L-AHHAR HADD TAS-SENA LITURGIKA (2016-17) KRISTU SULTAN TAL-ISTORJA |
Written by Frans Galea | ||
Saturday, 25 November 2017 | ||
Din hija il- Liturgija ta' l-Ahhar Hadd tas-Sena Liturgika ( 2016-17 ) Kristu Sultan bi hsibijiet min Joe Rapa.
Il-Knisja tispiċċa s-Sena Liturġika tagħha billi tifraħ, tiċċelebra u tiffesteġġja lill-Għarus tagħha, Kristu Ġesù bħal s-Sultan ta’ kollox, ta’ kulħadd, ta’ kull sitwazzjoni kerħa jew sabiħa... Sultan tal-Istorja. Għall-Knisja, li hi l-Għarusa, huwa l-Għarus tagħha l-waħdiei li daħal fil-Mewt minn jeddu biex jiġġildilha. In-nies kuraġġużi u qalbiena tal-Istorja baqgħu magħrufa kif tqabdu kontra l-mewt biex jevitawha, biex jaħarbu minnha u jirbħulha billi ma jħalluhiex taħtafhom bid-dwiefer tagħha. Imma fl-aħħar mill-aħħar, u din hija t-traġedja tal-umanità, tirbħilha llum u għada, imma pit’għada hija hi li tirbaħ.
Kristu kien l-uniku li daħal fil-Mewt minn jeddu għax għaraf li hekk biss seta jneħħi n-niggieża tagħha. Il-Mewt tqabdet mal-Imħabba u skopriet li l-ikbar għadu tagħha mhux il-vjolenża, mhux il-kuraġġ, mhux l-erojiżmu ta’ nies ‘kbar’ li narawhom raġġreżentati fil-monumenti, imma l-Imħabba. L-Imħabba hi l-għadu li teqred il-mewt. L-Imħabba hi s-Sid ta’ kollox, u l-Imħabba hi Alla, hi Kristu. Hu minħabba dan li l-bniedem ukoll isaltan; il-bniedem hu s-Sultan tal-Univers għax hu biss iddaħħal f’din it-tama tar-rebħa fuq il-mewt. U ddaħħal, mhux daħal. Mhux hu imma Kristu, u jekk Kristu huwa Sultan ta’ kull sitwazzjoni u ta’ kull żmien, dan hu b’risq l-Għarusa tiegħu u b’risq kull bniedem. Naturalment, dan ma jgħodd xejn għal dawk li ma jemmnux, għax min se jmur jiġbed il-flus mill-bank jekk ma jemminx li xi ħadd ġeneruż fetaħlu akkont enormi? Min se jmur sal-aħħar post tad-dinja jfittex tabib li qalu li kien l-uniku li sab fejqan għall-marda tiegħu, jekk ma jemminx dak li qalulu.
Hu faċli nagħmlu daqsxejn ta’ festa lil Kristu Sultan... immorru sal-Knisja... nieħdu sehem f’xi attività reliġjuża speċjali... anke nemozzjonaw xi ftit ruħna... Imma hu ħafna pertinenti u mportanti, jien l-ewwel wieħed, li nistaqsu kif nafu li Kristu huwa tassew Dak li jaħkem l-univers, Dak li qed irieġi l-Istorja llum, Dak li qed jaħdem l-Istorja tiegħi personali qisha biċċa bizzilla, jew biċċa rakkmu tal-arazzi li minn wara tidher kerha, kollha ħjut imgerfxa u għoqod? Li Kristu huwa s-Sultan hija verità f’Ħajti jew hi xi għajta tat-tribù tiegħi, bħalma jgħjatu n-nies fil-marċ tal-festa, jew fil-ground tal-football?
Deħlin fi żmien meta l-Kristjaneżmu tagħna jrid bil-fors joħroġ minn qagħda kulturali, folkorista u tribali... jien Nisrani għax kulħadd madwari hu Nisrani u għax trabbejt fi drawwiet Insara bħall-festi eċċ u madwari ħlief knejjes, statwi fit-toroq u qniepen idoqqu ma tarax u ma tismax... għal Fidi adulta, Fidi li hi minoranza fil-pajjiż, Fidi li aktarx li tkun ippersegwitata fil-ġewwieni qarib għax hi l-oppost tal-kultura dominanti tal-punent.
L-għaġeb hu li din l-Istorja hi ddominata minn Kristu! Temmnu inti dan? Jew Kristu donnu li tilef il-kontroll ta’ kollox u ma jistax isib tarf il-bniedem modern bit-fittxija ma taqtax għal drittijiet dejjem ġodda u ħadd ma jaf fejn se nispiċċaw? Huwa fid-dlam li jrid jiddi d-Dawl tal-Fidi tagħna.
L-Ewwel Qari
Mhux faċli li fil-piki u l-vjolenzi bejn il-pajjiżi, wara tant gwerer li ferew għal kollox lill-bniedem fl-ispirtu tiegħu, fl-intiena tal-iġsma maħruqa fil-kampijiet ta’ konċentrament, fit-tbatija tal-marid, jew tal-imsawta ġo darha, jew tar-refuġjat stmat qisu kelb mhu ta’ ħadd... Mhux faċli temmen fi Kristu bħala Sultan li hu fl-istess ħin Ragħaj ħanin u manswet li jħares ’l hemm u ’l hawn lejn in-nagħaġ u jafhom kollha b’isimhom u jinduna mill-ewwel li xi waħda marret tittarraf x’imkien. It-tbatija hija skandlu. It-tbatija taħti li tant tilfu l-Fidi. Il-Vanġelu jgħidilna li Kristu taffa t-tbatija ta’ ħafna bil-mirakli li għamel u iktar bil-konverżjoni li saru biH. Imma Kristu ma ġiex fid-dinja biex ineħħi t-tbatija. Din l-assertazzjoni taħsad lil ħafna. Kristu ma ġiex biex id-dinja kollha toqgħod fi kju quddiemu sakemm kulħadd imissu jfiq. Kristu mhux maġija jew xi eroj tal-mitoloġija jew tal-‘fairy-tales’.
It-tbatija u l-mewt fiżika huma monstri naturali, parti mid-dinja, parti mill-ħajja ta’ hawn. Wieħed jistagħġeb kif il-bniedem jibqa’ ggranfat tant ma’ din il-ħajja li għalkemm hi sabiħa minn barra, fil-qalba tagħha hi mmarkata mit-tbatija. Ir-rebħa meraviljuża ta’ Kristu fuq it-tbatija u l-mewt hi mhux li neħħihom min-nofs imma li tahom sens! Kemm tbatijiet li għalihom il-bniedem jidħol minn jeddu għax għalkemm mhumiex sbieħ imma jara sens fihom. Ix-xogħol hu tbatija, imma malli teħodlu x-xogħol lill-bniedem teqirdu għax mix-xogħol jara l-flus. hemm sens fit-tbatija tax-xogħol. Hemm sens fit-tbatija ta’ mara li waslet biex tiled bniedem fid-dinja. Hemm sens f’ħafna tbatijiet. M’hemmx sens fit-tbatija tal-mard. M’hemmx sens fit-tbatija tal-inġustizzji, fit-tbatija tal-fallimenti, fit-tbatija ta mħabba miċħuda jew traduta. M’hemmx sens fit-tbatja tas-solitudni ta’ tant imsejkna bla ħbieb, bla ma ħadd jifhimhom. M’hemmx sens f’tant tbatijiet.
Imma hija t-tbatija li trawwem lill-bniedem u timmaturah. Hemm nies fis-soċjetà moderna li minħabba l-għana tagħhom kapaċi jaħarbu minn ħafna tbatijiet li jkiddu lill-oħrajn... jagħmlu triq fil-baħar bil-flus bħalma jgħid il-qawl Malti. Imma jsiru nies bla sinsla, ċappa xaħam fuq karta mhuma kapaċi għal xejn. Għalihom ukoll jasal il-waqt tal-prova u jimbarmu għax baqgħu tfal. X’ma tinbiegħx id-droga! Imma kemm se ddum taħrab?
Kristu ġie biex jagħti sens lill-Istorja tiegħek, lit-tbatija tiegħek hi x’inhi. M’hemm xejn li ma jisstax jiddawwal mill-Misteru ta’ Kristu. Imma hemm bżonn ngħarfu lil Kristu. Huma l-umli biss li jippruvaw, għalhekk li tagħhom hija s-Saltna. Kristu jgħidlek li kollox hu parti minn proċess tal-Għid li qed iseħħ f’ħajtek: tiġi x-xitwa, imma hi tħejji d-dinja għar-rebbiegħa! Jiġi d-dlam, imma dan iħejji għas-sbuħija tas-sebħ! Tmut il-ħabba tal-qamħ taħt il-ħamrija, imma biex minnha toħroġ ħajja ġdida! Tokrob il-mara fis-siegħa tagħha, imma fiha qegħda titrawwem ħajja ġdida! Alla qed jippermetti t-tbatija f’ħajtek, imma kuraġġ, se taħsad Qawmien meraviljuż minn hawn stess. Għax kollox hu Għid: mogħdija mill-Passjoni għar-Rebħa fuq il-mewt. Inti biss emmen!
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel. 34, 11-12. 15-17
"Għax dan jgħid Sidi l-Mulej: Arawni, hekk jien se nfittex in-nagħaġ tiegħi u nieħu ħsiebhom. Bħalma r-ragħaj jaħseb fil-merħla tiegħu meta jsib ruħu f'nofs in-nagħaġ imxerrda tiegħu, hekk naħseb jien fin-nagħaġ tiegħi, u nsalvahom minn kull fejn xterdu fi żmien is-sħab u s-swied ta' l-ajru.
Jiena stess nirgħa n-nagħaġ tiegħi, u jiena nserraħhom, oraklu ta' Sidi l-Mulej. Jiena nfittex il-mitlufa nreġġa' lura l-imxerrda, ninfaxxa l-ġrieħi tal-miġrugħa, u nqawwi l-marida. Nħares is-smina u l-qawwija, u nirgħahom bil-ġustizzja."
"Imma għalik, merħla tiegħi, hekk jgħid Sidi l-Mulej: Ara, jien nagħmel ħaqq bejn nagħġa u nagħġa, bejn imtaten u bdabad.”
Salm Responsorjali
Salm 23 huwa fost is-Salmi li kulħadd jafhom. Kemm tkun ħaġa sabiħa li nsiru Knisja ta’ nies midħla u intimi mal-Bibbja, mal-Iskrittura Mqaddsa! Kemm tkun ħaġa sabiħa li s-Salmi jsiru t-Talba tagħna, bħalma huma t-Talba tas-saċerdoti u tan-nies ikkonsagrati! Is-Salterju kien il-ktieb ta’ talb ta’ Kristu, tal-Madonna, tal-appostli, anke jekk forsi ħafna minnhom ma kinux jafu jaqraw. Il-Lhudi kien jitgħallem is-Salmi bl-amment u jlissinhom skont iċ-ċirkostanza.
F’dan l-Aħħar Ħadd, il-Knisja tagħtina s-Salm 23, is-Salm tar-Ragħaj it-Tajjeb. Min jagħmel tiegħu dan is-Salm, min tassew għamel esperjenza li Alla hu r-Ragħaj ħanin li qatt ma jħallih waħdu meta jitla’ s-sħab iswed u jvenven ir-riħ, min għex dan hu tassew bniedem hieni u bniedem ta’ Fidi. Għax hu bl-Istorja, bl-esperjenzi, bil-ġrajjiet li ngħaddu minnhom li niskopru l-mod kif inhu Alla, it-tenerezza li biha jimxi magħna. Dan il-bniedem isir bniedem ta’ Alla. Min hu n-Nisrani? Huwa dak li l-Istorja għamlitu “trasparenti”. Flok ma xewxitu kontra Alla, Sid l-Istorja, sar bniedem ta Alla. Hu “trasparenti” għax minnu jiddi Alla, minn ġo fih jgħaddi d-Dawl ta’ Alla, il-kuluri meraviljużi ta’ Alla bħalma d-dawl tax-xemx jgħaddi mill-ħġieġ ikkulurit tal-istained glass u jdawlu l-ħajja ta’ kulħadd bl-isfar dehbi, bl-aħdar, l-aħmar, il-blu... X’meravilja n-Nisrani! Jekk ġo ħabs mimli nies iddisprati, issib Nisrani veru wieħed, dak il-ħabs jiddawwal u minn post griż jew iswed, isir ċikċivogu tal-kuluri kollha tal-ħajja.
Fin-Nisrani, it-tbatija hi mirbuħa għax hu jgħix fis-sigurtà tal-Fidi fir-Ragħaj tiegħu. Jekk ir-Ragħaj, li jimxi quddiemu, jibda nieżel lejn wied mudlam, in-nagħaġ iħarsu lejn dahru u jimxu warajh, għax jafu li Hu qed imexxihom lejn il-maqjel sħun, jew lejn mergħat għonja bil-ħaxix u l-ilma. Hu jaf kollox. Hu biss jafha t-triq. Imma biex wieħed ikun hekk fidil għandu bżonn jikber fil-Fidi.
Ritornell: Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni.
Salm 23
Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni; f'mergħat kollha ħdura jqegħedni. Ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni; hemm hu jrejjaqni. Imexxini fit-triq tas-sewwa minħabba l-isem tiegħu.
Int tħejji mejda għalija quddiem l-għedewwa tiegħi. Biż-żejt tidlikli rasi, u l-kalċi tiegħi tfawwarli.
Miegħi, iva, jimxu t-tjieba u l-ħniena il-jiem kollha ta' ħajti. U ngħammar f'dar il-Mulej sakemm indum ħaj!
It-Tieni Qari
In-Nisrani hu Nisrani għax emmen il-Kerigma, emmen l-Aħbar it-Tajba tal-Mulej Ġesù. Jekk hu bniedem li jaħseb li hu Nisrani għax imur il-knisja u jiddefendi l-Knisja u “jipprova” jagħmel xi opri twajba, jista’ jkun li hu Nisrani biss fl-immaġinazzjoni ta’ moħħu. Li wieħed imur il-knisja u jieħu sehem fil-Liturġija, u jitlob, u jgħin fejn jista’, dawn huma affarijiet qaddisa li jagħmilhom in-Nisrani. Imma mhux dawn jagħmlu minni u minnek Nisrani. Dawn huma affarijiet li anke bniedem “reliġjuż” jista’ jagħmilhom bla ma jkun Nisrani. Għax mhux in-Nisrani biss jitlob... il-Lhud, il-Misilmin, il-Buddisti u l-bqija jitlbu wkoll, u mhumiex Insara. Mhux in-Nisrani biss jingħaqad mal-ġemgħa fil-post qaddis għax il-Lhud għandhom is-sinagoga u l-Mislem għandu l-moskeja, waqt li l-Buddisti għandhom it-tempji tagħhom. U dawn kollha kapaċi jagħmlu xi atti ta’ karità wkoll. Anke bniedem li ma jemminx bil-qargħa ħamra wkoll jagħmel opri “tajba”.
Mela x’inhi dik il-ħaġa li tagħmlek Nisrani, li tagħmlek differenti, li tagħmlek Iben adottat minn Alla? Mhux ir-reliġjon, għax allura nkunu qed nagħtu raġun lid-dinja meta tgħid li r-reliġjonijiet kollha huma xorta u int Nisrani għax twelidt Malta waqt li l-ieħor twieled ftit ’l isfel, fil-Libja u allura hu Mislem. Ir-relijonijiet huma kollha mibnija fuq l-attentat tal-bniedem li jagħraf lil Alla u jersaq lejh. F’dan is-sena kollha huma tajbin. Imma l-Verità hi waħda: meta l-bniedem ma setax isib lil Alla, Alla niżel hu jgħammar mal-bnedmin meta bagħat lil Ibnu Ġesù Kristu, mhux biex jgħallem u lanqas biex jagħmel il-mirakli, anke jekk dan kollu għamlu, imma biex juri li Alla hu Missier li jħobb billi daħal fil-mewt biex jieħu fuqu l-kastig li jmiss lil kull bniedem li jidneb. Bi Kristu jien u int aħna qaddisin! Bi Kristu aħna miksijin bil-merti! Bi Kristu aħna lebsin il-libsa l-bajda tal-innoċenza għax aħna ġġustifikati biH quddiem il-Missier. Id-dejn tagħna kollu tħassar. U jekk Hu għadda mid-dlam, ma baqax hemm għax il-Missier qajmu mill-mewt b’risq tagħna. Ħa nkunu nafu li kull darba li ngħaddi minn esperjenza li toqtolna, li titfagħna fi dwejjaq kbar, dan mhux għal dejjem, imma din hi t-triq li twassal għall-qawmien. Fi Kristu jisbaħ żgur. Nimxu wara r-Ragħaj u Hu ma jidħaqx bina!
San Pawl se jitkellem fuq din il-Kerigma, din l-AħbarTajba. Dan hu li jagħmel minna Nsara, jekk nemmnu fl-Għid ta’ Kristu. Aħna twelidna fid-dnub minħabba li writtna n-natura ta’ missierna Adam. B’din in-natura l-qadima ma nistgħux ngħixu fis-sliem hawn u lanqas insalvaw. Imma fil-Magħmudija li rċivejna hemm il-merti kollha ta’ Kristu miġbura bħal f’żerriegħa ċkejkna u umli. Din iż-żerriegħa għandha bżonn tikber u ssir siġra fina u tagħmel il-frott ta’ opri mhux “reliġjużi” imma Kristjani. Hemm differenza. “Għax bħalma l-bnedmin kollha jmutu f’Adam, hekk ukoll jiksbu l-ħajja fi Kristu.” (v. 22). Din hija d-differena bejn Nisrani u bniedem li hu biss “reliġjuż”. Dan tal-aħħar jibqa’ mwerwer quddiem il-mewt fiżika, għax għalkemm jittama f’ħajja oħra, mhu ċert minn xejn. Hu jitlob il-ħin kollu għal grazzji marbutin ma’ din id-dinja, għax f’din il-ħajja l-iktar li jemmen.
In-Nisrani għandu Spirtu ġo fih rebbieħ fuq il-mewt. Tneħħa minnn ġo qalbu l-biża’ tal-mewt u hekk ma jaħsibx iktar fih innifsu l-ewwel u jasal biex saħansitra jħobb lill-għadu u jgħadru u jifhmu. Dan, naturalment, mhux bis-saħħa tiegħu imma għax inagħta natura ġdida, dik ta’ Kristu nnifsu. U ara ma naħsbux li dawn l-affarijiet mhumiex għalina. Dan ma jiddependix kemm aħna tajbin, kemm aħna kapaċi, kemm nagħmlu sagrifiċċji, imma kollox jiddependi mill-Grazzja. Dan l-Ispirtu hu rigal b’xejn, Grazzja, ta’ Alla.
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin. 15, 20-26. 28
Ħuti: Kristu kien imqajjem tassew mill-imwiet, l-ewwel frott fost dawk li raqdu. Għaliex, jekk permezz ta' bniedem feġġet il-mewt, bi bniedem ukoll iseħħ il-qawmien mill-imwiet. Għax bħalma l-bnedmin kollha jmutu f'Adam, hekk ilkoll jiksbu l-ħajja fi Kristu. Imma kulħadd skond kif imissu; jibda l-ewwel frott li hu Kristu; wara, dawk li huma ta' Kristu, f'jum il-miġja tiegħu. Mbagħad, it-tmiem, meta Kristu jerħi s-saltna f'idejn Alla l-Missier, wara li jkun qered kull ħakma u kull setgħa u kull qawwa.
Għax jeħtieġ li hu jsaltan "sa ma jqiegħed l-għedewwa kollha taħt riġlejh.” L-aħħar għadu li jinqered tkun il-Mewt; U meta kollox ikun imqiegħed taħtu, mbagħad l-Iben stess jitqiegħed taħt Alla li jkun qegħedlu kollox taħtu, sabiex Alla jkun kollox f'kollox.
Evanġelju
Kulħadd jaf x’inhu t-tajjeb u x’inhu l-ħażin. Il-problema tal-bniedem mhux li ma jafx jagħżel bejn li jkun kattiv u li jkun ħanin. Hu jaf meta hu kattiv u jaf meta hu ħanin. Il-problema tal-bniedem hi li m’għandux saħħa jagħżel it-tajjeb. Dan hu misteru kbir. Kull bniedem iġorr f’qalb ġerħa kbira ġejja min-nuqqas ta’ Mħabba. Minn fejn ġiet din il-ġerħa? Kif wiritha? Malli l-bniedem dineb, f’qalbu nfetħet ferita... tnissel id-dubju jekk Alla kienx miegħu jew kontrih, kienx Missieru jew le, kienx iħobbu jew le, kien se jipprovdilu jew inkell hu rival tiegħu li qed jistenna l-waqt biex ikissru. Min jaf kemm-il darba waqt xi funeral, kellna nitqabdu ma’ dawn il-mistoqsijiet. Fejn hi l-Imħabba jekk kull bniedem imut?
Kristu nnifsu daħal f’dan l-inkubu tal-bniedem meta hu beka fuq in-nies li kienu mbeżża’ madwar il-qabar ta’ Lażżru. Il-mewt tbeżża’ lill-bniedem u twebbislu qalbu u tagħmlu egoista, jaħseb fih innifsu l-ewwel. “Survival instinct”. Din in-natura mwerwra rċivejna aħna. Sibna ruħna mdaħħlin f’din it-traġedja tal-bniedem, f’dan il-jasar. “Imsejken bniedem li jien! Min se jeħlisni minn dan il-ġisem tal-mewt?” (Rum. 7, 24).
In-Nisrani hu meħlus għax il-ferita ta’ qalbu tfejqet, tnixxfet fil-qjies li hu jemmen li Kristu miet għalih biex jirċievi natura ġdida. Din in-natura ġdida tagħmel li hu jinsa lilu nnifsu, għax “id-darsa li kienet tuġgħu, qalgħha”, u jinagħta għall-ieħor. Għall-pagan, “l-ieħor hu l-infern!” qal Nietsche, filosofu ateju. Min għad għandu l-ferita f’qalbu ma jista’ qatt jinagħta għall-“ieħor”, tajbin kemm ikunu tajbin l-intenzjonijiet tiegħu. U għalhekk, jekk il-qari li se nisimgħu jurina lil Kristu jistaqsina f’Jum il-Ġudizzju, x’għamilna u x’ma għamilniex ma’ għajrna, fi-verità il-mistoqwsija li fuqha se nkunu iġġudikati hi aktar profonda minn hekk. Għax wara l-għemejjel tal-ħniena hemm din il-mistoqsija: “Int emmint li jien mitt għalik? Emmint tassew li l-Qawmien tiegħi ifisser il-Qawmien tiegħek, li int se tgħix għal dejjem?” Fuq dan se jkun il-ġudizzju tagħna. Għax jekk tassew emmina fl-Iben ta’ Alla, ma jistax ikun li ma nitimgħux lil min hu bil-ġuħ, hu min hu; ma nistgħux ma nisqux lil min hu bil-għatx, hu min hu; ma jistax ikun li ma nilqgħux lill-barrani, hu min hu; ma jistax ikun li ma nlibbsux lil min hu għeri, hu min hu; ma jistax ikun li ma nżurux lil wieħed marid biex nagħmlulu kuraġġ, hu min hu; u ma jistax ikun li ma nżurux wieħed ħabsi, hu min hu u għamel x’għamel. U dan kollu anke mal-għadu tagħna. Dawn huma ħwejjeġ naturali għall-bniedem li hu “ġdid” fi Kristu.
Versett: Hallelujah. Imbierek min ġej f’isem il-Mulej! Imbierka s-Saltna ta’ David missierna li ġejja! Hallelujah.
Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew. 25, 31-46
F’dak iż-żmien Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: "Meta jiġi Bin il-bniedem fil-glorja tiegħu u bl-anġli kollha miegħu, mbagħad joqgħod fuq it-tron glorjuż tiegħu. U quddiemu jinġabru l-ġnus kollha, u hu jifridhom minn xulxin, bħalma r-ragħaj jifred in-nagħaġ mill-mogħoż: in-nagħaġ iqegħedhom fuq il-lemin tiegħu u l-mogħoż fuq ix-xellug.
Mbagħad is-Sultan jgħid lil dawk ta' fuq il-lemin tiegħu, 'Ejjew, mberkin minn Missieri, ħudu b'wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja. Għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni.' Mbagħad iweġbuh il-ġusti, ‘Mulej’, jgħidulu, ‘meta rajnik bil-ġuħ u tmajnik, jew bil-għatx u sqejnik ? Meta rajnik barrani u lqajniek, jew għeri u libbisniek? Meta rajnik marid jew fil-ħabs u ġejna nżuruk?’ U s-Sultan iweġibhom u jgħid, 'Tassew, ngħidilkom, kull ma għamiltu ma' wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.'
Mbagħad jgħid ukoll lil dawk ta' fuq ix-xellug, 'Morru minn quddiemi, misħutin, fin-nar ta' dejjem li tħejja għax-xitan u għall-anġli tiegħu. Għax jien kont bil-ġuħ u ma tmajtunix, kont bil-għatx u ma sqejtunix, kont barrani u ma lqajtunix, kont għeri u ma libbistunix, kont marid u fil-ħabs u ma ġejtux iżżuruni! Mbagħad huma wkoll iweġbuh, 'Mulej,' jgħidulu, 'meta rajniek bil-ġuħ, jew bil-għatx, jew barrani, jew għeri, jew marid, jew fil-ħabs, u aħna ma waqafniex miegħek?' Iweġibhom imbagħad u jgħidilhom, 'Tassew, ngħidilkom, dak li ma għamiltux ma' wieħed minn dawk iż-żgħar, anqas miegħi ma għamiltuh.' U dawn imorru fit-tbatija ta' dejjem u l-ġusti fil-ħajja ta' dejjem.
|
||
Last Updated ( Saturday, 25 November 2017 ) |