IT-TLETIN HADD MATUL IS-SENA GHAN-NISRANI, L-IMHABBA KOLLOX
Written by Frans Galea   
Saturday, 28 October 2017

Din hija il- Liturgija  tat-Tletin Hadd matul is-Sena ( 2017 ) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

 
jesus-teaches-about-the-greatest-commandment-1024.jpg

 

Ir-reliġjonijiet kollha tad-dinja jistrieħu xi ftit jew wisq fuq sett ta’ liġijiet morali li juru lill-bniedem il-mod rispettabbli kif għandu jgħix.  F’dan ir-rigward, ir-reliġjonijiet kważi kollha għamlu ġid għax “immansaw” lill-bniedem u  firduh mill-ħajja selvaġġa tal-annimali.  Naturalment, fl-antik, kien hemm reliġjonijiet pagani li flok  immaturaw lill-bniedem kienu rifless tal-istint annimalesk li kultant jisponta fina.  Kien hemm reliġjonijiet ta’ sagrifiċċji umani, per eżempju.  Imma ġeneralment, il-morali reliġjuża għolliet lill-bniedem ’il fuq mil-livell tal-ħlejjaq l-oħra.

 

Anke l-Kristjaneżmu minn dejjem kellu xi forma ta’ “guide-lines”, jew preċetti li fuqhom in-Nisrani serju kellu jimxi.  Wara kollox il-Kristjaneżmu ħareġ mill-Ġudajiżmu, ir-reliġjon tal-Lhud, reliġjon li kienet ibbażata fuq il-Liġi ta’ Mosè u tant u tant preċetti oħra li daħlu matul iż-żmien biex iservu ta’ sur madwar dawk l-Għaxar Kelmiet primittivi li inagħtaw fuq is-Sinaj.

 

Imma l-Kristjaneżmu mhux reliġjon tal-Liġi.  Kristu nnifsu kien akkużat li kien jikser ċerti preċetti ’l hemm u ’l hawn u aktar minn darba ħadha mal-Fariżej li kienu legalisti primi.  Kristu għaraf li l-Liġi hi mejta mingħajr l-Ispirtu.  Dan hu mportanti li nirriflettu ħafna fuqu għax ħafna minnha huma legalisti puri li joqogħdu attenti li ma tgħaddix nemusa minn ġol-għarbiel tagħhom, kif jgħid il-Mulej, imma mbagħad iħallu jgħaddi ġemel.  Dan hu serju.

 

Il-Kristjaneżmu mhux reliġjon imma Aħbar!  Huwa l-Aħbar it-Tajba, l-Evangelium, il-Kerigma tas-Sinjur Tagħna Sidna Ġesù Kristu.  Dan jista’ jfixkel, għax għal ħafna sekli l-Kristjaneżmu ġie ridott għal reliġjon oħra.  Il-Kristjaneżmu jħabbar fatt li ġara storikament.  Min jemmen fih hu salv.  Dan il-fatt hu li fi żmien storiku, il-Missier bagħat lil Ibnu fid-dinja liebes laħam bħal tal-bnedmin, magħruf bħala Ġesù ta’ Nazaret, biex Hu jgħix l-esperjenza tal-Għid, jiġifieri jidħol fil-Passjoni, l-Mewt u d-Difna, imma biex joħroġ rebbieħ bil-Qawmien mill-Mewt, opra tremenda tal-Missier, u hekk juri li l-Mewt, l-akbar għadu tal-bniedem, intrebħet.

 

Dan hu l-bażi tal-Kristjaneżmu... iktar minn xi Liġi jew xi preċett morali.  Li jagħmlek Nisrani hu l-fatt li int ġejt mogħti l-Grazzja stupenda tal-Fidi f’dan il-Misteru tal-Għid ta’ Kristu.  Jiġifieri, int tagħraf u temmen li Kristu bata u miet espressament għalik, għax id-dnubiet tiegħek ma setgħux jinħafru mingħajr din l-offerta ta’ Alla nnifsu b’risq tiegħek.  Dan hu ta’ mportanza enormi.  Għandna bżonn din il-laqgħa ħajja ma’ dan Kristu li ħallas tant għalina.  Biex wieħed jidħol f’dan il-Misteru, l-ewwel irid jagħraf lilu nnifsu, jagħraf id-dnub tiegħu, jibqa’ mistagħġeb kemm kien imqarraq meta kien jiġġudika lil ħaddieħor u kien jaħseb li hu O.K. għax dejjem sab raġunijiet għall-iżbalji tiegħu.

 

Min ma jagħrafx id-dejn tiegħu mal-Missier ma jista’ qatt jifhem għaliex Kristu kellu jbati tant, u Alla, li ma jafx x’inhi Mewt, kellu jidħol fil-Mewt għalih.  Int tasal biex tgħid li Kristu miet għal dak il-ħalliel, jew għall-ieħor li hu qattiel, jew għal dik il-prostituta, jew l-ieħor li jmexxi d-droga...  u hekk tkun qed taqta’ lilek innifsek mis-Salvazzjoni ta’ Kristu.  Għax isalva biss min jemmen fil-Misteru tal-Għid ta’ Kristu.  Dan tgħidu l-Iskrittura l-ħin kollu.  Mhux ta’ b’xejn li l-Mulej qal li l-prostituti u l-pubblikani kienu iktar qrib is-Saltna, għax ndubhom kien f’idejhom.  Ħadd minnhom ma kien jiddubita li kien midneb prim.  U għall-midneb ġie Alla fid-dinja.

 

Min jiskopri din l-Imħabba ta’ Alla, tinbet fih Imħabba reċiproka lejn minn bata tant għalih u ħabbu tant meta kien għadu tiegħu.  Il-midneb li jgħaddi minn din l-esperjenza, jibqa’ mbellah bil-ġenerożità ta’ Alla miegħu!  U r-riżultat ta’ dan ikun li l-ġrieħi nterni tiegħu li kienu għamluh egoista u midneb, jinxfulu, ifiqulu, b’tali mod li ma jaħsibx iktar fih innifsu, ma jiġbidtx iktar lejh, imma l-Imħabba timbuttaħ lejn l-“ieħor”, lejn il-proxxmu.  Dan bħal wieħed li jkollu darsa tuġgħu. Ma jkollu moħħ ħadd.  Ħsiebu kkonċentrat fuq dak li qed iħoss hu.  Ma jistax jaħrab l-uġigħ tiegħu.  Imma jekk tfieqlu d-darsa, allura kapaċi jagħti kasek.  Dan hu li jseħħ fil-konverżjoni.

 

Allura, altru li l-Kristjaneżmu mhux Liġi.  Il-Kristjaneżmu hu Mħabba, u kontra l-Imħabba m’hemm l-ebda Liġi.  Kristu tkellem fuq kif ikun in-Nisrani.  Hu tana ritratt tan-Nisrani fid-Diskors tal-Muntanja.  Mur prova għamel Liġi minnu dan id-Diskors, isa!  Ħadd mhu kapaċi li jibda jgħix dan.  Id-Diskors tal-Muntanja huwa erba’ darbiet itqal mill-Għaxar Kmandamenti.  Kristu ma tahulniex bħala Liġi, imma ried jurina x’kapaċi tagħmel l-Imħabba bil-bniedem.  Ħadd minnha mhu kapaċi jgħix l-Għaxar Kmandamenti, aħseb u ara d-Diskors tal-Muntanja, imma min jiskopri li Alla hu nnamrat miegħu/magħha, jinżel fih l-Ispirtu tal-Imħabba, li hu l-Ispirtu s-Santu u huwa Dan li jagħmel il-bniedem jgħix mhux biss l-Għaxar Kmandamenti imma wkoll id-Diskors tal-Muntanja.  Il-Liġi ma ssalvax, imma l-Imħabba li titnissel mill-Fidi f’dak li għamel Ġesù għalina, iva.

 

L-Ewwel Qari

 

Dak li ntqal lill-Poplu ta’ Alla, tant u tant sekli ilu, għadu ħafna relevanti għalina llum.  Hi tal-għaġeb il-Kelma ta’ Alla fir-relevanza eterna tagħha.  Il-poplu hu mħeġġeġ mill-Mulej biex ma jaħqarx lill-barrani, lir-refuġjati ta’ żmienna, “għax barranin intom ukoll kontu fl-art tal-Eġittu”  (v. 20), igħidilhom.  Il-barrani li hu mbiegħed minn artu, diġa qed ibati minn solitudni, minn insigurtà għax imbiegħed mill-veru ambjent tiegħu.  Huwa l-miskin, u qalb Alla tinħall għat-tbatija tal-imsejken.  M’għandux fuq min idur, u għall-kuntrarju, jsib min iħares lejh bl-ikrah donnu qed jisraq xi ħaġa.  Ħafna minna l-Maltin u l-Għawdxin kienu “refuġjati”, barranin, emigrati ’l bogħod minn pajjiżhom minħabba raġunijiet ta’ ekonomija u xogħol.  Niftakar kemm kien ikun hawn tħassib dari meta kienu jgħidu li l-Awstralja jew l-Amerika kienu se jagħalqu bwiebhom għall-emigranti.

 

Issa l-folja nqalbet u aħna qegħdin f’sitwazzjoni fejn aħna mitluba minn Alla nnifsu biex ngħinu lil ħaddieħor li ġie għandna mhux għal kwistjonijiet ekonomiċi, ħafna drabi, iżda maħrubin minn moħqrija tal-biża’ u gwerer li nsejna x’inhuma li qed iħarbtu l-artijiet għeżież tagħhom.  Dawn ma humiex fostna b’kapriċċ!  Kemm nies, u l-aktar tfal, ħalsu b’mewt kiefra l-ħarba tagħhom ta’ bil-fors minn pajjiżhom.  Hu veru li hemm il-biża’ ta’ taqliba  kulturali u anke reliġjuża fil-pajjiż.  Imma dawn in-nies huma okkażjoni għalina li ngħoddu ruħna bħala Nsara, biex bl-eżempju tagħna nuruhom min hu Kristu u nrattbulhom qalbhom għaliH, Hu li fuqu ftit li xejn semgħu.  Għandna missjoni hawn, u l-Mulej, b’dan il-qari, qed jistenna li aħna nwettquha.

 

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu.  22, 20-26

 

Dan igħid il-Mulej: “La taħqarx il-barrani, u la tgħakksux, għax intom ukoll kontu barranin fl-art ta' l-Eġittu. La taħqrux l-armla jew l-iltim, għax jekk taħqruhom, u huma jsejjħuli, jien żgur nismagħha l-għajta tagħhom; u l-qilla tiegħi tixgħel, neqridkom bix-xabla; u n-nisa tagħkom jormlu u wliedkom jisfaw iltiema.

 

“Jekk inti tislef lil xi fqir mill-poplu tiegħi, iġġibx ruħek miegħu bħal wieħed sellief, u teħodlux imgħax. Jekk lil għajrek teħodlu l-libsa tiegħu b'raħan, agħtihielu lura qabel inżul ix-xemx;  għax hu dik biss għandu biex jitgħatta, dik biss l-għata ta' ġismu; inkella fiex tridu jorqod? Għax jekk isejjaħli, jiena nisimgħu, għax jien ħanin.”

 

Salm Responsorjali

 

F’dawn il-kitbiet tagħna, ħafna drabi għafasna fuq il-ħtieġa li niskopru l-Wiċċ veru ta’ Alla; niltaqgħu f’laqgħa ħajja miegħU; insiru nafu dejjem aktar Hu min hu; inpoġġu ruħna fi proċess, f’mixja, fi vjaġġ lejn dan il-Misteru meraviljuż ta’ Alla li lilna jafna, wieħed wieħed, imma li aħna ftit li xejn nafuH, anke jekk nafu ħafna dwaru.

 

Li wieħed jiskopri lil Alla jfisser li jintebaħ, bi Grazzja, l-għoli, il-fond, il-wisgħa tal-Imħabba li ma titwemminx li Hu għandu għalik, għalija, għalina, saħansitra meta aħna niġu naqgħu u nqumu minnu.  Il-bniedem li jiskopri lil Alla, jagħraf li Alla hu sur għalih kontra x-xjaten għedewwa li sikwit ikissruna minn ġewwa.  Alla hu l-qawwa u l-blata tagħna, il-fortizza u l-ħellies tagħna  (v. 3) fi żmien meta ma nkunux komdi u aljenati, imma mdawrin mill-inkwiet tal-Ħajja.

 

Hawnhekk għandna biss silta ċkejkna minn Salm twil wieħed u ħamsin vers.  Banda oħra jgħid: “Imwieġ tal-mewt ħakmuni, widien tal-biża’ werwruni, ħbula tal-imwiet dawruni, xbiek tal-mewt inqaleb fuqi.”  (vv. 5-6).  Minn minna qatt ma għadda minn esperjenza li dan is-salm jiddiskrivi bi Kliem poetiku u sabiħ.  Minn minna, speċjalment ta’ ċerta età, qatt ma esperjenzja mumenti f’Ħajtu meta xxennaq b’qalbu kollha li jkollu Fidi ikbar, ċertezza akbar li Alla  mhux se jħallih waħdu, li mhux se jpattihielu għad-dnubiet li għamel meta kien komdu?  Min minna qatt ma xtaq b’qalbu kollha li jserraħ moħħu b’Alla fl-inkwiet tiegħu?  L-esperjenza kollox, u l-esperjenzi ħarxa jibnulna l-Fidi għax hu hemm li niltaqgħu ma’ Alla  li jissorprendina bil-maħfra tiegħu u bl-għajnuna tiegħu.  Għax is-Salm ikompli jgħid: “Fil-hemm tiegħi lill-Mulej sejjaħt, tlabt l-għajnuna ’l Alla tiegħi; hu sama’ leħni mit-tempju tiegħu, f’widnejh waslet l-għajta tiegħi.”  (v. 7).

 

Bħalma l-mużika trattab il-qalb, hekk, u anke iktar minn hekk, is-Salmi jħollu l-id kiesħa li sikwit tagħfas madwar qalbna u jsaħħnuhielna u jimlewhielna b’Tama ġdida.  Ikun imbierek Alla li darba wara darba jaħfrilna u jagħtina r-rebħa fuq il-mewt li ddur madwarna.

 

Ritornell: Inħobbok, Mulej, qawwa tiegħi.

 

Salm 18

 

Nħobbok, Mulej, qawwa tiegħi!

Il-Mulej blata tiegħi,

fortizza u ħellies tiegħi.

 

Alla tiegħi, sur tal-kenn tiegħi u tarka tiegħi,

qawwa tas-salvazzjoni tiegħi u kenn tiegħi!

Nsejjaħ il-Mulej, li hu ta' min ifaħħru,

u nkun meħlus mill-għedewwa tiegħi.

 

 Ħaj il-Mulej! Mbierek hu, il-blata tiegħi!

Ikun imfaħħar Alla  tas-salvazzjoni tiegħi!

Hu jkabbar ir-rebħ lis-sultan tiegħu,

juri mħabbtu mal-midluk tiegħu.

 

It-Tieni Qari

 

L-Ewwel Ittra lit-Tessalonkin, li partijiet minnha se jinqraw f’dawn l-aħħar Ħdud tas-Sena Liturġika, kienet l-ewwel Ittra li kiteb Pawlu lill-komunitajiet tiegħu.  Hija l-iktar Ittra antika tiegħu.

 

Huwa jfaħħar lill-aħwa ta’ Tessalonika, belt sinjura tal-Maċedonja, illum fil-Greċja.  Kien hawn li Pawlu kellu l-ewwel faraġ u success fil-Missjoni kbira tiegħu li jxandar il-Mewt u l-Qawmien ta’ Kristu lill-pagani.  Hu jgħid li l-aħwa tat-Tessalonika kienu laqgħu bil-ferħ l-Aħbar li ġabilhom u ħajjithom inbidlet għal kollox tant li saru jixbħu lilu fl-Imħabba tagħhom għal Kristu.  B’hekk huma saru sinjal għall-pagani ta’ madwarhom u ġibdu lejn Kristu ġmiegħi ġodda.

 

Huma kienu jħobbuhom ħafna lil Pawlu u lil sħabu li kienu jevanġelizzaw miegħu, għax fihom kienu jaraw l-“Anġli tal-Mulej” li taw ħajjithom għalihom biex iwasslulhom l-Aħbar li Alla bagħat lil Ibnu fid-dinja biex kull min jemmen fih ikun ċert mis-salvazzjoni dejjiema u mill-Imħabba divina.  F’Pawlu kienu jaraw dak il-bniedem li bih Alla kien qalagħhom mill-qima lejn l-idoli mejta tad-dinja.

 

Aħna lkoll nafu xi tfisser din il-qima lejn l-idoli mejta tad-dinja.  Id-dinja hi mimlija allat foloz: flus, fama, suċċess, saħħa, affetti, passatempi, xiri... kull fejn tħares tara idoli li jwegħduk il-ferħ, il-Ħajja u jippruvaw inissuk li fil-fatt kollox qed imut madwarek, u int magħhom.  Huma jġennu n-nies li jemmnu ħafna fihom, imma mhux veru, le mhux veru li jsolvulek il-problema ċentrali tal-Ħajja tagħna: il-biża’ tal-mewt.  Dan il-biża’ tal-mewt jieħu ħafna forom; hi qagħda psikoloġika profonda ħafna.  Anke meta l-anqas li naħsbu dwar dan, ġisimna jaf li qiegħed il-ħin kollu jmut, bħal sufarell tal-festa li jagħmel ħafna storbju, imma li fl-istorbju u s-sbuħija tiegħu qed jaħraq ħajtu.  Hekk aħna lkoll, u dan il-misteru jiddominana u jaffettwa kull ħaġa li nagħmlu.

 

Il-bniedem imbiegħed minn Alla, jħossu waħdu quddiem dan kollu u ma ttiħx tort li jsir egoista, kif diġa semmejna fil-bidu ta’ din il-kitba.  Huwa jdur lejn l-idoli mejta tad-dinja biex iserrħuh minn din ir-rejaltà.  In-Nisrani jemmen li Kristu huwa l-Waħdieni li rebaħ il-mewt.  Ħadd ħliefu ma jista’ jagħtina dak li qalbna hi maħluqa għalih.  Imbierek il-bniedem li jistenna l-Miġja glorjuża tal-Mulej f’Ħajtu.  Alla ma jiddiżappuntax.  It-Tessalonkin indunaw bid-differenza bejn il-Mulej li hu Ħaj u l-idoli mejta, u daru lejH b’qalbhom kollha.

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonkin.  1, 5c-10

 

Ħuti: intom tafu kif ġibna ruħna meta konna fostkom għall-ġid tagħkom.  Intom sirtu tixbhu lilna u l-Mulej, billi lqajtu l-kelma fost ħafna taħbit bil-ferħ ta' l-Ispirtu s-Santu.  Hekk intom sirtu mudell għal dawk kollha li emmnu fil-Maċedonja u l-Akaja.  Mhux biss il-kelma tal-Mulej ħarġet minn għandkom u xterdet fil-Maċedonja u l-Akaja, imma l-fidi li għandkom f'Alla xterdet ma' kullimkien b'mod li aħna ma għandna għalfejn ngħidu xejn.  Huma stess jgħidu x'laqgħa kellna għandkom, u kif dortu lejn Alla u tlaqtu l-idoli biex taqdu lil Alla ħaj u veru  u tistennew ġej mis-sema lil Ibnu, li hu qajjem mill-imwiet, Ġesù li ħelisna mill-korla li ġejja.

 

Evanġelju

 

Ġesù Kristu se jgħolli leħnu u jlissen il-Kelmiet qaddisa u misterjużi tax-Shemà.  “Shemà” hi Kelma Ebrajka li tfisser “Isma’” bil-lingwa tagħna.  Meta Alla jgħidlek “Isma’”, “Shemá”, ikun tassew irid isemmagħlek xi ħaġa ta’ mportanza enormi għas-salvazzjoni eterna tiegħek.  Ġesù se jgħidilna x’inhu dak li hu mportanti għal qalb Alla.  Imma qabel ma niżvelaw din is-sentenza memorabbli, ħa ngħidu xi ħaġa fuq kwistjoni polemikuża mmens li kienet rampanti fi żmien Ġesù, u għadha hekk sal-lum.

 

Il-kwistjoni kienet: “X’post għandha jkollha l-Liġi fil-Ħajja tal-bniedem?  X’post għandha jkollha l-morali fil-Ħajja tan-Nisrani?”  Din hi kwistjoni li ħafna jitmasħnu fuqha llum ukoll, u se tibqa’ sal-aħħar taż-żmien.  Il-bniedem matur jagħraf il-bassezzi tiegħu; jaf kemm malajr kapaċi jinbidel u lanqas jgħarfuh dawk li jafuh.  Il-bniedem hu dgħajjef u miġbud ’l hawn u ’l hinn mill-passjonijiet u l-egoiżmi tiegħu.  Għalhekk il-bniedem jemmen ħafna fil-Liġi u jibża’ li mingħajr is-setgħa tal-Liġi kollox jirritorna lura lejn ir-renju tal-ġungla, fejn min hu b’saħħtu jagħmel li jrid fuq il-bqija, bħalma jseħħ fl-ambjent tal-annimali: “survival of the fittest”.  Il-bniedem li jirraġuna ħoloq il-Liġi biex jagħti ċans  u jkun ġust ma’ kulħadd, u dan għamlu anke bl-għajnuna tal-intervent ta’ Alla.

 

Dan ir-raġunar legali daħal ukoll fir-reliġjonijiet, kif diġa għidna.  Imma l-ossessjoni sa fl-intietef tal-Liġi għamel mill-bniedem “reliġjuż” ipokrità.  L-ubbidjenza tal-Liġi, speċjalment f’għajnejn in-nies, saret għodda għall-istima u għall-pożizzjoni fis-soċjetà, iktar milli biex wieħed ikun ġust quddiem Alla.  Minoranza ta’ Lhud indunaw b’dan u bdew jattakkaw lil dawn il-legalisti li waqt li jippruvaw jobdi l-Liġi, kienu saru nies bla Liġi għax kienu jiġġudikaw u jaħsbu ħażin f’dan, f’dak u fl-ieħor, u meta kienu jaħtfu lil xi ħadd fil-ksur tal-Liġi kienu jsiru lpup bla ħniena fil-kastig tagħhom.  Tip ta’ dawn kienu l-Fariżej, u llum għandna l-fundamentalisti Iżlamiċi li huma ħafna iktar vjolenti.

 

Kristu kien l-aktar wieħed li kien jara l-qalb tal-bniedem u kien jifhem l-iżball li kienu qed jaqgħu fih dawk li jħambqu favur il-Liġi.  Il-Liġi li kienet l-iktar għal qalb dawn in-nies kienet il-Liġi tax-Shabbat, il-Liġi tas-Sibt u l-ħarsien tiegħu.  Min kien jikser is-Sibt għalihom ma kienx fil-Ġemgħa qaddisa; kien maqtugħ barra.  Laqnas opra ta’ ħniena urġenti ma kienet permessa nhar ta’ Sibt, u hawn joħroġ il-fatt li l-Liġi tista’ tkun kontradittorja, iktar tbegħdek minn Alla milli tressqek lejH, għax taqlagħha fuq rasha l-Imħabba.  Għal Kristu, u naturalment għal Alla, l-unika ħaġa li tiswa hija l-Imħabba u dak kollu li jkabbarha u jiddefendiha.  X’jiswa li tosserva s-Sibt biex tqim ’l Alla meta Mħabba m’għandekx la għaliH u lanqas għall-proxxmu?  Kollox jiddeġenera f’opri għal wiċċ in-nies.

 

Hu għalhekk li Ġesù jwieġeb lil min ried idaħħlu fil-kotroversja bil-kelmiet tad-Dewteronomju, bix-Shemà:  “Isma’ (Shemà) o Iżrael!  Ħobb il-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu.  Dan hu l-akbar kmandament.  U t-tieni jixbhu: Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.”  (v. 37-39).  Santu Wistin ħareġ bil-famuża frażi tiegħu: “Ħobb, u agħmel li trid!”  B’”ħobb” hu kien qed jirreferi għall-Imħabba vera u mhux għall-egoiżmu liebes il-libsa pulita tal-imħabba umana li fuqha jinbnew ħafna żwiġijiet li jitfarrku malajr.  Jekk tħobb tassew m’intix se tikser il-Liġi.  Jekk tħobb tassew m’intix se tkun egoista, qatt.  Jekk tħobb tassew, tinsa lilek innifsek biex tagħmel il-ġid lill-oħrajn.  Jekk tħobb tassew, Alla hu għalik fl-ewwel post qabel kollox u dejjem.

 

Versett: Hallelujah.  Missier Sidna Ġesù Kristu idawlilna l-għajnejn ta’ qalbna, biex nagħarfu x’inhi t-tama tas-sejħa tagħna.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew.  22, 34-40

 

 F’dak iż-żmien : meta l-Fariżej, semgħu kif lis-Sadduċej kien saddilhom ħalqhom, nġabru madwaru, u wieħed minnhom, għaref fil-Liġi, għamillu din il-mistoqsija biex iġarrbu: "Mgħallem, liema hu l-kmandament il-kbir, fil-Liġi?"  Qallu Ġesù: "Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b'qalbek kollha, b'ruħek kollha, u b'moħħok kollu.'  Dan hu l-kmandament il-kbir u l-ewwel wieħed.  U it-tieni jixbhu: 'Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.'  Dawn iż-żewġ kmandamenti huma l-qofol tal-Liġi kollha u tal-Profeti."