressjoni, dwejja, non-sens.  Ħafna jixjieħu f’din il-qagħda stupida u fiergħa.  Huma jemmnu lid-dinja li tgħidilhom li l-flus kollox, is-saħħa kollox, is-suċċess kollox, l-għomor twil kollox, li jkollok mara u wlied kollox.  Huma jemmnu li din il-ħajja t’hawn biss teżisti u l-bqija hu kollu teoriji, xewqat il-bniedem.

 

Imma meta tidħol ix-xjuħija, min jiddawwal jgħid f’qalbu: ”Għalfejn għext jien?  Biex ġibt it-tfal fid-dinja, ulied li forsi ħallewni waħdi meta ġejt bżonnhom?  Għall-flus li ma jistgħux jixtruli l-mewt biex iddum ma tiġi għalija?  Għalfejn għext jien?”  Din hi mistoqsija tremenda.  L-annimali ma jagħmluhiex din il-mistoqsija, u anke xi wħud mill-bnedmin.  Imma ħafna jagħmluha.  Iħossuhom bħall-għadam bla ħajja li ra Eżekjel.  Id-dinja pagana, bla Alla, qisha dan il-wied mimli għadam.  Kemm nies jgħixu waħedhom!  L-Ewropa hija mimlija nies waħedhom, dejjem jippassiġġaw b’xi kelb.  Nies mejta, bla idejal, bla tama, li, malli jaqbżu l-ħamsin jibdew jistennew il-mewt ġejja. 

 

Hemm tama għal dan l-għadam niexef?  ”Ħabbar”, igħid Alla lill-profeta, ”Ħabbar lil dan l-għadam u jgħix!”  X’se jħabbar il-Profeta?  L-Aħbar ta’ Kristu!  X’tgħid l-Aħbar ta’ Kristu lill-bniedem tal-lum?  Li Alla jħobbu tassew!  Li Kristu miet għalih biex hu jkollu Ħajja u Ħajja bil-kotra!  Li hu għażiż f’għajnejn min ħalqu.  Hu maħbub.  Hu jiswa d-Demm ta’ Kristu!  Hemm Ħajja bla tmiem tistennih jekk jemmen li Alla mhux giddieb, li Alla hu Missieru.  Il-Kerigma għandha l-qawwa li mill-mewt toħroġ il-Ħajja, minn gożż għadam niexef tagħmel poplu sħiħ, Ħaj tassew, wieqaf fuq riġlejh u fommu mimli bit-tifħir lil Alla li ħelsu mill-qabar.

 

Din hi Kelma qawwija għalina.  Jekk int li qed taqra dan, tinsab fil-mewt u bla tama, bħal dan l-għadam imxerred f’qiegħ il-wied, jiena ngħidlek li tassew li hemm tama għal ħajtek.  Il-Missier bagħat lil Ibnu biex jieħu fuqu l-mewt tiegħek ħalli int tgħix.  Emmen li int daqshekk maħbub u tara kif il-Ħajja, li hi l-Ispirtu s-Santu, tinvadik.

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel.  37, 1-14

 

U ġiet fuqi id il-Mulej u ħaditni fl-ispirtu tal-Mulej u qegħditni f'nofs il-wied. Dan kien miżgħud bl-għadam.  Huwa għaddieni dawramejt madwarhom, u kien hemm kotra kbira mxerrda mal-wied, u kienu kollha niexfa qoxqox.

 

U l-Mulej qalli: "O bniedem, jista' dan l-għadam jerġa' jieħu l-ħajja?" Jiena weġibt: "Sidi Mulej, dan inti tafu."  U qalli: 'Ħabbar lil dan l-għadam u għidlu: O għadam niexef, isma' l-kelma tal-Mulej.  Hekk qal Sidi l-Mulej: Ara, jien se nġib fik ir-ruħ, inti terġa' tgħix.  U nqiegħed fik in-nervi, u ntellagħlek il-laħam, u niksik bil-ġilda, u nqiegħed fik ir-ruħ. U inti terġa' tgħix, u tkun taf li jiena l-Mulej."

 

Mbagħad ħabbart kif ordnali. U jiena u nħabbar instama' ħoss, u ara, l-għadam tqanqal, u kollha bdew resqin lejn xulxin, għadma lejn għadma.  Jien ħarist, u ara, ġew fihom.  U qalli: "Ħabbar lir-ruħ, ħabbar, o bniedem, u għid lir-ruħ: Hekk qal Sidi l-Mulej: Ejja, ruħ, mill-erbat irjieħ tad-dinja, onfoħ fuq dawn il-mejtin, ħa jerġgħu jieħdu l-ħajja."  Jien ħabbart kif ordnali, u r-ruħ daħlet fihom, u reġgħu ħadu l-ħajja, u waqfu fuq riġlejhom, eżerċtu kbir fuq li kbir.

 

U qalli: "O bniedem, dan l-għadam huwa d-dar kollha ta' Iżrael. Ara, huma jgħidu: 'Nixef għadamna, it-tama tagħna għabet, nqridna għalkollox.' Għalhekk ħabbrilhom u għidilhom: Hekk qal Sidi l-Mulej: Ara, jiena niftaħ l-oqbra tagħkom, poplu tiegħi, u nġibkom lura f'art Iżrael.  Mbagħad tkunu tafu li jiena l-Mulej, meta niftaħ l-oqbra tagħkom u ntellagħkom mill-oqbra tagħkom, poplu tiegħi.  U jiena nqiegħed ruħi fikom, u terġgħu tieħdu l-ħajja.

 

Nqegħedkom f’artkom u tkunu tafu li jiena l-Mulej.  Hekk għedt, u hekk nagħmel, oraklu tal-Mulej."

 

Ir-Raba’ Qari

 

Ġoel huwa magħruf bħala l-Profeta li ħabbar il-Pentekoste Nisrani fi żmien it-Testment l-Antik.  Huwa jħabbar tiġdid, qawmien ġdid għall-poplu ta’ Alla li hi l-Knisja.  Kemm hu sabiħ li wieħed jittama fi Knisja “ġdida”, fi Knisja tassew “ħajja”, Knisja mimlija kariżmi u rigali tal-Ispirtu s-Santu!  Ninsbu fi żminijiet ta’ taħwid, fejn il-bniedem kiber u sar kburi u supperv.  Ma tista’ tkellem lil ħadd fuq dnub, fuq bżonn ta’ konverżjoni, fuq il-bżonn ta’ Alla!  Il-bniedem illum sar alla tiegħu innifsu.  Għalih, l-affarijiet qaddisa huma ħwejjeġ tat-tfal, tal-imgħoddi,  ta’ min għandu moħħ antik, tal-medjuevu. 

 

Kemm sar bravu l-bniedem!  Irid imiss is-Siġra tal-Ħajja, saħansitra!  Jiddeċiedi hu kemm ikollu tfal.  Jiddeċiedi hu jekk tarbija tiġix maqtula minn ommha jew le fil-ġuf.  Jiddeċiedi hu jekk iż-żwieġ jibqax rabta għal dejjem jew rabta ċoff.  Jiddeċiedi hu x’inhi familja u kemm għandha tkun twila l-ħajja.  Il-frott ta’ dan diġa beda jidher.  II-bniedem sar waħdu aktar minn qatt qabel.  Ingħalqet is-sema fuqu.  M’għadux jemmen bis-sagru, bis-sopranaturali, m’għadx baqagħlu tama lil hemm mill-mewt. Il-bniedem hu mdawwar dejjem aktar miċ-ċirku tal-biża’ tal-mewt.  Aktar minn qatt qabel ma għandux tama quddiem il-monstru li hi l-mewt.

 

F’dan il-wied mimli għadam niexef, għandna bżonn Knisja mimlija Profeti li jxandru li hemm alternattiva għal din il-ġirja sfrenata għall-flus, għall-kumdita, għan-nuqqas ta’ nkwiet, għall-egoiżmu... ġirja għall-mewt u l-baħħ.  Il-Profeta jħabbar li dan se jseħħ.  Li jasal jum li fih l-Ispirtu jinvadi l-poplu ta’ Alla u dan jagħti xhieda u jsir Dawl u Tama għal tant nies bla tama u bla sens f’ħajjithom.

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġoel.  3, 1-5

 

"Wara dan, jiġri

li jiena nsawwab l-Ispirtu tiegħi fuq il-ħlejjaq kollha.

Uliedkom iħabbru, subjien u bniet,

ix-xjuħ tagħkom ikollhom ħolm,

iż-żgħażagħ tagħkom jaraw viżjonijiet.

U mqar fuq il-qaddejja, rġiel u nisa,

nsawwab l-ispirtu tiegħi f'dawk il-jiem.

Fis-sema u l-art nuri sinjali,

demm u nar u kolonni ta' duħħan!

Ix-xemx tinbidel fi dlam,

u l-qamar f'demm,

qabel ma jasal Jum il-Mulej,

kbir u tal-biża'!

U kull min isejjaħ isem il-Mulej jinħeles,

għax fuq il-muntanja Sijon ikun hemm

is-salvazzjoni, kif qal il-Mulej,

u f'Ġerusalemm jibqgħu xi wħud li l-Mulej isejjaħ. 

 

Salm Responsorjali

 

Salm 104 ibierek u jfaħħar lil Alla għas-sbuħija u l-ordni tal-ħolqien.  Il-Ħajja li tgħammar kullimkien u li dejjem tirriproduċi ruħha hi ġejja mill-Ispirtu Qaddis ta’ Alla.  Il-Ħajja hi tiegħU u qegħda għandU u kull ħlejqa tgħix sakemm iridha tgħix Alla.

 

M’hemm xejn li hu tajjeb u sabiħ li mhux frott l-Ispirtu tal-Mulej.  Anke kull għemil tajjeb tal-bniedem, għandu l-prinċipju tiegħu fl-Ispirtu li b’xi mod jgħammar f’kull bniedem.  Xejn ma jsir jekk mhux frott tal-Ispirtu.  Xejn, barra mid-dnub.  L-ebda bniedem m’għandu għax jiftaħar b’xi għemil tajjeb li jkun wettaq, għax dan ikun wettqu l-Ispirtu s-Santu permezz tiegħu.  Il-bniedem li hu għaref u għalhekk jaf lilu nnifsu, jaf kemm hu bla ħila biex iħobb lil min ma jħobbux.  Għalhekk il-ħwejjeġ qaddisa huma spirati u mwettqa minn Alla permezz tal-Ispirtu tiegħu.

 

Kif tgħid l-Iskrittura, ħadd ma jista jgħid: “Ġesù hu l-Mulej!” jekk mhux għax imbuttat mill-Ispirtu ta’ Alla.  Għalhekk dan is-Salm jara fid-dinja ta’ madwaru, fl-ambjent sabiħ, fil-ħlejjaq kollha, xogħol l-Imħabba li hi l-Ispirtu ta’ Alla.  Għax l-Imħabba hi Alla u hi tgħammar fil-bniedem t’Alla permezz tal-Ispirtu s-Santu.

 

Ritornell: Hallelujah, Hallelujah, Hallelujah!

 

Salm 104

 

Bierek ruħ tiegħi, il-Mulej!

Mulej, Alla tiegħi, inti kbir bil-bosta!

Bis-sebħ u l-ġmiel inti mlibbes,

bid-dawl, bħal b'mantell, inti mkebbeb.

 

Kemm huma kotrana l-għemejjel tiegħek, Mulej!

Kollha bl-għerf għamilthom;

Mimlija l-art bil-ħlejjaq tiegħek.

 

Minnek jistennew il-ħlejjaq kollha

li tagħtihom ikilhom f'waqtu.

Inti tagħtihom, u huma jiġbru;

tiftaħ idejk, u jixbgħu bil-ġid.

 

Jekk taħbi wiċċek, huma jinfixlu;

jekk teħdilhom nifishom, imutu,

u lejn it-trab jerġgħu jmorru.

Malli tibgħat in-nifs tiegħek, jinħolqu,

u inti ġġedded il-wiċċ ta' l-art.

 

IL-Ħames Qari

 

F’dan il-qari li ġej, San Pawl jilħaq il-quċċata tal-għarfien tax-xogħol tal-Ispirtu Qaddis ta’ Alla fina u għalina. Id-dinja kollha titniehed quddiem Alla għall-Ħajja; għall-Ħajja li ma tispiċċax; għall-Ħajja ta’ Dejjem.  Din hija l-ikbar Grazzja li jista’ jagħti l-Missier.  Ħadd ma jista’ jkollu l-Ħajja għal Dejjem jekk mhux permezz ta’ Kristu, permezz tal-Fidi tiegħu fl-Iben.  Din il-Fidi tiġi għandu bl-Ispirtu s-Santu.  Mingħajru ma jeżisti xejn li xejn tajjeb fil-bniedem.

 

Dawk li daqu xi ftit mill-Ispirtu, jitniehdu dejjem iktar biex jikber dan l-Ispirtu fihom.  Mhux biss, imma hawn, San Pawl jgħid xi ħaġa meraviljuża li tassew timpressjona.  Hu jgħid li aħna, ħafna drabi nitolbu ħażin bla ma nindunaw.  Xi jfisser dan?  Ħafna drabi ma nitolbux skont l-Ispirtu, kif għandu jitlob in-Nisrani.  Sikwit nitolbu b’mod pagan, fl-ispirtu tal-bniedem il-qadim mimli biża’ li għadu jgħammar fina.  X’jitlob dan il-bniedem li għandu spirtu pagan, tad-dinja, li twelidna bih u għadu ma ġiex maqtul għal kollox minn Kristu?  Hu jitlob biex Alla jneħħilu tant affarijiet li jwerwruh fuq din l-art.  Jitlob ħwejjeġ materjali: flus, saħħa, suċċess, għomor twil hawn, popolarità.  Dawn jistgħu ikunu talbiet tajbin f’ċerti ċirkustanzi, imma ħafna drabi huma frott l-idolatriji tagħna, għax Alla mhux veru jkun alla tagħna, imma l-ħwejjeġ tad-dinja.  Jista’ jkun li din tkun ir-raġuni li t-talb tagħna mhux dejjem jinstema’.  U meta jinstema’, sikwit nerġgħu ninsew lil Alla... sakemm tinqala’ problema oħra!

 

Alla jixxennaq li jisma’ t-talb ta’dak il-bniedem li jitlob fl-Ispirtu.  Anzi l-Appostlu qed jgħidilna li anke jekk aħna ma nafux nitolbu fl-Ispirtu, jekk għandna xi nitfa mill-Ispirtu jgħammar fina, dan l-Ispirtu s-Santu l-ħin kollu qiegħed jitniehed għalina u minflokna quddiem il-Missier, b’talb u bi kliem li ma jistax jitfisser bi kliem il-bniedem.  Huwa l-Missier biss li jista’ jifhmu. 

 

X’qiegħed jitlob għalina b’tant qawwa l-Ispirtu s-Santu l-ħin kollu?  Jitlob biex aħna ngħarfu l-Misteru ta’ Kristu; ngħarfu kemm hi kbira l-Imħabba li l-Missier għandu għalina u li ġiet murija fi Kristu Ġesù; ngħarfu b’ħasda enormi u sabiħa, li aħna m’aħna se mmutu qatt għax l-Imħabba li hi Alla hi ikbar mill-mewt fiżika tagħna. 

 

Dawn huma t-Teżori tan-Nisrani!  Dan hu l-għana li l-Ispirtu jixtiqilna u li quddiemu l-ħmerijiet kollha li nitolbu b’tant ħerqa mhuma xejn ħlief knis, karfa, ġandar tajjeb biss għall-qżieqeż.  Dan hu li wieħed jitlob fl-Ispirtu: li jiġi mogħti li jagħraf lil Ġesù u x’għamel għalih meta għex l-Għid bil-Mewt u l-Qawmien tiegħu.  Kristu miet u qam mill-mewt għalija u jien qatt ma nista’ nsib mistrieħ qabel ma nemmen dan mija fil-mija, qabel ma nagħrfu ċar hekk kif inhu.  Kif se nkun naf li għaraft lil Kristu?  Meta jinkiser iċ-ċirku tal-biża’ tal-mewt (tgħid l-Ittra lil-Lhud) u nsir ħieles bħar-riħ, u bla biża’ u kalkoli nagħme ir-rieda ta’ Alla.

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani.  8, 22-27

 

Aħna nafu li l-ħolqien kollu għadu s'issa jitniehed  bl-uġigħ tal-ħlas; u mhux hu biss, imma wkoll aħna li għandna l-ewwel frott ta' l-Ispirtu, aħna wkoll nitniehdu fina nfusna waqt li nistennew l-adozzjoni ta' wlied, il-fidwa ta' ġisimna.  Aħna salvi bit-tama. Meta wieħed jara l-ħwejjeġ li jkun ittama, ma tkunx aktar tama; għax kif jista' wieħed jittama l-ħwejjeġ li ġa jkun ra?  Imma dak li qegħdin nittamaw, jekk m'aħniex narawh, qed nistennewh bis-sabar.

 

Hekk ukoll l-Ispirtu, min-naħa tiegħu, jgħinna fin-nuqqas ta' ħila tagħna. Għax aħna anqas biss nafu nitolbu kif imiss, imma l-Ispirtu stess jidħol għalina bit-talb tiegħu bi tnehid li ma jistax jitfisser bil-kliem;  u Alla, li l-ħarsa tiegħu tinfed il-qlub, jaf x'inhi x-xewqa ta' l-Ispirtu; bit-talb tiegħu jidħol għall-qaddisin skond ma jrid Alla.

 

Evanġelju

 

Vanġelu ta’ żewġ versi, imma żewġ versi memorabbli.  Kristu, f’daqqa waħda jqum fuq tiegħu, bil-wieqfa u jibda jitkellem b’leħen għoli.  Kellu xi ħaġa mportanti mmens xi jwassal lin-nies ta’ quddiemu.  Taħkmu l-emozzjoni, l-ħeġġa, it-tensjoni ta’ xi ħadd li għandu xi ħaġa li ma jistax iżommha għalih, magħluqa ġewwa fih.  Kristu kien jaf għalfejn ġie fid-dinja.  Kien hemm miraklu li kellu jitwettaq li kien ferm akbar mill-mirakli fiżiċi kollha li kien wettaq:  il-miraklu tal-għoti tal-Ispirtu s-Santu lil dawk li kellhom jemmnu fiH. 

 

Kien Hu li kellu ”jixtri”, jakkwista dan l-Ispirtu għall-bniedem.  L-ebda bniedem ma seta’ ”jixtri” l-Ispirtu, jakkwista l-Ispirtu, bl-opri fqar tiegħu.  Niżel Alla biex jieħu ġisem ta’ bniedem sabiex f’dan il-ġisem hu jobdi l-Liġi tal-Qdusija, u bħal Ħaruf meħud għall-qatla,  jmut bi tpattija għad-dnubiet kollha.  Mal-mewt ta’ Kristu kollox tqaddes!  Mal-mewt ta’ Kristu kulħadd jista’ jirċievi l-Ispirtu fil-milja tiegħu mhux minħabba xi qdusija tiegħu imma minħabba l-merti ta’ Kristu.  Sakemm Kristu kien għadu ma għaddiex mill-esperjenza tremenda tal-Mewt u l-Qawmien, dan l-Ispirtu kien għadu marbut, ma jista’ jidħol f’ħadd għax kulħadd kien imneżża’ mill-merti qaddisa.

 

Imma malli dan l-Ispirtu nħall bl-Għid tal-Messija, huwa beda jinvadi l-bnedmin li emmnu f’Ġesù.  Dawn in-nies, qabel kienu qishom deżert... dejjem bil-għatx għall-ferħ, bil-għatx għall-Imħabba, bil-għatx għas-sliem.  Mal-effużjoni tal-Ispirtu, fihom beda jbaqbaq l-ilma ħaj tal-Ħajja ta’ Dejjem!  Xmajjar u nixxigħat, jgħid Kristu!  Id-deżert jinbidel fi ġnien imsoqqi tajjeb; jitfejqu l-ġrieħi interni kollha. L-ilma tiegħu ifur ġewwa fih tant li jfawwar għal ħaddieħor ukoll.  X’missjoni glorjuża għandna bħala Nsara! 

 

Liema hi s-soluzzjoni għall-inkwiet tad-dinja?  Invażjoni tal-Ispirtu s-Santu.  Mela ħa tishar il-Knisja f’dan il-Pentekoste; ħa titlob; ħa tinagħqad mal-Ispirtu li jgħammar fiha biex bi tnehid li ma jitfissirx bil-kliem takkwista għad-dinja l-Ħajja vera, is-Sliem veru, l-Imħabba vera.

 

Versett: Hallelujah.  Ejja, Spirtu s-Santu, imla l-qlub tal-fidili tiegħek u kebbes fihom in-nar ta’ mħabbtek. Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann.  7, 37-39

 

Fl-aħħar jum tal-festa, il-jum l-aktar solenni, Ġesù qam jgħid b'leħen għoli: "Min jieħdu l-għatx, jiġi għandi u jixrob.  Kif tgħid l-Iskrittura, min jemmen fija, minnu joħorġu xmajjar ta' ilma ħaj."  Dan qalu għall-Ispirtu li kellhom jirċievu dawk li jemmnu fih, għax l-Ispirtu kien għad ma ngħatalhomx, billi Ġesù kien għadu ma ġiex igglorifikat.